1. Bħal diversi soċjetajiet oħra, aħna wkoll kundizzjonati fuq livell politiku. Kundizzjonati mill-fatti passati nfushom u l-iktar mill-interpretazzjoni tagħna tagħhom. F’dan, dak li seħħ ser jibqa’ ballun li jinxeħet min-naħa jew oħra tal-partiti politiċi, u fuq dan ma hemmx hafna x’wieħed jgħid. Dak li ġara qabilna, jew li rajna jseħħ direttament quddiemna, jibqa’ fin-nofs. Hemm diversi faċċati li jridu joħorġu l-ħin kollu. Hemm dawk li jutilizzaw forom ta’ perċezzjonijiet ta’ dak li seħħ sabiex iqajmu f’dak li jaħsbu f’rashom entużjażmu, żelu naħa jew oħra. Viżjoni ta’ mumenti storiċi li jew jinħarġu mill-kuntest tagħhom inkella, jew flimkien ma’, jispiċċaw jiġu mpittra ma’ xi fażi politika tad-deheb. Kemm huwa għalija żbaljat li flok wieħed jaċċetta li kienu saru żbalji, minflok jiġu mfissra f’termini ta’ komportament tajjeb. Mhux talli ma tikkundannax imma talli tiġġustifika artifiċjalment u meta twettaq dan, sfortunatament terġa’ tikkundizzjona ruħhek li twettaq azzjonijiet ġodda li huma zbaljati.
2. Fl-aħħar tal-kontinent Afrikan hemm punt imsejjaħ fid-dinja anglo-ewropea bħala “Cape of Good Hope”, Capo di Buona Speranza. Fil-parti t’isfel nett tal-pajjiż ta’ Nelson Mandela għandek mument kritiku għal kull min ikun qiegħed fil-baħar. Żewġ oċejani jiltaqgħu bil-forza tagħhom tal-ġurnata. Kull baħri jagħraf li huwa l-iktar punt delikat, perikoluż sakemm tasal għalih u wara taqbżu. Il-kaptan verament jittama li jaqbżu, fis-sogru materjali u fiżiku li fih u proprju għalhekk li l-Ispanjoli kienu sejħulu “Capo de los Tormientos”, Kap tat-Tempesti. F’dan, ix-xenarju politiku tagħna jittrasforma ruħu kontinwament f’dawn ż-żewġ forzi oċejaniċi li jridu jaħbtu għal xulxin f’dan il-punt li minnu jridu jgħaddu diversi. Daqqa jaqbżu u daqqa jinħakmu. Daqqa sejrin lejn l-lvant u daqqa lejn il-punent.
3. Nagħraf dan is-sens stramb ta’ tribaliżmu fejn kull parti trid tirrepeti u ssostni, mingħajr ma hi stess tgħarbel interpretazzjoni passata ta’ fatti li seħħew. Hemm abbuż morali u xkiel mentali f’dan il-proċess. Insulti reklamati, allegazzjonijiet ta’ aġir żbaljat jitilgħu minn mument għall-ieħor miż-żewġ naħat tal-Kap tat-Tempesti. Illum għandek diversi storiċi li għamlu ħilithom biex jixħtu dawl u aktar fatti minn dawk magħrufa fuq dawn it-tip ta’ aggravji. Il-verità teżisti, però biex tanalizzaha u ssir tafha kollha hemm proċess twil li mhux neċessarjament tasal għalih kompletament, imma hemm qiegħed. Fuq dan però hemm min jibqa’ jitma lis-segwaċi “fatti” li huma biss parti mill-interpretazzjoni tax-xenarju sħiħ.
4. Il-passat insemmih, però rari ħafna fil-kuntest ta’ “tgħajjir” politiku. Nemmen li qiegħed hemm, irid jiġi rispettat, imfakkar u mhux strumentalizzat. Meta, kif ser nirreferi f’dan l-artiklu għall-passat, nassigura li nagħmlu b’impenn lejn il-fatti li rajt u li ġarrabt. Hemm punt li għadu mhux superat f’dan il-kuntest. L-eventi li seħħew bejn l-1981 u l-1987 huma f’memorja kollettiva. Uħud fuq naħa, bħali, rawhom f’dak li kienu u huma. Hemm però dawk li jridu jsibu raġuni ta’ interpretazzjoni pożittiva għal dak li ma kienx. Hemm xkiel intelletwali fl-analiżi, fil-bżonn li wieħed jiġġustifika l-ħażin, inkella aħjar fil-fatt li ħadd ma jkun jista’ jaċċetta li partit żbalja minħabba n-naħa l-oħra.
5. Il-poplu tagħna qiegħed maż-żmien jiddejjaq iktar minn dan il-proċess retrogradu li flok jersaq ‘il quddiem, jieqaf fil-passat. Il-pajjiż għandu bżonn ta’ iktar spjegazzjoni li mhix kontrollata jew manipulata. Le, m’hijiex kwistjoni ta’ Kummissjoni tal-Verità u Rikonċiljazzjoni ta’ Mandela u Desmond Tutu, imma ta’ pass iktar ‘il quddiem. Il-maturità politika tista’ twassal għal dan ferm iktar malajr u direttament. Għarfien aħjar ta’ punti ta’ opinjoni differenti fuq fatti li seħħew. Naċċettaw mingħajr ma jsiru punti ta’ firda kontinwa. Mhux anqas kwistjoni li ma tissemmiex, li tintilef, imma ta’ iktar verità, iktar oġġettività u lok ta’ riflessjoni sabiex dak li seħħ nassiguraw lkoll li ma jerġax jiġri.
6. Forsi preambolu twil għalija li nersaq sabiex nirreġistra li nhar it-Tlieta, 19 ta’ Ġunju huwa l-25 anniversarju minn jum iswed għal pajjiżna. Fl-1987, xahar wara l-elezzjoni ġenerali, ġabra ta’ persuni daħlu fil-Qorti, ħadu l-liġi b’idejhom u farrku, ħarqu u qattgħu kemm felħu. Jum imsaħħab , b’xita qliel li fih il-Korp tal-Pulizija sab ruħu taħt il-Kmandant tal-Armata, wieħed li ġieb paraliżi ġenerali fil-pajjiż. Mument meta kien hemm sens sħiħ fl-għaqda tal-ġustizzja u l-intern kontra kull illegalità, vjolenza u arroganza. Kien dak il-mument, “Capo de los Tormientos”, għal pajjiżna. X’destin kien għalija u għal marti li kellna proprju f’dak il-jum iffissata d-data taż-żwieġ tagħna? Jgħaddu s-snin u l-istess id, kundizzjonata mill-mentalità passata, nerġa’ nsibha lura ma’ saqajja.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment