Showing posts with label Napuljun Bonaparte. Show all posts
Showing posts with label Napuljun Bonaparte. Show all posts

13.2.26

PARTI MINN DAK LI AĦNA

1. F’dan il-proċess twil li ninsab fih magħkom, ta’ ideat u kitbiet dwar bnedmin, kotba u kultura politika varja u li tmiss ma’ ħafna iktar milli wieħed jaħseb. F’dan insib x’jispirani u anki jiggwidani. Forza ta’ riflessjoni u awtokritika ta’ dak li hemm bżonn fis-soċjetà attwali tagħna u f’dak li fil-fatt huwa rilevanti għal kull waħda passata u futura. Gwida għal min irid iservi fil-kamp politiku. Anki dawk li jidħlu maqsuma bejn dak li jaqbel lilhom u dak li huwa fl-interess tal-oħrajn. Il-politika fiha l-ikbar valur meta ssir għall-ġid komuni. Kif dik il-linja tintilef wieħed jara tnaqqir u tnaqqis f’dak li nsejħu t-tessut demokratiku. Xi drabi l-analoġija ma’ siġra hi forsi aħjar. Fis-sens li meta tieqaf issaqqiha jew tittraskuraha, inevitabbilment tmur lura. Trid attenzjoni kostanti u għalhekk tirnexxi bħala dik li għandu jkun il-poter f’idejn il-poplu.

F’dawn iż-żminijiet

2. F’dinja li fiha qed naraw kif bnedmin varji ġew ittantati f’toroq li ma kellhomx. Dawk li fil-poter ekonomiku jew politiku ġibdu lilhom infushom f’aġir abbużiv u illegali qam ukoll punt interessanti. Dak li jistaqsi mill-ġdid għal min isiru l-liġijiet. X’wassal bnedmin qabilna, qabel is-sistema demokratika tagħna. Anzi, iktar aħjar, għal-liema skop ilkoll fil-fatt naħdmu. Jude Wanga, dan ix-xahar tikteb f’The London Review of Books artiklu bit-titlu The Centre Shrinks. Fejn tgħidilna: “Most MPs have never had to live like the people they legislate for.” (Ħafna deputati qatt ma għexu bħall-bnedmin li jilleġislaw għalihom). U tispjega hekk: “Politics isn’t something they came to after seeing how the country works. Politics is what they did instead of learning how the country works. When they talk about ‘ordinary people’ they invariably mean people they don’t know.” (Il-politika mhijiex xi ħaġa li waslu għaliha wara li raw kif jaħdem il-pajjiż. Il-politika hija dik li wettqu minflok tgħallmu kif jaħdem il-pajjiż. Meta jitkellmu dwar il-bniedem ‘ordinarju’, mingħajr dubju jitkellmu dwar dak li ma jafux.) Punt ta’ ħsieb u fl-istess ħin tluq lejn dak li għandna fil-fatt nużaw bħala regola u kejl lejn liġijiet tajba. Tajba fis-sens li huma dawk li jixirqu lill-persuni li nirrappreżentaw.

Federiku II

3. F’dan qiegħed naqra dak li kiteb l-istoriku differenti Gabriele Pepe (1899-1971) fit-trattat Lo stato ghibellino di Federico II (1951). Wara li taqra dwar Karlumanju, interessanti taqra dak li l-Imperatur tar-Rumani, dak magħruf jew deskritt bħala ‘Stupor Mundi’ wettaq. Dak l-iben li twieled minn omm li kienet fl-erbgħin sena tagħha, li wellditu f’tinda fi pjazza sabiex ma jkunx hemm dubju dwaru. Dak li fl-aħjar tiegħu, fil-qawwa politika l-iktar soda fehem li l-liġi hija strument mhux biss għalih imma sabiex ikun hemm affermazzjoni tas-sewwa u l-ġustizzja. Ħafna mexxejja huma fiż-żmien identifikati mar-regoli legali tagħhom. Mingħajr dubju, l-Imperatur Ġustinjanu (482-565 WK) b’dak li wara sar magħruf bħala l-Corpus Juris Civilis u Napuljun Bonaparte (1769-1821) bil-famuż Kodiċi Ċivili.

Liġi għall-poplu kollu

4. F’dan aktar, Pepe jfakkarna li diversi mexxejja fehmu li l-liġi hija wkoll missjoni ta’ unità. Dawk il-prinċipji morali u ta’ ordni pubbliku li jġibu f’daqqa pajjiż u renju. Federiku II dan fehmu huwa wkoll bħal dawk ta’ qablu u dawk li ġew warajh. F’dak il-mument diffiċli u progressiv li kellu quddiemu dan il-ħakkiem jikteb hekk: “Le Costituzioni non furono rese obligatorie in tutto il Regno, per il fatto che Federico avesse già nel 1231 la coscienza di un’unità politica di attuarsi per mezzo dell’unità delle leggi, ma perché aveva l’esperienza dei pericoli che costituivano per la sovranità regia gli statuti muniċipali. Ma è verissimo invece che le Costituzioni contribuirono al rafforzamento dell’unità politica del Regno.” (Il-liġijiet ma kinux saru obbligatorji fuq ir-Renju kollu, minħabba l-fatt li Federiku kellu diġà, fl-1231, l-għarfien ta’ unità politika li trid titħaddem permezz ta’ liġijiet uniformi, imma għax kellu l-esperjenza tal-perikli li l-liġijiet muniċipali kellhom fuq is-sovranità tiegħu. Imma fuq l-oħra fil-fatt huwa mill-iktar veru li l-Liġijiet assiguraw it-tisħiħ tal-unità politika tar-Renju sħiħ li rnexxielu jiġbor u jżomm.)

Awtur

5. Pepe f’dan il-ktieb iressaq diversi osservazzjonijiet dwar Federiku II. Senjatament kif qed naraw fil-ħidma leġislattiva tiegħu u dan iktar fid-domanda li tlaqna biha qabel. Huwa jikteb hekk: “Se è vero che le idee non cascono dal Cielo, tanto meno ne cascano, tranne il caso di Mosè le leggi: la loro origine è molto terrestri. La visione ancora poco Chiara dello Stato come pienezza di sovranità come razionale sorgente di pace e di giustizia, concezione che nasceva dalla tradizione romana imperialistica, attraverso la cultura romanistica dei consiglieri di Federico; il bisogno che le nuove classi borghesi sentivano di uno stato utilitario autonomo laico e non guerriero feudale. Un ordine pacifico e forte.” (Jekk huwa minnu li l-ideat ma jaqgħux mis-smewwiet, salv fil-każ tal-liġijiet ta’ Mosè, hekk ukoll dawk ta’ Federiku ma waqgħux mis-sema; l-oriġini tagħhom huma mid-dinja. Il-viżjoni f’dak il-mument mhux daqshekk ċara tal-Istat bħala saħħa sħiħa sovrana, bħal fonti loġika ta’ paċi u ġustizzja, kunċett li jitwieled mis-saħħa Rumana imperjali permezz tal-kultura Rumana tal-kunsilliera ta’ Federiku; il-bżonn ta’ klassijiet tal-borgeżija li ħassew il-bżonn ta’ stat utilitarju awtonomu, lajk u mhux gwerrier.)

Sub quadam lege

6. Il-punt huwa dak li kull persuna huwa mill-bidu tal-umanità soġġett għal-liġijiet. F’dan Federiku jfakkarna li anki Adam u Eva hekk kienu. Dawk li kisru l-liġi li ġiet indikata għas-sewwa tagħhom. Aħseb u ara llum wara tant sekli. Wieħed jibqa’ jirrifletti kif anki hawn, f’dawn il-gżejjer, nibqgħu naħsbu li hemm uħud li għax viċin, jew fil-poter, jistgħu ma jkunux marbuta mal-liġi. Jistgħu jkun ’l bgħid mis-sewwa u l-pariri li d-demokrazija kif għandha tkun, tagħti. Stat modern, attwali, veru u ġust irid jibda mill-ħsieb li l-liġijiet huma għall-bnedmin, mhux għall-oġġetti. Għal dawk kollha li twieldu bid-dinjità umana proprja tagħhom. F’dan nibqa’ iktar lura minn dawk li jridu jew jaħsbu li s-soluzzjoni għad-demokrazija tagħna hija dik li jkollna deputati “full-time”. Mhijiex proprju għax biex taħdem u tfassal liġijiet tajba trid tkun taf il-bnedmin li qed isiru għalihom. Dan Federiku II kien jafu u f’dan spjegat tajjeb Wanga meta ddikjaratilna l-periklu li rridu naħarbu, li: “Most MPs have never had to live like the people they legislate for.” Nittama li dan nifhmuh għax huwa parti minn dak li aħna.

21.1.26

NAFU X'GĦANDNA, JEW LE?

1. Pajjiżna, dak li twelidna u li sa issa għexna fih, huwa mimli bi storja, kultura u wirt uniku. Għandna moħħna u l-ħeġġa li dawn nużawhom fis-servizz tal-oħrajn u tagħna. Aħna sinjuri f’għelieqi morali u storiċi li pajjiżi oħra ftit għandhom bħalhom. Iżda hemm mument wieħed li f’ħafna jeħodna lura fiż-żmien meta dawn il-gżejjer ġew f’idejn il-Kavallieri ta’ San Ġwann. Kien minn dak il-mument li l-istorja tagħna saret differenti minn ta’ oħrajn. Ma bqajniex nimxu id f’id ma’ Sqallija imma bdejna triqitna fil-liġijiet, fid-deċiżjonijiet, fl-Istat u fl-għażliet kulturali partikolari tagħhom, li llum għandna nifhmu li huma tagħna. Kienu huma li bnew u mxew fuq dak kollu li l-perjodu storiku nidentifikawh bħala dak Barokk tagħna. Il-perjodu li Erin Serracino Inglott jiddeskrivi bħala dak “ta’ stil kapriċċużi; irregolari fit-tifsila, fil-għamla, speċjali, goff, esaġerat artistikament.”

Kienu huma


2. Kienu huma li qegħdu l-pedament tal-Istat modern tagħna llum, fil-ħsieb u fl-istruttura tal-Ordni. Ma kinux il-Franċiżi ta’ Napuljun Bonaparte (1769-1821), jew l-Ingliżi tal-ġeneruż Alexander Ball (1757-1809), imma dawn il-bnedmin ta’ ideat, ta’ kultura u attenzjoni li kellhom għal dak kollu li kien għaddej fid-dinja Ewropea ta’ madwarhom. Jista’ jkun li għal uħud huma simpatiċi u għal oħrajn le, imma l-fatti dawk jibqgħu. Marbutin, u f’dan mogħtija kredtu għal dak li aħna u dak li jinsab magħna. Ċertament jiddependi minna jekk dan il-punt niħdux ħsieb nikkultivawh u nġibuh lura għad-dawl, inkella nidfnuh. F’dan irid jingħad li jekk hemm min jaħseb li dak il-perjodu b’xi mod iħammrilna wiċċna, fil-verità dan mhu minnu xejn. Anzi nżid li l-preżenza tagħhom hawn, maż-żmien ġabithom jagħrfu l-wirt ta’ dak kollu li nġieb u li seħħ bil-miġja f’Malta ta’ missierna San Pawl.

Parir

3. Fuq dan partikolarment sibt kitbet il-Kardinal Gianfranco Ravasi (1942), li kiteb tajjeb hekk: “Purtroppo noi europei, che abbiamo una straordinaria eredità culturale, la stiamo seppellendo sotto il manto grigio della smemoratezza e del consumismo. Dovremmo ricordare che il patrimonio spirituale e culturale del passato è la sorgente per credere e agire nel presente e nel futuro.” (Sfortunatament, aħna l-Ewropej, li għandna wirt kulturali straordinarju, qed nidfnuh taħt il-gverta griża tal-konsumiżmu u tal-proċess uman li fih ninsew. Għandna niftakru li l-wirt spiritwali u kulturali tal-passat huwa l-fonti sabiex nemmnu, naħdmu u naġixxu fil-preżent u fil-futur.) Din id-dikjarazzjoni ma saritx fil-konfront jew fil-ħsieb partikolari tagħna. Imma fil-verità naħseb li tapplika għalina wkoll. Għandna, l-ewwel, naraw kemm dan qiegħed iseħħ f’dawn il-gżejjer; u t-tieni, kemm aħna preparati biex inkunu aħjar quddiem dak kollu li aħna u dak li writna.

Inqtajna

4. Wieħed irid jistaqsi: kemm inqtajna mill-għarfien tal-passat, u kemm għadna rridu mmorru lejh? L-istorja, il-kultura, l-għerf, l-identità huma importanti għalina. Għandna nistaqsu jekk fil-ġurnata tagħna, fil-ġimgħa, fix-xahar u fis-sena tagħna x’jirbaħ l-interess uman tagħna. Kemm bnedmin ifittxu li jinfurmaw ruħhom b’kotba, bi programmi, b’attività kulturali sabiex dak li kellna u dak li għadu tagħna ma nitilfuhx mill-memorja kollettiva? Anzi, kemm qed nikkumbattu sabiex inżommu din l-influwenza, din l-identità nazzjonali biex mhux biss tiġi rikonoxxuta, imma tibqa’ dik li minnha wieħed irid jitlaq biex ibaskat lilu nnifsu? Jassigura li huwa bniedem li qiegħed jgħix f’soċjetà li għandha sens u sustanza sħiħa u vera? Sfidi xejn faċli, imma li jistgħu jsiru u li bil-ħidma t-tajba jistgħu jintrebħu.

F’dan nirreġistraw

5. F’dan proprju nħoss li għandna nirreġistraw u nirrikonoxxu l-ħidma li ssir, sena wara oħra, u din partikolari fl-erbatax-il waħda tagħha. F’dak li huwa magħruf bħala l-Valletta Baroque Festival, li f’ħafna huwa identifikat ma’ Kenneth Zammit Tabona (1956), li ninsab ċert li għal diversi m’għandu ebda bżonn ta’ introduzzjoni. Bniedem li f’dan kellu l-viżjoni li, sena wara sena, jassigura tlett ġimgħat ta’ mużika li, fil-maġġor parti tagħha, hi dik li nidentifikaw mal-perjodu tal-Barokk. Fejn bnedmin li jfittxu l-kultura u l-mużika sabiħa jistgħu jmorru jisimgħuha. Ħafna drabi biċċiet li qatt ma ndaqqew qabel f’pajjiżna. B’ġabra ta’ bnedmin minn diversi rkejjen tad-dinja. Dik li tiġi sija minn dawk li jdoqqu, jesegwixxu u jkantaw, kif ukoll dawk li jiġu f’dawn il-gżejjer apposta biex ikunu magħna.

Ninnota

6. F’dawn l-ewwel jiem tas-sena, mertu ta’ dan pajjiżna jsir ċentru kulturali magħruf. Sija għal-livell verament għoli tal-eżekuzzjoni, kif ukoll fl-abbiltà tal-għażla intelliġenti tal-partijiet mill-varjetà kbira li għandna sabiex jiġu eżegwiti. Ninnota kull darba li kull appuntament ikun mimli bin-nies. Ħafna drabi persuni li jiġu apposta minn barra minn xtutna biex isegwu. Aħwa, ħutna, li għalkemm f’numri mhux daqshekk qawwija, imma hemm ikunu. Ftit assidwi li jsegwu b’attenzjoni u mħabba dak li jkun qiegħed isir. Uħud minnhom jgħixu għal dawn il-mumenti, fejn l-arja friska ta’ din il-mużika tagħti s-saħħa. Biss il-verità hija li għal dawn il-kunċerti jimmerita li jkun hemm iktar Maltin u Għawdxin li jattendu għalihom. U iktar minn hekk, dawk li jkunu ppreparati sabiex isiru jafuhom u japprezzawhom.

Għandna bżonn

7. Dejjem jekk m’aħniex ser niżbaljaw u nidfnu l-istorja sabiħa u unika tagħna, dan l-appuntament jimmerita ferm iktar attenzjoni da parti tagħna. Irridu nibnu l-konoxxenza ta’ din il-mużika li ma tantx tindaqq. Irridu wkoll nikkultivaw il-fatt li hemm persuni Maltin li għamlu isem f’dak iż-żmien. Dawk li jixirqilhom jinstemgħu u li jiġu rikonoxxuti. Nammetti li kull darba li b’xi mod ikolli x-xorti li nkun preżenti għal wieħed minn dawn l-appuntamenti, nibqa’ wieqaf naħseb. Fin-noti, fl-eżekuzzjoni nsibni sejjer lura fil-passat, u fl-istess ħin nirrikonoxxi kemm ħaqqna dinjità. Kemm hawn, il-bnedmin huma fil-vantaġġ li jġorru u huma parti minn proċess kulturali li beda flimkien mal-Kavallieri, u li għadu magħna sal-lum. Forsi f’qalbna n-nar ma tantx hu qawwi, imma ma waqafx inemnem.

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...