1. Fost id-diversi kwistjonijiet li tul din il-ġimgħa pajjiżna ra quddiemu għall-ewwel darba fl-istorja, kien hemm aħbar li ftit ingħatat l-importanza li verament kienet tistħoqqilha. Ngħid dan fid-dawl ta’ ħafna ġid u valur li għandna bħala poplu li ftit nindunaw jew nirrealizzaw. Id-dinja tagħna, l-inkwiet tal-problemi li nġorru ma jħalluniex naraw biżżejjed kemm fil-fatt aħna għandna biex niftaħru. Il-poplu Malti u Għawdxi huwa wieħed Ewropew. Hu wieħed minn dawk li mertu tal-pedamenti li r-reliġjon Kattolika ħalliet u għadha tagħti, illum qiegħed fuq quddiem. Fuq quddiem sabiex iwettaq is-sewwa u jiżra’ ż-żerriegħa li tagħti l-frott il-bnin.
2. Kienet deċiżjoni tajba li nidħlu fl-Unjoni Ewropea. M’aħniex ħut barra mill-ilma imma fil-post li nħossuna komdi fih. Il-Ħamis filgħaxija, wara li dehert fil-programm “Bondi+”, reġgħu ġew quddiemi d-diversi laqgħat, inkontri, ħbiberiji u konoxxenzi li l-Unjoni Ewropea tatni. Ftakart f’kemm għamilt battalji politiċi fil-oqsma tal-intern, l-immigrazzjoni u l-ġustizzja. Xi mindaqqiet bdejt waħdi, però ħafna drabi sibt lili nnifsi mdawwar b’allejati. Il-vantaġġ tal-Unjoni hu l-użu tar-raġuni. Meta tersaq bil-fatti ssib li hemm bibien li l-ewwel jibdew jitbexxqu u wara jinfetħu.
3. L-Ewropa hija l-art naturali tagħna. M’għandix inkun, u f’ebda mument ma ħassejtni inferjuri għal xi ħadd. Affrontajt, ikkonfrontajt bid-doża ta’ kuraġġ u determinazzjoni li kien ikolli f’idi għall-ġid tal-pajjiż. Ċert li kull min jieħu sehem jagħraf il-ġid ta’ din l-esperjenza. Waħda fejn bir-raġuni, bil-konvinċiment u l-persważjoni tasal fejn hu possibbli. Tuża r-raġuni fl-ambjent naturali tiegħu għax taf li fuq in-naħa l-oħra nies ta’ intelliġenza u esperjenza għandek. Kull kelma li tgħid jew li tingħadlek taf li ssir b’għaqal u b’viżjoni li trid tagħraf taqbad u twieġeb għaliha. Inkella titlef opportunità u dak li jista’ jsir titilfu. Niftakarni nasal ma’ numru ta’ ministri. Uħud wara xhur, oħrajn mad-daqqa t’għajn. Diversi sirt nafhom u saru jafuni tant li biex nifhmu l-punti ta’ xulxin anqas nitkellmu ma’ kien ikollna l-bżonn.
4. Din l-esperjenza politika stajt nidħol għaliha għax infetħu l-bibien tal-Unjoni Ewropea minn ħaddieħor. Din il-ġimgħa, Eddie Fenech Adami ġie onorat bil-medalja “Robert Schumann”. Unur prestiġġjuż però mhux sempliċement dekorattiv imma ferm u ferm iktar minn hekk. L-unur huwa dikjarazzjoni tal-valuri nsara u Ewropej li l-President Emeritu ta u għadu jagħti. Għalija li għandi x-xorti li nafu nagħraf dejjem iktar l-ankra ta’ ideat, ħsibijiet u viżjoni fit-tul li ħaddan. Bniedem li qabel u wara l-poter baqa’ dak li jrid jifhem bir-raġuni, jaqra, jirrifletti u jitkellem.
5. Eddie Fenech Adami kien passaport għalina. Dikjarazzjoni ta’ pożizzjoni li kull min kien jiltaqa’ miegħu immedjatament jagħraf. L-intelliġenza, għaqal u preparazzjoni tiegħu kienu ċari għal kull min fl-Ewropa jarah u jkellmu. Meta pajjiżna beda jidħol u jipparteċipa fit-triq lejn l-Unjoni Ewropea ma kellniex bżonn nagħmlu xi prova partikolari, xi trattat, xi dikjarazzjoni ġuramentata. Kien biżżejjed li jidher hu għalina.
6. Il-persuni li ltqajt magħhom iktar ‘il quddiem kollha kellhom opinjoni eċċellenti tiegħu, kienu x’kienu l-ideat jew il-partiti politiċi tagħhom. Għalhekk, l-għoti ta’ dan il-ġieħ lil Eddie Fenech Adami kien mill-iktar naturali. Sfortunatament, ma stajtx nattendi għaċ-ċerimonja billi kelli x’nipprepara. Biss, minn dak li rajt u smajt jidher ċar li kienet ċerimonja unika. Unika mhux biss fir-rikonoxximent, imma wkoll għall-fatt li saret ġewwa pajjiżna. Il-pajjiż għandu t-tajjeb u l-ħażin tiegħu. Hekk ukoll il-politika li għandha d-dellijiet tagħha. Eddie Fenech Adami kellu karriera politika twila ħafna. Ma hemmx dubju li l-maġġoranza tal-poplu tirrikonoxxi dan u għarfet li l-Ħadd li għadda unur meritat ingħata.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
4.6.12
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment