29.6.12

Traffikar ta’ bnedmin

1.    Fid-dinja tal-lum, id-distanzi qsaru.  M’għadux daqshekk diffiċli sabiex persuni jmorru minn pajjiż għal ieħor.  Il-mezzi ta’ trasport huma tant veloċi li kull bniedem jista’ litteralment idur id-dinja f’ħakka t’għajn.  Imur min-naħa għall-oħra qisu m’hu xejn.  Trasport faċli, u hemm ukoll inqas diffikultajiet sabiex jinqasmu l-fruntieri.  Meta taqra d-diversi rakkonti dettaljatissimi ta’ vjaġġaturi fis-sekli passati tinduna dejjem iktar kemm l-affarijiet inbidlu.  Però, il-progress uman dejjem iġib miegħu vantaġġi u żvantaġġi.  Pajjiżna m’huwiex nieqes minn dan ix-xenarju, anqas.  Aħna llum, mertu tal-Unjoni Ewropea u b’mod dirett bil-ftehim li għandna taħt ir-regoli ta’ Schengen, niggarantixu aktar faċilitajiet għall-poplu Malti.

2.    Niftakar fi żmien mhux tant ’il bogħod meta konna ngħaddu minn passjoni biex, wara serbut nies, niġu mistoqsija diversi domandi mill-uffiċjali ta’ pajjiżi oħra r-raġunijiet tal-viżta tagħna f’arthom.  Ħafna Maltin u Għawdxin jafu li fil-passat kienu jiġu rifjutati u mibgħuta lura għax skont dak il-pajjiż Ewropew, min mar hemm mar għal xi raġuni ta’ xogħol, eċċ.  Nafu kemm studenti u gradwati ta’ dawn il-gżejjer sabu dawn l-intoppi u kumplikazzjonijiet.  Fortunatament illum, l-ewwel għax dħalna membri fl-Unjoni Ewropea u t-tieni, għax naqgħu taħt ir-regoli ta’ Schengen, il-ħajja hija aktar faċli.  Mhux biss, imma hemm ferm iktar dinjità milli kellna qabel.  M’għandniex niġu umiljati b’dak il-famuż ”passaport aħdar” li kien jixbaħ ħafna dak tar-rivoluzzjoni ta’ Ghaddafi.

3.    F’dan il-pajjiż ninsew dak li rnexxielna nakkwistaw.  Ninsew li, immorru fejn immorru fl-Ewropa u f’numru ieħor ta’ pajjiżi, il-karta tal-identità tagħna hija biżżejjed.   Lanqas passaport m’għandna bżonn.   U almenu għandna passaport avvanzat.  Wieħed prestiġjuż u mimli informazzjoni li jippermettilna mmorru anke fl-Istati Uniti tal-Amerika b’inqas diffikultajiet minn qabel.  Infakkar li anke taħt din il-leġislatura, sar sija d-dħul bl-ajru fiż-żona Schengen, kif ukoll l-iffirmar tal-ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerika.  Dan il-Gvern għamel ħafna xogħol li swielu l-ħin, li sfortunatament, mhux kulħadd japprezza, imma sar.  Sar għall-ġid tagħna lkoll.  Jixraq li nkunu stmati ta’ ċittadini Ewropej daqs l-oħrajn, mingħajr distinzjoni.  Dan sar mertu tagħna u mertu tagħna li għadna qegħdin inżommuh għaddej tajjeb.

4.    Biss mat-tajjeb, kif għidt, jiġi l-ħażin.  Jiġi f’diversi direzzjonijiet.  Meta tneħħi kompletament ċerti kontrolli fuq il-fruntieri tivvantaġġja wkoll lil min jabbuża fl-illegalità jew fil-kriminalità.  Settur mill-iktar delikat u li kostantement jitlob attenzjoni ġej mill-aspett tat-traffikar ta’ persuni għal skopijiet kriminali.  Prostituzzjoni l-ewwel, però mhux biss.  Hemm ukoll suġġetti oħra marbuta max-xogħol jew l-abbuż.  Pajjiżna wkoll, bħal oħrajn, isib lilu nnifsu f’dan il-kurrent ta’ trasport ta’ persuni umani fejn id-dinjità tagħhom ma tiġix rispettata.  Meta dħalt fl-Eżekuttiv, l-ewwel bħala Segretarju Parlamentari u wara bħala Ministru, sibt sitwazzjonijiet strambi.  Kellna, per eżempju, liġi li tikkundanna lil min jibgħat Maltin barra għal skop ta’ prostituzzjoni, imma ma kien hemm xejn fuq min iġib persuni minn pajjiżi oħra għall-istess skop.  Il-liġi għalhekk ġiet emendata.

5.    Tul din il-leġislatura ħadna ħsieb li nintroduċu numru ta’ reati ġodda marbuta mal-prostituzzjoni u l-pornografija tal-minuri.  Bħalma rajna wkoll li nikkontrollaw aħjar it-turiżmu orjentat f’din id-direzzjoni jew l-issolleċitar ta’ minuri minn fuq mezzi ta’ teknoloġija.  Dan għamel il-ġid, però kien iktar interessanti dak li dħalna għalih flimkien mal-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika sabiex ikun hemm programm iktar dettaljat u attent.  Attenzjoni sabiex mhux biss wieħed jikkuntrasta din il-kriminalità, imma jkollu iktar persuni preparati biex jifhmu jekk wara din l-attività illegali hemmx organizzazzjonijiet kriminali li qed imexxu kollox.  Il-vittmi ta’ dawn is-sitwazzjonijiet jitolbu aktar attenzjoni.  Il-kumplikazzjonijiet u l-mekkaniżmi sofistikati li jaħdem bihom il-kriminal f’din il-linja huma kbar.  Aġir bħal dan huwa legalment u moralment kundannabbli, gravi u m’għandux jiġi permess.

6.    Tul is-sena li għaddiet kelli l-opportunità li nidħol iktar mill-viċin f’dak li kien qiegħed isir.  Il-Gvern Amerikan kien ressaq numru ta’ preokkupazzjonijiet li kienu jitolbu ferm iktar taħriġ u ferm iktar preparazzjoni mill-forzi tal-ordni, kif ukoll minn numru varju ta’ dipartimenti.  Żammejt dan is-suġġett taħt għajnejja sabiex nassigura li nagħtu tweġibiet aħjar.  Taħriġ, diskussjoni u tibdil intern fil-Korp tal-Pulizija u fi ħdan il-Ministeru sabiex inwieġbu aħjar.  Da parti tiegħi ħadt ħsieb inressaq lill-Kabinett abbozz ta’ liġi – li ġie approvat – li fih żidna l-pieni u introduċejna reati ġodda sabiex naqtgħu qalb min jittraffika fil-persuni umani u, fl-istess ħin, lil min naqbdu nkunu nistgħu nipproċedu kontra tiegħu u jingħata dak li ħaqqu skont il-liġi.

7.    Fil-pajjiż naraw diversi persuni ta’ nazzjonalità barranija, uħud jiġu legalment u oħrajn le.  Uħud bil-baħar, bħall-immigranti irregolari, u oħrajn bl-ajru.  Mhux kull min jiġi qed jiġi għalhekk, ma hemmx dubju, però rridu nkunu iktar attenti sabiex min jiġi jew ikun ser jiġi abbużat minn din l-attività kriminali nkunu f’pożizzjoni li nipproteġuh.  Diġà sar xogħol kbir u l-Istati Uniti tal-Amerika rrikonoxxew dan fl-aħħar rapport tagħhom.  Biss hemm ferm iktar x’jista’ jsir.  Il-kollaborazzjoni tal-pubbliku f’dan hija dejjem essenzjali.  Il-Korp tal-Pulizija huwa llum ferm iktar preparat minn qabel u l-linji tiegħu, speċjalment il-linja 119, huma miftuħa għal min irid iwassal indikazzjoni jew rapport.  Il-pajjiż tagħna huwa miftuħ, liberu u hekk għandu jibqa’.  Iżda m’għandniex nippermettu li jkun hemm min jabbuża a skapitu ta’ dawn il-povri persuni.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...