Dan huwa artikolu li ktibt f'il-Mument qabel il-vot dwar il-Mozzjoni fil-Parlament ta' nhar it-Tnejn, 18 ta' Ġunju.
1. M’huma mumenti faċli xejn għal dan il-partit mimli bi storja, esperjenza u bnedmin li jafu xi tfisser il-ħidma għas-sewwa. Għada nerġgħu naffrontaw mozzjoni nġusta oħra fil-Parlament. Waħda li la għandha mis-sewwa , wisq u wisq inqas minn xi forma ta’ loġika demokratika, li tistabbilixxi preċedent mill-iktar perikoluż u mill-iktar opprimenti fuq il-libertajiet ta’ kull ċittadin ta’ dawn il-gżejjer. Kollox qiegħed isir sabiex l-għan finali ta’ partit li ilu fl-oppożizzjoni jipprova jidħol, akkost ta’ kollox, fil-poter tal-Gvern. Nikteb dan għax ma hemmx forma agħar ta’ politika minn dik li trid li l-mezzi l-ħżiena, illegali u immorali jiġu koltivati, aċċettati u użati għax hemm warajhom għan finali “sabiħ”. B’din il-linja politika, l-Oppożizzjoni fid-deżert kienet u qegħda turi li hemm għadha.
2. Laqtuni f’dawn l-jiem kliem riportat minn Giovanni Moro, iben Aldo, fi ktejjeb tiegħu fejn jipproduċi dak li qal wara ħafna snin wieħed mill-kapijiet ewlenin tal-Brigate Rosse, Renato Curcio. Huwa jgħid testwalment: “Lo sbaglio di noi brigatisti è stato solo uno; aver creduto a Macchiavelli che il fine giustifica i mezzi.” (L-iżball uniku tagħna fil-Brigate Rosse kien; dak li emminna lil Macchiavelli (Nicolò) li l-fini tiġġustifika l-mezzi). Dan hu li kull persuna, involuta b’xi mod fil-ħajja pubblika tal-politika, trid taħrab minnu. Il-piż tas-serjetà, tal-politika t-tajba jitlob li wieħed ma jidħolx f’dawn it-toroq proprju għax l-istorja turi li l-konsegwenzi tal-aġir ma jwasslu għal ebda forma ta’ frott. Mill-ħażen xejn ma jitwieled li jagħmel il-ġid lis-soċjetà jew lill-bniedem.
3. Il-Partit Nazzjonalista fil-ħidma tiegħu l-bierah u llum jagħraf li għandu jħares fit-tul. Jibni llum għall-futur tiegħu fil-pajjiż. Jaf, għall-kuntrarju tal-partit fl-oppożizzjoni, li azzjonijiet żbaljati jibqgħu jkaxkru miegħu u jtebbgħulu l-immaġini u r-reputazzjoni. Proprju li għalhekk mhux lest li jaqa’ għat-tentazzjonijiet tas-sitt ħabbiet. Il-partit jibqa’ sod u ta’ ispirazzjoni għax jibqa’ wieħed li jiġbed in-nies lejn is-sewwa. Hekk kif il-poplu jipperċepixxi, jew agħar jara jsir ’il kontra, allura jitlef il-fiduċja. Jitlef dik l-istima bażata fuq s-sewwa li f’dan il-partit titħares b’attenzjoni min-nies li jiffurmawh. Attenzjoni f’żewġ direzzjonijiet: l-ewwel, fil-qalb u fil-moħħ tagħna li nikkomponuh preżentement u għalhekk temporanjament; u t-tieni, quddiem il-poplu fil-pubbliku, mhux biss fi kliemna imma wkoll f’ħidmietna.
4. L-inkwiet, is-sitwazzjonijiet komplikati fil-ħajja ma jonqsux, wisq u wisq inqas f’dik politika. Kull waħda tqiegħed lil min iservi fil-politika għall-eżami. Kull ġurnata hija dejjem mimlija b’ostakli, sfidi li minnek trid kull darba tara jekk intix kapaċi jew le tħares lejhom u tegħlibhom. Il-prinċipji li tkun ħaddant u t-tagħlim mill-esperjenza ta’ kull jum iwassluk fit-triq it-tajba, li dejjem hija iebsa. Kemm, fuq in-naħa l-oħra, huwa faċli li ssegwi l-pariri ta’ Nicolò Macchiavelli. Tista’, u diversi jaqgħu f’din il-linja, li biha tipprova tiġġustifika artifiċjalment billi tgħid li l-politika l-“kbira” titlob li tagħmel aġir żbaljat lil dak u lill-ieħor. Anzi, nafu d-dinja li meta dawn l-persuni jaqbdu din it-triq, allura jmorru ferm u ferm agħar. Jibgħatu l-messaġġ li hemm bżonn li tkun żbaljat. Li ma hemmx bżonn ta’ aġir sew - l-importanti taħtaf il-poter u żżommu f’idejk, jiġri x’jiġri.
5. Il-kontroll u d-dixxiplina fuqek innifsek jitolbu li qabel taġixxi tqis sewwa u dak li tkun qiegħed twettaq ikun sew, sija fil-metodu kif ukoll fil-fini. Dik hi l-ġlieda iebsa tal-irġulija. Dik hi li tiddistingwi lit-tfal li jħarsu lejn il-poter bħala ġugarell u dawk li jgħarfu li l-politika hija responsabbiltà għax tmiss lill-bniedem. L-ispina dorsali hija ferm iktar soda f’dan il-partit għax ma naqgħux għall-iżball li ngħażlu t-triq il-faċli. Dik li minnha, meta niħduha, nintgħażlu kull darba. Niddistingwu ruħna bħala bnedmin li għandna kwalitajiet aqwa, li tajjeb li l-poter jiġi fdat lilna. Għax fil-verità, l-elettorat irid li pajjiżna jitmexxa minn persuni onesti, li m’humiex lesti li jagħmlu azzjoni ħażina biex juru li huma xi forma ta’ politiċi qawwija u li ser jibqgħu jissemmew fl-istorja.
6. Il-valuri tal-partit huma bażati fuq il-prinċipji demokratiċi nsara tiegħu. Dawn huma l-kalatura u l-kalamita għall-vot. Il-poplu, f’elezzjoni għandu varjetà ta’ raġunijiet li fuqhom jagħżel partit minn ieħor. Biss, il-maġġor parti tiegħu tħares lejn dak li l-partit jirrappreżenta fil-linji politiċi tiegħu. L-ekonomija hija importanti, ma hemmx dubju, imma l-poplu qabel jivvota jħares iktar viċin lejn il-valuri, lejn l-irġulija, lejn l-onestà u l-bżulija li partit iħaddan gewwa fih. Dan hu li rebbaħ lill-Partit Nazzjonalista f’kull elezzjoni ġenerali. Iktar ma jibqa’ sod f’din id-direzzjoni, iktar jassigura li jkollu l-appoġġ popolari li jrid jara li f’dan il-pajjiż jirrenja s-sewwa. Tirrenja l-forza li tħares li sija fil-metodu, sija fil-fini, tkun ġusta u mhux immorali. Mozzjoni bħal dik ta’ għada kullhadd jaf li qatt ma kienet ser tiġi minn ħdan dan il-partit. Il-pajjiż jagħraf li n-naħa l-oħra tal-Kamra lesti li jkomplu fuq l-eżempji l-ħżiena tal-passat u jerġgħu jagħmlu dak li ma għandhomx. Għalhekk, f’dan kollu ċert li l-poplu jaf jgħarbel u ma tidħaqx bih għax jaf fejn huma s-sewwa u l-ġustizzja. Proprju għalhekk m’għandniex inċedu, imma nibqgħu partit sod fi twemminu w azzjonitu.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment