1. Pajjiżna m’huwiex l-uniku fl-Ewropa li għandu politika li persuni li jaslu għandu irregolarment, jiġifieri mingħajr ma jgħaddu mit-toroq normali u legali, jiġu miżmuma għal perjodu f’ċentri ta’ detenzjoni. Ebda Ministru tal-Immigrazzjoni ma jkun tant ferħan b’din il-linja odjuża, imma neċessarja, għaż-żamma tal-ordni u kontroll tal-fruntieri tiegħu. Trid issir distinzjoni bejn min jiġi b’mod regolari u min le. Bħalma għandha ssir distinzjoni fost dawk li jaslu irregolarment, bejn dawk li ħaqqhom l-istatus ta’ protezzjoni u dawk li ma ħaqqhomx. Mhux kull min japplika għall-ażil huwa intitolat għal protezzjoni ta’ refuġjat, jew umanitarja. Kważi 98% ta’ dawk li jiġu f’pajjiżna jippreżentaw talba lill-Kummissarju tar-Refuġjati, imma ovvjament, mhux ta’ kulħadd tiġi milqugħa. Però, żgur mhux forsi, persuni vulnerabbli u tfal, ma jidħlux fiċ-ċentri mill-ewwel.
2. F’dawn l-erba’ snin, is-sitwazzjoni fiċ-ċentri ta’ detenzjoni inbidlet ta’ taħt fuq. Il-kundizzjonijiet li kellna inizjalment, illum m’għadhomx jeżistu. Mill-2006 sal-2009 kellna xmara qawwija ta’ persuni li ġew. Ma kienx possibbli li jkollna kollox f’postu jew ferm aħjar kif għandna llum, sforz il-volum kbir ta’ bnedmin li ġew. Ħadd ma jista’, b’xi mod, imeri li s-sitwazzjoni nbidlet drastikament. Il-postijiet huma ferm u ferm aħjar u s-servizzi tjiebu sew. Niftakar ċar għax, għall-kuntrarju ta’ persuni oħrajn fil-politika jew fil-ħajja pubblika, dħalt fihom diversi drabi. Dħalt, u miegħi ħadt mingħajr ebda mistħija diversi Ministri, Kummissarji Ewropej u uffiċjali għolja sabiex jaraw, imissu b’idejhom u jitkellmu ma’ dawn il-persuni li, fl-aħħar mill-aħħar, fi Brussell inkunu qed niddeċiedu fuqhom. Deċiżjonijiet fuq bnedmin illi diversi la raw u lanqas qatt ma tkellmu magħhom, però li jien rajt u missejt.
3. Iva, għall-kuntrarju ta’ ħaddieħor, missejt b’idejja u affrontajthom b’wiċċi minn quddiem u b’qalb miftuħa. Kull darba li mort, spiċċajt nagħmel meeting pubbliku b’domandi u risposti ċari u diretti. La bżajt mill-verità u wisq u wisq inqas li mmisshom u ngħannaqhom. F’ebda mument ma dħakt bihom u tajthom x’jifhmu li f’dan il-pajjiż għandna territorju tant kbir li ser inħalluhom jiġru ‘l hemm u ‘l hawn, mingħajr konsiderazzjoni ta’ xejn. Il-politika ta’ detenzjoni żammejtha, bħala Ministru, fl-interess tal-poplu u fl-interess tagħhom stess, jiġifieri ta’ dawn il-povri li jaslu f’pajjiżna bil-baħar b’diffikultajiet kbar.
4. Fl-interess ta’ pajjiżna għax għandna nieħdu ħsieb nipproteġu lill-poplu. Mhux kull min jiġi nistgħu nippresumu li għandu intenzjonijiet tajba. Aħna wkoll parti mill-Ewropa u għandna dmirijiet ċari dwar kif għandna niggarantixxu s-sigurtà lil kulħadd. It-tieni, mhux kull min jiġi jaf x’ser isib. Anzi, diversi traffikanti kriminali jgħidulhom ħaġa u huma jsibu oħra. Oħrajn, lanqas biss ikunu missew mal-istituzzjonijiet demokratiċi u normali, u trid tfehemhom li hawn jeżistu sptarijiet, skejjel, soċjetà, pulizija, qrati, liġi, ġustizzja, eċċ. Hemm bżonn perjodu ta’ transizzjoni neċessarju biex dawn il-persuni jifhmu u jiġu mgħallma. Ma nilludux ruħna li kull min jasal hawn, immedjatament kif imiss magħna, ser isir parti sħiħa mis-soċjetà tagħna u dik Ewropea. Jibqgħu jġorru pajjiżhom u l-kultura tagħhom u jrid jgħaddi ftit taż-żmien mhux ħażin sabiex jinbidlu.
5. Fl-interess tagħhom ukoll. Ngħid dan għax skużawni, imma xbajt nara ipokresija f’pajjiżna u barra minn xtutna, ta’ dawk li jaħsbu li tkun korrett jekk sempliċement tħallihom jiġru waħedhom u jfendu għal rashom fl-individwaliżmu tipiku tal-liberaliżmu. Meta żżomm persuni fid-detenzjoni, kif nagħmlu, nieħdu ħsieb il-bżonnijiet tagħhom. Ikel, saħħa, tagħlim u fejn jgħixu u jorqdu. Nassiguraw dan anke meta joħorġu barra. Bir-rispett kollu, ħadd fl-Ewropa ma jagħmel l-istess li nagħmlu aħna magħhom. Jafu, fil-maġġoranza tagħhom, li aħna naqbżu għalihom ukoll sabiex fis-soċjetà jkunu protetti sew. Is-servizzi kollha jingħataw mingħajr riservi jew diskriminazzjoni.
6. Mhux biss, imma għall-kuntrarju ta’ ħaddieħor, bl-isforzi tagħna assigurajna li dawk li ħaqqhom protezzjoni, speċjalment familji, rajna li nagħtuhom futur f’pajjiżi oħra. Marru madwar 1,500 ruħ fl-Ewropa u fl-Istati Uniti tal-Amerika u hemm bdew ħajja ġdida. Dan ma waqax mis-sema, imma sar mertu ta’ ħidmet dan il-Gvern. Ħidma li saret b’ħafna rwiefen kontrina u mingħajr ħafna appoġġ minn ċerti organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-persuni li marru jafuh dan, bħal ma jafuh dawk li għad iridu jmorru. Dawn huma passi li aħna għandna d-dritt li ninfurmaw lill-poplu bihom u dan għax huma passi tajbin u li huma għas-sewwa. Passi li saru biċċa biċċa, b’riformi kontinwi żgħar u kbar kontra kull kurrent.
7. Biss, id-detenzjoni sservi sabiex tassigura kemm jista’ jkun malajr li min ħaqqu jingħata protezzjoni jeħodha u min ma ħaqqux nibgħatuh lura lejn pajjiżu. Tul dawn is-snin, assigurajna li l-proċess li bih issir din id-distinzjoni, jsir malajr. Il-Kummissarju tar-Refuġjati għandu veloċità ikbar minn dik ta’ pajjiżi oħra. Mertu tiegħu u tal-persuni li għandu jaħdmu miegħu, illum-il ġurnata għandna proċessar aqwa milli kellna u aqwa minn dak ta’ pajjiżi oħra. Din il-ħidma hija għalija l-pern, il-ġebla tax-xewka tal-politika tad-detenzjoni. Minnha tagħmel ġustizzja bejn dawk li għandhom jiġu protetti u dawk le li nibgħatu, kif aħna nagħmlu, lura.
8. Tul dawn is-snin ħadna ħsieb inżommu din il-linja politika b’dinjità u attenzjoni. Fl-opinjoni tiegħi, ikun żball jekk din tiżżarma għax iġġib kaos, twassal għal sfruttament ta’ dawn il-persuni, tkabbar l-inċentivi għall-abbuż fit-traffikar ta’ persuni għal skopijiet kriminali u flok inkunu qed ngħinu lil min huwa vulnerabbli, inkunu qed nissudaw lil min irid jirkeb fuqhom. Nittama li kulħadd jifhem dan għax inkella nkwiet, razziżmu u ssudar ta’ persuni fuq il-lemin estrem ikollna. Il-politika tad-detenzjoni, odjuża kemm hi odjuża, tibqa’ waħda neċessarja.

No comments:
Post a Comment