24.7.12

L-għażliet personali

1.    Il-verità mhix kontra tagħna li rridu l-ġid lil dan il-Partit Nazzjonalista.  Hija twassalna sabiex nieħdu d-deċiżjonijiet li għandna, kif naraw li huwa tajjeb għall-pajjiż.  Tul dawn is-snin, fil-politika rajt li hemm għażliet varji li wieħed irid jikkonfronta.  Li taħrab mir-realtà huwa żball, li tagħżel il-mument meta taffrontaha huwa għaqal.  Dak qiegħed dejjem f’idejk u jkun żball jekk tħallih għal riħu jew għax-xorti.  Tista’ tiddeċiedi mill-ewwel u tista’ tieħu l-ħin għall-għażla tiegħek, iżda l-importanti hu li tkun taf sewwa l-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet li tkun ser tieħu.

2.    Huwa dejjem tajjeb li nkunu nafu fejn aħna, min huwa magħna u min ser isostnina.  Tlifna membru mill-partit b’għażla diretta tiegħu.  Ma tlifniex wieħed li jrid isostni lill-Gvern tal-ġurnata.  Għażel, għar-raġunijiet tiegħu, li ma jibqax jikkunsidra ruħu iktar bħala parti mill-grupp parlamentari Nazzjonalista.  Ma xtaqtux jieħu din il-linja, bħalma iktar ma xtaqtux li jivvota mal-Oppożizzjoni kontra Richard Cachia Caruana.  Però, ħaġa ġġib lil oħra.  B’dak il-vot, ċert li fehem li kien fisser li kien qiegħed jieħu pass kontra l-linja tal-għażla tal-maġġoranza fi ħdan il-grupp parlamentari.  Għamel id-deċiżjonijiet tiegħu.  Ma naqblux magħhom, però għamilhom.  Dik hija r-realtà, mhux ser naħirbu minnha.

3.    Min għażel li jitlaqna ħa pożizzjoni differenti minn min qisu jrid jibqa’, però m’huwiex effettivament magħna.  Għalija huwa dejjem tajjeb li nkunu nafu fejn aħna u ma’ min aħna.  Inkunu ċari ma’ xulxin.  Min huwa fi ħdanna għandu d-dmir li jagħraf li l-partit jiġi qabel l-aġendi personali tiegħu għax il-valur ta’ partit dak huwa.  Għaqda u ħidma favur programm, viżjoni ta’ Stat demokratiku Ewropew.  Ħidma li permezz tagħna l-pajjiż jista’ jimxi ‘l quddiem b’kemm partit ikun kapaċi jgħarbel fi ħdanu l-ideat, iressaqhom għall-poplu u jimplimentahom.  Dan huwa l-prinċipju fundamentali ta’ partit politiku.  Jekk wieħed anqas dan ma jifhem, allura għandu problema fl-għażliet tiegħu.

4.    Għax kull min huwa f’partit għandu l-għażliet tiegħu, għandu l-ġudizzji personali tiegħu.  Ġudizzji personali però, m’humiex neċessarjament ir-realtà.  Tista’ tibqa’ mwaħħal ma’ ideat żbaljati, tista’ tibqa’ m’intix f’pożizzjoni li ċċaqlaq lilek innifsek mill-passat, tibqa’ żżomm ġewwa fik, imma dan m’huwiex ir-realtà ta’ llum.  Il-passat qatt ma tista’ terġa’ ġġibu, speċjalment fil-politika.  Għalhekk huwa tajjeb li kull persuna tressaq il-pożizzjoni tagħha u din tiġi diskussa internament.  Min kapaċi jagħraf dak li ħana, dak li ġara u jimxi ‘l quddiem ikun kontributur rilevanti.  Min le, sfortunatament jibqa’ fejn hu – maqtugħ mir-realtà.  Is-sehem, il-parteċipazzjoni attiva jew passiva f’partit politiku ssarraf f’ħidma aqwa.  Biss, din dejjem tiddependi mill-għażliet u l-ġudizzji personali ta’ dak li jkun.

5.    Inqasna b’persuna, biss dan ma jfissirx li l-każ huwa r-regola.  Il-Partit Nazzjonalista huwa magħmul minn maġġoranza ta’ persuni onesti, umli, mimlijin b’irġulija u ppreparati biex jagħtu servizz lill-pajjiż.  Fi ħdanna hemm diversi li l-għan tagħhom huwa li jgħinu lill-proxxmu, lil dawk li huma minn taħt u mhux lilhom infushom.  L-ismijiet tagħhom rari ssibhom fl-aħbarijiet.  Jaħdmu fil-kwiet, jaħdmu b’mod effettiv sabiex jibdlu, bil-passi t-tajba, għall-ġid ta’ kull persuna.  Jirrappreżentaw dak li l-partit dejjem kien.  Hemm żgur għaqda interna bejnietna li tul dawn is-snin anzi ħassejtha tikber fid-determinazzjoni tagħha quddiem l-aġir żbaljat ta’ ħaddieħor.  Hemm għażliet personali ċari u impenjati.

6.    Il-fatt li jkollok membri parlamentari li jieħdu l-passi żbaljati li jħossu li għandhom jieħdu ma jirriflettix fuq l-oħrajn.  Jekk hemm min ma tista’ tikkuntentah b’xejn, jekk hemm min huwa kontinwament bla loġika u raġuni, dan ma jfissirx li l-Kap tal-Partit għandu xi tort.  Kull min irid jagħmel ġudizzju tajjeb u jirrispetta l-verità u r-realtà jaf li aġixxa bl-aqwa mod.  Kapijiet oħra ta’ partiti oħra kienu jikkrollaw, iċedu l-armi u ma jibqgħux jikkumbattu, jum wara jum, għall-ġid tal-poplu.  L-għażliet tiegħu kienu u baqgħu mhux dawk li jħares tiegħu personali, imma li jħares ‘il quddiem.  Il-partit baqa’, fil-frattemp, wieħed rilevanti.  Baqa’ dak li kapaċi jmexxi ‘l-pajjiż b’għaqal u esperjenza.  Nagħlaq billi ngħid illi jekk dan il-bniedem, Lawrence Gonzi, irnexxielu jżomm il-pajjiż għaddej, bl-ekonomija tikber u x-xogħol jitkattar bid-diffikultajiet kollha li ra ma’ wiċċu, x’kapaċi jwettaq iktar meta dawn il-problemi ma jkollux?

No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...