1. Ngħiduha kif inhi, ftit kienu dawk li fl-aħħar elezzjoni ġenerali tal-2008 kienu lesti jaħilfu li l-Partit Nazzjonalista kien ser jerġa’ jiġi konfermat fit-tmexxija tal-pajjiż. Kienu għaddew żewġ leġislaturi infila li fihom il-partit kien ġieb maġġoranza ta’ ħames siġġijiet. Sa dik il-ġurnata f’Marzu, ebda partit ma kien irnexxielu jżomm il-maġġoranza tas-siġġijiet u tal-voti għal leġislatura oħra. Biss, ir-riżultat dak kien. Viċin kemm kien viċin, daqs nofs siġġu, kien biżżejjed. Biżżejjed biex dan il-partit ingħata mandat ċar. Ingħata l-piż u r-responsabbiltà li jmexxi ‘l quddiem lill-poplu għal din il-leġislatura, mentri l-Partit Laburista reġa’ sab ruħu fuq il-bankijiet tal-Oppożizzjoni.
2. Minn dak il-jum tlaqna biex naraw leġislatura ta’ barra mis-soltu, żgur mhux ordinarja. U dan fuq żewġ fronti, u mhux wieħed. Dak estern fl-atti u l-problemi nazzjonali, Ewropej u internazzjonali u dawk li inkredibilment żviluppaw fl-intern tal-partit innifsu. Id-deċiżjonijiet politiċi li kellhom jiġu konfrontati f’dawn l-aħħar erba’ snin kienu verament kompletament barra mis-soltu. Ma kienx faċli li titlaq taħdem fid-dell kontinwu ta’ kriżi ekonomika internazzjonali. Waħda li la dehret tinġema’ u anqas ma riedet turi l-impatt sħiħ tagħha. Sitwazzjoni li baqgħet għaddejja xahar wara xahar. Kriżi li nfirxet lejn il-munita Ewro. Ġiebet għarkubbtejhom pajjiżi ġirien u oħrajn fl-Unjoni Ewropea. Il-Greċja, il-Portugall, Spanja, l-Italja, l-Irlanda u l-Ingilterra kellhom ilkoll jaffrontawha. Kriżi li għadha ma waqfitx u għadha għaddejja sal-ġurnata tal-lum.
3. Iżda dan ma kienx biżżejjed. Rajna fl-ewwel seba’ xhur tas-sena li għaddiet l-isplużjoni tal-vulkan Libja. Il-ġlied, l-inkwiet u l-ħidma li saret kienet ta’ barra minn hawn. Pajjiżna ssogra bil-kbir f’kull livell, speċjalment għal darb’oħra f’dak ekonomiku. B’attenzjoni u b’ħidma diplomatika u nazzjonali mill-iktar attenta u delikata, il-Prim Ministru rnexxielu jasal u jwassal lil dan il-poplu fuq quddiem biex ta sehem mill-iktar determinanti. Il-Mediterran huwa llum ferm u ferm aħjar f’dawk li huma stabilità, paċi u prospetti demokratiċi. Hemm pedament importanti għall-futur tagħna lkoll. F’dan kollu żamm il-kolp u rnexxielu jżomm ukoll l-ekonomija għaddejja. Fil-baħar imqalleb, fit-tempesti ta’ barra minn hawn bqajna għaddejjin.
4. Fl-intern tal-partit, l-affarijiet anqas żviluppaw b’mod normali. Kien hemm fissazzjonijiet, nuqqas ta’ qbil, diskors żejjed magħmul apposta fil-miftuħ biex joħloq l-inkwiet, kif ukoll tramiet mill-iktar komplikati u żbaljati. Tul il-leġislatura kellna diversi sfumaturi ta’ dan. Persistenzi, persekuzzjonijiet, irjus iebsa u fittaġni, li kienu jokkupaw huma wkoll parti mill-ħin ta’ min kien involut. Fl-aħħar xhur, dawn is-sentimenti żbruffaw f’żewġ mozzjonijiet. Inkredibbilment, membri tal-Partit Nazzjonalista eletti fi ħdanu vvutaw, għar-raġunijiet tagħhom, kontra nies oħra fil-partit. Qatt ma kellna minn dan u huwa kundannabbli. Biss, dan kellu jiġi konfrontat minn dan il-Gvern. F’kelma waħda, ma rajniex u ma kellna leġislatura faċli xejn u quddiem dan kollu ser nitilqu għall-ġlieda elettorali minn taħt żgur.
5. B’danakollu l-Partit Nazzjonalista, li kellu jara ma’ wiċċu dan kollu, ma tkissirx. Wisq anqas żbroffa hu f’reazzjonijiet żejda. Żamm mal-kalma u l-paċi interna tiegħu. L-irġulija ta’ diversi ħarġet fil-beraħ. Il-partit baqa’ ffukat f’dak li hemm bżonn li jsir. Żamm quddiemu l-prijoritajiet tal-pajjiż. Il-ħidma tal-Gvern ma waqfitx. Il-bnedmin fi ħdanu urew li kapaċi jaffrontaw sija dak li għaddej barra, kif ukoll dak li għaddej ġewwa. Il-poplu għandu llum quddiemu xhieda ċara li l-Partit Nazzjonalista huwa magħmul minn persuni ffurmati tajjeb, preparati u mimlija esperjenza. Partit ieħor, meta sab ruħu fi kriżi ekonomika u fl-intern tiegħu, ikkrolla kompletament. Mar għal elezzjoni u baqa’ barra mill-gvern għal, issa, erbatax-il sena.
6. Elezzjoni ġenerali llum, għada jew pitgħada rridu naslu għaliha f’din il-leġislatura, ma hemmx dubju. Din hija d-demokrazija. Il-pajjiż ser ikollu għażla oħra, għal darb’oħra. Biss, dan il-Partit Nazzjonalista jitlaq, żgur mhux forsi, minn taħt. M’għandux il-vantaġġi li għandhom l-oħrajn. Partit fil-gvern minn dejjem jitlef l-appoġġ minħabba d-deċiżjonijiet li jieħu, aħseb u ara f’dawn iċ-ċirkostanzi. Min għamillu l-ħsara għandu żgur, u bil-bosta. Din hija l-pożizzjoni li għandna quddiemna. Ma hemmx ħabi minnha. Irridu naffrontawha, żgur. Għalhekk, f’dawn ix-xhur irridu nanalizzaw u nfehmu aħjar għala, minkejja kollox, il-pajjiż għandu u jaqbillu li jagħżel il-Partit Nazzjonalista. Mhux biss għax il-Partit Laburista għadu mhux preparat, mhux biss għax għadu wieħed li għadu ma jsib xejn ħażin fil-kuxjenza tiegħu li jwettaq azzjonijiet żbaljati, mhux biss għax il-kontenut politiku għalih m’huwiex prijorità imma l-aktar għax il-Partit Nazzjonalista jibqa’ l-aħjar. Dan il-partit jibqa’ aħjar mhux biss għax għandu nies ta’ kwalità, imma iktar minn hekk għax għadu wieħed li kapaċi jibni programm, viżjoni għall-futur aqwa għal dan il-poplu u dan il-pajjiż. Nitilqu żgur fi żvantaġġ, assolutament minn taħt, però dan ma jfissirx li b’xi mod ser naqtgħu lura mid-determinazzjoni li nikkonvinċu li l-pajjiż, b’dan il-Partit Nazzjonalista, javvanza kull darba ‘l quddiem.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT
22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f&...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment