1. Il-kumplikazzjonijiet fis-soċjetà kontemporanja mhumiex jonqsu. Anzi, kif qed naraw, ma’ kull ġurnata qed jiżdiedu b’veloċità qawwija. Dak li kien idum biex jasal għandna bħala aħbar, illum qed insiru nafuh dak il-ħin. F’dan hemm żewġ kurrenti: dawk li jaqilgħu oħrajn, anzi aqwa, jaqilgħulna, u dak li fl-imperfezzjonijiet tagħna naqilgħu aħna. Pajjiżna jinsab proprju f’dan il-fondoq. Diversi sfidi, problemi u diffikultajiet li jitwieldu, jimmaturaw u jiżviluppaw b’saħħithom kontra tagħna. Diġà aħna maqsumin bejn aġir pożittiv u dak negattiv. Bejn dak li kapaċi nibnu u dak li rridu nżarmaw. Imma f’dan kollu hemm punt determinanti li qiegħed jimmarkana kontinwament.
Fejn ninsabu
2. F’dan m’aħniex fl-istadju li deħlin ġewwa fondoq. Aħna diġà ninsabu f’dik il-ħofra mnejn qed inbatu biex nerġgħu nitilgħu lura minnha. Forsi m’aħniex nindunaw u kull ma qed nassiguraw huwa li l-ħitan tagħna nsebbħuhom. U forsi aktar, inħarsu ’l fuq bit-tama li jew jaqgħu dawk ta’ madwarna, li jdawruna, inkella li jnewlulna sellum biex nitilgħu minnu. Imma f’dan qisna rrassenjati fil-mentalità tagħna li xejn ma jiddependi minna u li kollox ġej minn barra, minn oħrajn. Dak li sar qabel, fit-tajjeb u fil-ħażin qiegħed magħna tant li tlifna l-abbiltà li nduru lura lejn dak li jilliberana. L-iktar fl-għarfien tan-nuqqas għad-dispożizzjoni tagħna tal-fatti għad-diskussjoni u l-għarbiel.
Waqajna
3. F’dan m’aħniex ma’ dawk li sabu ruħhom ma’ dawk li waqgħu f’abbiss, imma f’ħafna konna nafu li ser insibu ruħna hemm. Madanakollu, diversi ċaħdu l-ovvju. Diversi passi li saru qabel ma kellhomx isiru, u anzi, oħrajn ma kellux ikollhom l-appoġġ politiku. Il-pajjiż sostna politika li f’dan hija żbaljata. Dik li nbniet fuq pedamenti materjalistiċi. Dawk li ċaħħduna mill-valuri fundamentali tagħna. Dawk li ġibuna nċekknu dak li huwa fil-fatt l-iskop u l-mira vera tal-bniedem. Forsi hemm min għandu iktar flus fil-but u jħossu jista’ jixtri dak li qabel ma setax u dak li dejjem ixxennaq għalih. Forsi hemm min għandu iktar oġġetti madwaru imma m’għandux l-iktar ħaġa importanti: m’għandux id-dożi umani neċessarji tal-paċi u tal-ferħ li għandhom jakkumpanjaw lil kull persuna umana.
Għażilt din il-kelma
4. Il-kelma ‘fondoq’ hija interessanti u tiġi spjegata mill-mibki Erin Serracino Inglott (1904-1983) f’Il-Miklem tiegħu (għax huwa tajjeb li wieħed imur lejn l-għeruq veri tal-kelma) b’dan il-mod: “triq dejqa għan-niżla aktarx fil-fond, fejn ikun hemm għadd ta’ ħwienet ġeneralment tal-ħwawar jew nies orjentali”. Ninsabu proprju fit-triq fejn huwa l-kummerċ li qiegħed jiddomina fis-soċjetà tagħna. Mhux forsi fil-libertà li dan jixraqlu imma fil-kwistjoni kontinwa fejn il-kunsiderazzjonijiet fil-bilanċ tal-għażliet huwa dejjem fuq il-profitt. Fejn fil-kalatura tal-prijoritajiet tagħna bejn dak li huwa għall-ġid tal-bniedem inkella dak tal-but qed tirbaħ tal-aħħar. Dak li ġara fl-Iżvizzera f’dawn il-jiem, fejn ġabra ta’ żgħażagħ tilfu ħajjithom b’mod mill-iktar traġiku, huwa każ li jipprova dan kollu.
Indawru d-direzzjoni
5. F’dan wieħed jistaqsi: min ser isabbar lill-ġenituri ta’ dawk l-ulied, li ntilfu fl-aqwa tal-eżistenza tagħhom? Inkella d-disperazzjoni wkoll ta’ dawk li għażlu r-rgħiba fuq is-sewwa? Liġijiet u regoli li ma jiġux osservati. Bnedmin li ma jwettqux dmirhom u jibqgħu jdawru wiċċhom minn dak li huwa żbaljat. Proprju f’dan wieħed jifhem iktar li ninsabu fil-fondoq tal-pożizzjoni, fejn m’għadniex iktar kapaċi nsolvu l-problemi li niffaċċjaw verament. Forsi nifhmuhom, forsi jkollna tarf tal-eżistenza tagħhom, imma ninsabu ’l bogħod milli nsibu tarfhom. Ċertament, f’dan trid preparazzjoni, imma trid iktar l-abbiltà li tifhem fejn qiegħed u fejn trid titla’ lura. Mhux biżżejjed li aħna wieqfa komdi ma niċċaqilqux. Inkella agħar, li nibqgħu naljenaw rasna u naħsbu li jekk naħarbu mill-problema, din jew ser tisparixxi jew inkella ser tissolva waħedha.
Xi ħwawar għandna
6. F’din it-triq li ninsabu, għalhekk, għandna nifhmu li l-politika tagħna tkun determinanti jekk iġġib magħha s-soluzzjonijiet veri. Jista’ jkollna l-ħeġġa biex nibdlu u noħorġu b’forom oħra ta’ soluzzjonijiet, imma hemm iktar. Irridu nifhmu fejn ninsabu u nibnu lura programm fit-tul, mhux fil-qosor, li bih inġibu Stat demokratiku kif jixraq. L-iktar f’dan il-mument fejn qed jidher iktar evidenti li l-Gvern tilef l-ispirtu li jwettaq dan. Fejn il-momentum li kellu issa qiegħed ibati sew u qiegħed fid-diffikultà ‘naturali’ ta’ dawk li jdumu fil-poter. Fejn fuq l-oħra twieldet iktar l-isfida fil-Partit Nazzjonalista li mhux biss ‘jidher’ bħala alternattiva, imma li jkollu viżjoni ċara, ibbażata fuq il-prinċipji Demokristjani tiegħu biex iwettaq dan.
Sena oħra?
7. Mhijiex sena oħra quddiemna. Wisq inqas bilfors u neċessarjament dik elettorali. Imma hija parti sħiħa mill-ħajja politika u soċjali tagħna lkoll. Fejn nippretendu li l-affarijiet isiru aħjar, anki jekk issa f’dan wasalna fil-mument li ssir il-bidla. Bidla li titlob li fil-frattemp, il-pajjiż li wieħed “jiret” ikun beda l-proċess li jkollu d-direzzjoni li toħorġu mill-fondoq li jinsab fih. Fuq kollox sena li twelled aktar l-għarfien li l-poter tal-pajjiż fih sens dejjem jekk huwa jkun strument, għodda vera biex issolvi l-problemi. Fejn ma mmorrux nimitaw passi ta’ oħrajn barra minn xtutna li qed jibqgħu jduru fl-istess pożizzjoni. Minflok inkunu dawk li kapaċi jidentifikaw l-isfidi u jsibu ċ-ċavetta li biha jsolvu. Dawk li bihom noħorġu mill-fondoq li ninsabu fih.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
FIL-FONDOQ
1. Il-kumplikazzjonijiet fis-soċjetà kontemporanja mhumiex jonqsu. Anzi, kif qed naraw, ma’ kull ġurnata qed jiżdiedu b’veloċità qawwi...
-
10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin...
-
9944. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid ke...
-
27921. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputa...
No comments:
Post a Comment