33488. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm hija prevista l-għajnuna umanitarja ta’ pajjiżna lill-poplu Palestinjan f'Gaza matul is-sena 2026 u x’tip ta’ għajnuna ser tkun?
07/01/2026
ONOR. IAN BORG: Ninforma lill-Onor.
Interpellant li għas-sena 2026, it-total previst tal-għajnuna umanitarja
fil-konfront ta’ Gaza huwa dak ta’ 330,000 ewro. Dawn il-fondi huma ddedikati
għal dak li hu msejjaħ bħala ‘Gaza Solidarity Fund’ li ġie mwaqqaf is-sena
l-oħra, fejn l-għan aħħari tiegħu hu li nsaħħu l-għajnuna umanitarja tagħna u
nindirizzaw l-iktar bżonnijiet kruċjali tal-poplu Palestinjan f’ Gaza, kemm f’
għajnuna finanzjarja kif ukoll permezz ta’ kontribuzzjonijiet iktar tanġibbli.
Għal din is-sena, l-Ministeru ser ikun qed jaħdem biex jindirizza
l-bżonnijiet relatati mal-ilma, s-sanità u l-iġjene. Din id-deċiżjoni ttieħdet
wara konsultazzjoni ma’ esperti li għandhom aċċess dirett fuq livell lokali.
Sadanittant qed isir proċess ta’ analiżi fuq il-prodotti li ser jintbagħtu
ġewwa Gaza. L-għan hu li b’dawn il-prodotti nilħqu l-iktar membri vulnerabbli
tal-popolazzjoni, partikularment in-nisa u t-tfal. Din l-inizzjattiva hi
ppjanata li ssir b’ kollaborazzjoni ma’ kumpaniji Maltin, fejn aktar tard,
l-objettiv tagħna huwa li tinħareġ sejħa pubblika għall-kumpaniji Maltin biex
jipparteċipaw f’ dan il-proġett.
Tajjeb li nfakkar ukoll li f’ Novembru tas-sena l-oħra, Malta kkommettiet
li tagħti għajnuna permezz ta’ taħriġ lill-uffiċċjali pubbliċi Palestinjani u
ħaddiema fil-qasam tas-saħħa. Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet mal-Istitut
tas-Servizz Pubbliku kif ukoll mal-Ministeru tas-Saħħa dwar kif dan se jkun
implimentat.
Barra minn hekk, Malta ser tkompli wkoll tagħti għajnuna finanzjarja
lill-organizzazzjonijiet internazzjonali li qegħdin jissapportjaw lil Gaza.
Seduta Numru 429
28/01/2026
No comments:
Post a Comment