26.6.12

Il-ħidma għas-sewwa tibqa’ ssir

1.    Fl-eventi politiċi ta’ dawn l-aħħar jiem rajt diversi sinjali li, fl-opinjoni tiegħi, jagħmlu minn dan il-poplu dak li huwa: wieħed speċjali u differenti.  Ngħid dan għax, għall-kuntrarju ta’ dak li jista’ jaħseb ħaddieħor, il-valuri li jagħmlu lil dan il-poplu, li huma parti mid-DNA tagħna, dawk insara, għadhom b’saħħithom.  Il-ġlieda għall-verità, għall-onestà u l-ġustizzja ma sparrixxewx, anzi huma f’qalb diversi.  L-elettorat jieħu inkonsiderazzjoni l-aspett ekonomiku tiegħu, però jiċċaqlaq fil-vot tiegħu naħa jew oħra skont min, fl-opinjoni tiegħu, jirrappreżentah għas-sewwa.  Il-Partit Nazzjonalista ilu, elezzjoni wara l-oħra, f’din it-triq.  Jiġi identifikat bħala dak li mhux biss iħares lejn l-aspett materjali, imma jara wkoll li fis-soċjetà jiġu miżmuma għolja dawn il-valuri.

2.    Fl-opinjoni tiegħi, partit jirbaħ jew jitlef elezzjoni skont kemm f’għajnejn il-poplu għandu fih bnedmin li lesti mhux biss jitkellmu, imma jissieltu għal dawn il-prinċipji.  Dawn l-aħħar erba’ ġimgħat sibtni, iktar minn qatt qabel f’għajnejn in-nies, espost għall-irwiefen kollha ta’ kull kritika u skrutinju.  Waqqfuni diversi, immur fejn immur, kellmuni u bqajt immarkat b’din l-esperjenza unika għal kull politiku.  Iltqajt ma’ ħafna li esprimew miegħi id-diżapprovazzjoni tagħhom għal dak li seħħ fil-Parlament.  Dak li qalu mhuwiex imwieled mis-simpatija jew antipatija fil-konfront ta’ min kien il-persuna li bata, iżda mill-fatt li s-sentiment ġenerali kien li saret inġustizzja, li fil-Parlament – il-post fejn għandu jsir it-tajjeb – sar il-kontra.

3.    Kull persuna tagħraf li hemm ġlieda kontinwa għaddejja fil-ħajja bejn it-tajjeb u l-ħażen.  Id-dinja tagħti minn kollox.  Biss il-preżenza tal-immoralità, tal-kriminalità, tal-illegalità, tal-aġir mill-iktar żbaljat, l-ewwel mhuwiex ġdid u t-tieni, m’għandux b’x mod jaqtagħlna qalbna.  Ngħid dan għax kull bniedem huwa msejjaħ biex jieħu pożizzjoni.  Jaf li inevitabbilment, il-ħajja tiegħu ser tqegħdu f’sitwazzjonijiet fejn irid jagħżel.  Bejn il-prinċipji u l-flus, bejn il-valuri u l-poter.  Irid jieħu pożizzjoni.  Irid ikun paċi miegħu nnifsu u anke jekk jaf li ser jitlef vantaġġi materjali, m’għandux imur lura imma jibqa’ jżomm lilu nnifsu strument għas-sewwa fis-soċjetà.  Għalhekk, jekk min huwa fuq in-naħa t-tajba ma jinżilx fil-kamp tal-battalja, allura jkun qiegħed jippermetti lil ħaddieħor jeħodlu postu.

4.    Il-ħidma għas-sewwa trid issir minn kull bniedem li jrid soċjetà u ħajja aħjar.  Kull ġurnata jrid jinvesti f’ħidma ta’ pedamenti li jwettqu l-ġid.  Azzjoni ħażina, jew meta xi ħadd jaħseb li l-prinċipju hemm “bżonn” li jiġi sagrifikat, ma jwasslux lejn il-frott.  Dan ngħidu mhux mill-aspett akkademiku, letterarju, iżda mill-esperjenza personali li din l-eżistenza sa issa għaddietli.  Il-ġlieda trid tibqa’ ssir b’kuraġġ, b’determinazzjoni u bil-perseveranza għax twassal għas-sewwa.  Il-vuċi tal-ħbieb varji li kitbuli u rawni kienet dik ta’ kuraġġ.  Kuraġġ, għax ilkoll nafu li għalkemm hemm mumenti meta l-forzi tal-ħażen jidhru trijunfanti, dan huwa biss temporanju.  Azzjonijiet tajba jirbħu u jwettqu l-ġid, dawk ħżiena jiskandalizzaw, iweġġgħu lin-nies u ma jħallu xejn warajhom.

5.    F’dawn il-jiem il-pajjiż, fil-maġġor parti tiegħu fehem li bħalissa għaddejja ġlieda għas-sewwa ferm iktar qawwija minn qabel.  Fehem ukoll li, sfortunatament, il-Partit Laburista ppermetta lilu nnifsu jiġi użat sabiex isiru azzjonijiet żbaljati.  Induna li b’dak li kien wettaq il-partit fl-Oppożizzjoni, kien qiegħed lilu nnifsu għas-servizz ta’ min irid iweġġa’, jaqta’ kundanna u flok qagħad lura, mexxa lilu nnifsu ‘l quddiem.  Ma hemm ebda raġuni taħt il-kappa tax-xemx li b’xi mod jistgħu jiġġustifikaw dan l-aġir żregolat.  Ħadd minn dawk li jridu s-sewwa ma huwa verament konvint li dak il-partit mexa kif kellu jimxi.  Għax kif tista’, bħala persuna umana, tkun konxju li ħaddieħor irid jagħmel att ħażin kontra ħaddieħor u xorta tibqa’ għaddej, qisu ma ġara xejn?  Ngħid jien: għad hemm xi forma ta’ kuxjenza soċjali u umana f’dak il-partit?

6.    Il-bniedem, jgħidu x’jgħidu dawk li huma materjalisti, għandu kuxjenza.  Il-bniedem għandu fih bilanċ li jurih liema att huwa ġust, u liema le.  Kif iġib ruħu, kif jaħdem fil-ħajja fis-setturi kollha tagħha, jiddependi minnu.  Biss issa, quddiem għajnejn il-pajjiż hemm ċar: l-ewwel, li l-Partit Laburista serva b’intenzjoni għat-twettiq ta’ azzjonijiet ħżiena; it-tieni, li tilef il-kuxjenza u l-valuri li xi darba kellu; it-tielet, li mhuwiex partit li jħares li jippreserva l-valuri jew li jissielet għalihom, u r-raba’, li bħal ma sar dan bl-iktar mod sfaċċat fil-Parlament, daqshekk ieħor ser għada pitgħada jkompli jsir kontra kull ċittadin ieħor.  Il-ġlieda għas-sewwa, għalhekk, trid tkompli ssir iktar minn qatt qabel b’urġenza akbar.  Trid issir minn kull persuna.  Għax il-poplu jrid jifhem li jekk ma jinżilx huwa wkoll fil-kamp tal-battalja għas-sewwa, ikun qiegħed iħalli li ħaddieħor iwettaq azzjonijiet ħżiena fil-futur.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...