14.6.12

Kemm għad fadal xi jsir

1.    Tul l-aħħar ġimgħa, ix-xenarju politiku f’pajjiżna kien determinanti sabiex jiftaħ l-għajnejn ta’ dawk li jridu jaraw.  Ta’ dawk id-diversi fil-komunità li għadhom iħarsu lejn il-valur tal-politika nadifa.  Tul kemm ili naħdem f’din l-għalqa, assigurajt kull darba li nkun parti minn dan il-moviment salutari li permezz tiegħu nieħdu ħsieb li l-politika ssir sewwa.  Il-politika ta’ sustanza ssir billi jkollok persuni ppreparati u ffurmati għaliha.  Ir-realtà attwali li ħarġet ferm iktar fil-beraħ qed tibni lilha nnifisha fuq il-fatt li l-partiti għandhom fi ħdanhom persuni li qegħdin hemm għax suppost iġibu l-voti.

2.    Kull partit politiku jrid jagħżel tajjeb il-kandidati tiegħu.  Kull partit, anzi, għandu dmir lejn l-elettorat li jassiguralu li lil min qed jippreżentalu għall-vot u l-kunsens tiegħu huwa tajjeb.  Nippreferi dejjem inqas nies b’iktar sens u sustanza milli nissugraw bil-ħafna esperjenzi li finalment u direttament iħammġu l-immaġini tal-partit.  Għaddejt snin inħambaq fuq dan u m’għandi ebda intenzjoni li noqgħod lura proprju issa.  Nemmen fil-politika li hija strument tajjeb għall-ġid u r-riforma tal-poplu u l-kuxjenza tiegħI mhux ser tagħtini li dan il-bżonn ma nwasslux.

3.    Aħna partit li għandu vantaġġi kbar f’dan ix-xenarju.  Aħna partit li għandu valuri li huma demokratiċi nsara.  Jiġi elett fil-Parlament u jiġi fdat bir-responsabbiltà tat-tmexxija tal-Istat proprju minħabba dan l-element.  Jekk ikun hemm min jaqta’ qalbu, min iċedi, min jaħseb li mhux prattiku li nkomplu nimxu sew f’din it-triq ikun qiegħed jiżbalja.  Ħadd m’għandu jieħu għalih.  Irid l-ewwel jiġi approvat mill-partit mhux fuq bażi ta’ formalità, imma fuq jekk huwiex verament preparat jew le.  Inkella ma nibqgħux li aħna, imma nsiru dak li jaqbel f’mument partikolari.  Nitilfu kull differenza minn ħaddieħor u s-sustanza ta’ mluħitna.

4.    Irridu niġġieldu għall-politika t-tajba.  Irridu nuru li ma fihiex diżunur li taħdem fiha, wisq inqas li hija xi art li fiha jidħlu dawk li m’għandhomx.  Irridu nħajru aktar nies tal-affari tagħhom biex jidħlu f’din l-għalqa.  Il-politika hija għodda għas-sewwa u mhux għaliha nfisha.  Jekk il-poter ma tikkontrollahx issib lilek innifsek maħkum minnu.  Il-poter jaf jittrasforma ruħu f’mostru tant b’saħħtu li l-bnedmin jiġġustifikaw kull azzjoni ħażina sabiex jew jakkwistawh jew inkella jippruvaw iżommuh.  Sfortunatament, l-istorja taċ-ċiviltà umana hija miżgħuda b’eżempji ħżiena ta’ nies li tilfu r-raġuni u l-kuxjenza biex jieħdu l-poter politiku tagħhom.

5.    Għandna ferm iktar x’nagħmlu f’dan il-partit tagħna sabiex nissudawh iktar.  Il-fiduċja tal-poplu tikber fina skont il-kandidati tagħna.  Tikber għax il-Partit Nazzjonalista assigura dejjem li jagħti lura lill-pajjiż miżuri tajba mhux reazzjonarji.  Proprju fuq dan li aħna għandna partit li għandu kap tajjeb, wieħed mimli b’ideat u valuri li jġibhom fis-seħħ.  Lawrence Gonzi huwa l-bniedem li f’dawn id-diffikultajiet baqa’ jżomm lilu nnifsu sod.  Baqa’ ppreparat għal diversi eventwalitajiet.  Prim Ministru li ra quddiemu dak li ħadd qablu ma ra.  Il-kriżi ekonomika, il-gwerra ċivili Libjana u issa dak li qiegħed iseħħ u jiżviluppa fil-Parlament.  Proprju għax huwa persuna ffurmat u ppreparat tajjeb li baqa’ għaddej jaħdem u jagħti lura l-frott.

6.    Għalkemm m’għadnix nokkupa iktar il-kariga ta’ Ministru, rrid nassigura lilkom il-qarrejja tagħna li ser nibqa’ impenjat naħdem u nassisti fil-partit.  Impenjat sabiex minna ssir is-sewwa.  Sabiex inkomplu naħdmu biex dan il-poplu jkollu tmexxija tajba.  Ikollu tmexxija li tiggarantixxi li l-bniedem huwa ċ-ċentru tagħha.  Tassigura li l-valuri umani, id-dinjità tal-bniedem ma jiġu qatt issagrifikati fuq l-artal tal-politika żbaljata.  Għad fadlilna ħafna x’nagħmlu, ma hemmx dubju.  Għalhekk inħajjar iktar lilkom tersqu ‘l quddiem biex tgħinu f’dan il-proġett importanti.  Inkomplu nissudaw il-valuri demokratiċi nsara tagħna.  Inkomplu nkunu ta’ servizz għan-nies.  Inkomplu naraw li l-pajjiż jibqa’ jkollu tmexxija onesta, determinata u ppreparata.  Tmexxija tal-Partit Nazzjonalista li tipproteġi u tkabbar il-ġid u mhux li tkisser dak li għandna.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...