1. Ftit jiem ilu, għal darb’oħra marru għoxrin ruħ mill-immigranti irregolari li ġew f’pajjiżna lejn l-Istati Uniti tal-Amerika. Dawn il-bnedmin bħalna, f’dak il-pajjiż ser jibdew ħajja kompletament differenti. Diġà f’dawn il-gżejjer kienu qed igawdu mill-ospitalità, il-libertà u d-drittijiet fundamentali li nħaddnu. Kollha kemm huma kienu ġejjin minn stati li fihom ma jistgħux jgħixu aktar. Is-Somalja hija l-eżempju klassiku u mill-iktar ikrah fil-ħajja tal-istorja tad-dinja. M’hemmx ħlief inkwiet, qtil u gwerra ċivili li m’hemmx li tieqaf. Għal dawn il-bnedmin pajjiżna serva sabiex jipprovdilhom assistenza mill-ewwel, hawn u issa, biex ikunu f’pożizzjoni li jibdew paġna ġdida f’pajjiż kompletament ġdid għalihom.
2. Ser jaslu fil-ħin sabiex jiċċelebraw jum importanti fl-istorja, mhux biss ta’ dak il-pajjiż, imma fir-realtà tad-dinja kollha. L-4 ta’ Lulju 1776 huwa l-jum li fih il-Kungress ta’ dawk li kienu jiffurmaw l-Amerika ddikjara l-indipendenza tiegħu mir-Renju Unit. Minn dak il-jum, mitejn u sitta u tletin sena ilu, bdiet paġna ġdida għall-umanità. Il-persuni miġbura sabiex imexxu ‘l quddiem it-tlettax-il stat indipendenti kienu magħmula minn politiċi, mexxejja li kienu ffurmati tajjeb. Meta taqra dak li ddeskrivew u kif waslu għall-istruttura tal-ewwel stat demokratiku modern tifhem iktar li l-letteratura, il-filosofija, il-liġi minn għeruq il-Greċja u Ruma kienu fihom.
3. Dak li sar minn dawk il-bnedmin kuraġġużi kien barra mis-soltu u kien, f’dawk iż-żminijiet, mingħajr ħitan tal-irdoss. Id-demokrazija tal-bniedem ‘il bogħod mill-monarkija twieldet, u minn hemm baqgħet dawl, linja ta’ ispirazzjoni għall-popli kollha tad-dinja. Kienu l-persuni li ġew minn stati oħra. Kienu immigranti li riedu jibnu dinja ġdida b’valuri nsara fihom. Id-dinjità tal-bniedem, l-importanza tad-drittijiet fundamentali miktuba u nfurzati b’qorti suprema għamlu pedamenti li huma biss kienu kapaċi jibnu. L-għarfien li kienu ġejjin mid-diversi rkejjen tal-Ewropa baqa’ magħhom sal-lum.
4. Diversi kienu dawk li kienu ppersegwitati f’pajjiżhom. Il-maġġoranza minħabba l-fatt li kienu protestanti mhux tollerati jew minn protestanti oħra jew minn mexxejja varji fl-Ewropa. U proprju dan il-pedament intern u għal dan il-pajjiż kbir u ġeneruż ma ġiex inwarrab. Baqa’ pajjiż li jrid jagħti futur fir-rispett tal-valuri li lkoll, bħala demokratiċi, għandna nħaddnu u nħaddmu. Id-dittaturi tad-dinja, sfortunatament, għadhom jeżistu. Mhux biss, imma għad hawn politiċi li jaħsbu li l-politiku għandu jkun fil-faċċata demokratiku imma fl-intern despotiku u bla qalb. Fortunatament, is-sistema li nbniet snin ilu hija garanzija kontra dawn l-eżempji ħżiena.
5. Il-metodi tal-partiti tal-lemin estrem isarrfu iktar ruħhom ħażin fis-suġġett tal-immigrazzjoni. Id-demokrazija timponi, minnha nfisha, l-ugwaljanza ta’ kull bniedem quddiem il-liġi u l-istat. M’hemm ħadd li huwa inferjuri, anzi tħares li tipproteġi lil dawk li huma l-iktar vulnerabbli. F’dawn is-snin, pajjiżna segwa dawn l-eżempji tajba. Proprju għalhekk li bnejna ħdima importanti li qegħda tippermetti numru ta’ persuni li waslu f’pajjiżna li jiġu mogħtija l-opportunità ta’ ħajja ġdida fl-Istati Uniti. Diġà qbiżna l-1,000 ruħ li ftit ftit, kważi kull xahar, qed jiġu rilokati u integrati fi bliet Amerikani.
6. Ċifri maħruġa reċentement minn dan il-pajjiż ħabib tagħna juru li f’kull sena hemm madwar 55,000 ruħ li jiġu integrati mill-pajjiżi varji tad-dinja. Programm li juri serjetà kbira u determinazzjoni għas-sewwa. Il-kollaborazzjoni ma’ dan il-poplu Amerikan ilu ġej mis-sekli u, salv għal ftit snin, kien dejjem b’saħħtu ħafna. Rajt numru ta’ ftehim iffirmati u li ppermettew iktar faċilitajiet u vantaġġi għalina. F’dan il-jum tal-Indipendenza Amerikana għandna kull raġuni biex ningħaqdu magħhom f’din iċ-ċelebrazzjoni. Id-demokraziji flimkien jassiguraw dejjem iktar ġid u żvilupp. Għalhekk qegħdin fit-triq it-tajba meta nasserixxu dejjem iktar li mingħajr id-dittaturi u l-ideat tagħhom id-dinja tara iktar paċi u ġustizzja jirrenjaw fiha.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
4.7.12
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT
22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f&...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment