29.9.25

STAT FUTUR

1. Fil-ħajja politika, jekk il-passat mhuwiex magħruf ma jiġix ikkunsidrat fil-preżent. Diversi kontinwament jaħsbu li l-istorja tibda minnhom. Diversi oħra jaħsbu li m’għandhomx bżonn jiffurmaw ruħhom fil-qari. Imma fil-verità, għalkemm mhux popolari fid-dinja attwali, xorta dan jibqa’ ċavetta għall-ħidma t-tajba. Saqajn sodi fil-mixja politika rilevanti. Kif diversi jdaħħlu fin-nofs, fejn jaħsbu li jaqblilhom, lil Niccolò Machiavelli (1469-1567) f’Il Principe (1513) u jinsew ukoll li għandu dawk il-ħsibijiet marbuta mad-diskorsi dwar l-awtur storiku Ruman Livy, Discorsi sopra la prima deca di Tito Livio (1513-1519). Fiż-żmien ir-Rinaxximent, li jibqa’ jimpressjonana huwa li ma kienx daqshekk fuq l-istess livell. Iktar enfasi mhux fuq l-arti imma fuq l-opri politiċi tal-antiki. Mhux biss, imma fl-għerf u l-qari tiegħu ta’ diversi, fosthom ta’ Francesco Petrarca (1304-1374) li ġie qablu u pprefera lil Ċiċerun għal Aristotli. Imma wkoll fil-ħsieb espress minn dak li qrajt dwaru: “He shares in the new esteem for Rome but carries it to the point of preferring Rome to Greece and adopting the imperial Roman Republic, and not the Greek polis as his model.” (Huwa jaqbel mal-istima l-ġdida lejn Ruma imma jwassalha sal-punt li jippreferi lil Ruma għall-Greċja u jaddotta l-mudell imperjali tar-Repubblika Rumana u mhux dik tal-polis Griega bħala l-mudell tiegħu.)

X’mudell ta’ Stat

2. Id-domanda tagħna fil-varjetà ta’ mudelli tiġi parti mill-proċess ta’ ħsieb ta’ lejn liema stat u soċjetà rridu nkomplu nimmiraw. Mhux faċli, biss fil-ħajja twila ta’ Ruma Repubblikana u Imperjali ħarġu diversi lezzjonijiet u li jinsabu għad-dispożizzjoni tagħna. Il-Greċja hija interessanti fil-fonti tal-għerf imma ma mexxietx id-dinja bħalma għamlu r-Rumani. Dwar dan qed naqra l-ktieb interessanti ta’ Marta Sordi (1925-2009) bit-titlu I Cristiani e l’Impero Romano (2011), li fih tirreferi għal ħidmet Imperaturi bħal Tiberju. Dak li Taċitu jikteb għalina li kien isolvi l-problemi b’“consiliis et astu”, b’għaqal u diplomazija. Dak li l-kbir Tertulljanu (155-220 WK) jgħidilna li l-ewwel darba li l-Kristjaneżmu ġie dibattut fis-Senat Ruman kien mertu tiegħu. Lezzjonijiet passati li huma abbandunati fil-preżent.

Għaqal u diplomazija

3. Ċertament dan kellu sehem fil-ħidma determinanti tar-Rumani ma’ nazzjonijiet oħra. Uża moħħok iktar milli l-forza sabiex issib ftehim u timxi ’l quddiem. Linja ta’ ħsieb u metodoloġija li fid-demokrazija għandha tkun dik prinċipali. Sija fir-relazzjonijiet internazzjonali, kif ukoll f’dawk nazzjonali tagħna. Għad għandna wisq dożi ta’ forom strambi ta’ imperjaliżmi, daqqa ispirati minn Ruma u daqqa minn dak Ingliż. Żmienhom hawn ħalla xi għeruq li għadhom jidwu f’moħħ dawk li jridu jiddominaw, jew jaħsbu li għandhom xi dritt li jwettqu dan. Imma d-dinja trid timxi ’l quddiem. Trid tħares iktar lejn ir-relazzjonijiet umani fil-proċess ta’ progress uman li jibqa’ l-mira finali tagħna.

Integrazzjoni effettiva

4. Dan iktar u iktar fil-bżonn li wieħed jagħraf li l-mudelli tal-Istat m’għandhomx jinsew l-iżviluppi li seħħew u jħarsu li jmorru lura. Id-demokrazija tirrikonoxxi lill-bniedem bħala dak determinanti u li l-Istat qiegħed għas-servizz tiegħu. Inbniet soċjetà li qed tipprova tħares lejn mudell aqwa ta’ integrazzjoni. Fejn id-domanda politika kontinwa hija jekk iċ-ċittadin huwiex qiegħed iħossu hekk rispettat, fl-għarfien li hu miexi ’l quddiem. F’soċjetà b’forom differenti ta’ neo-kapitaliżmu rridu f’dan naraw jekk il-persuna umana hijiex meħuda fil-kunsiderazzjoni li hija oġġett jew suġġett tad-dritt. Ir-rispett uman huwa, u f’dan jibqa’ determinanti fil-futur tas-soċjetà tagħna.

F’dan aktar

5. Proprju f’dan aktar irridu nħarsu li nassiguraw li ninqatgħu mill-prattiċi żbaljati tal-ġurnata sabiex nimxu b’għaqal, anzi aħjar, b’consiliis et astu biex iseħħ. Inħarsu lejn il-passat tagħna biex nibnu fuqu sistema futura aqwa. Waħda li mhijiex marbuta mal-materjaliżmu imma mal-kunsiderazzjonijiet umani. L-isfida l-kbira u fl-għeruq hija proprja din. Dik li nassiguraw soċjetà fejn il-valuri tas-sewwa jieħdu lura s-sopravvent. Fejn huwa iktar ukoll importanti dak li ser inħallu għal ta’ warajna milli għal dak li ser inwettqu u nieħdu aħna. Hemm bżonn mumenti ta’ riflessjoni maqtugħa minn kunsiderazzjonijiet qosra u aktar lejn viżjonijiet fit-tul. L-Istat demokratiku tagħna tal-futur m’għandux f’dan jibqa’ dak li huwa żbaljat fil-preżent.

ĦAL TARXIEN – PROBLEMA TA’ INDAFA U SANITÀ PUBBLIKA FIL-MADWAR TAL-KNISJA U L-KUNVENT TAL-AGOSTINJANI

30579. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika: Tista’ l-Ministru tara kif se tiġi indirizzata l-problema marbuta mal-indafa u s-sanità pubblika tal-abbundanza ta’ ħamiem ħdejn u madwar il-Knisja u l-Kunvent tal-Agostinjani f’Ħal Tarxien peress li hi ta’ inkonvenjent kbir?

 

18/09/2025

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 30578.

 

Seduta  379

24/09/2025

RAĦAL ĠDID - PROBLEMA TA’ INDAFA U SANITÀ PUBBLIKA FIL-MADWAR TAL-KNISJA TA’ KRISTU RE

30578. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika: Tista’ l-Ministru tara kif se tiġi indirizzata l-problema marbuta mal-indafa u s-sanità pubblika tal-abbundanza ta’ ħamiem ħdejn u madwar il-Knisja ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid peress li hi ta’ inkonvenjent kbir?

 

18/09/2025

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kif kien indika fit-tweġiba li tah il-predeċessur tiegħi għall-mistoqsija parlamentari 21381 tal-Leġiżlatura XIII, il-kontroll tal-ħamiem selvaġġ ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħi, madankollu, biex tiġi assigurata l-indafa pubblika, ninfurmah li permezz tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni se ssir spezzjoni fiż-żona li qed jirreferi għaliha u jekk ikun hemm il-bżonn se jsir il-ħasil meħtieġ.

 

Seduta  379

24/09/2025

EKS CASINO DI VENEZIA - XOGĦOL PREPARATORJU

30577. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26878 dwar l-ex Casino di Venezia, jista’ l-Ministru jgħid kemm ser jdumu għaddejja d-diskussjonijiet mal-Awtorità tal-Artijiet issa li qabżu s-sitt xhur?

 

18/09/2025

 

ONOR. SILVIO SCHEMBRI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandix xi nżid mar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 26878.

 

Seduta  379

24/09/2025

IL-FGURA - TRIQ TAL-KLERKU - XOGĦLIJIET

30332. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet huma previsti li jsiru fi Triq tal-Klerku, l-Fgura u kemm ser idumu għaddejjin?

 

09/09/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant jagħmel referenza għall-mistoqsija parlamentari 30331.

 

Seduta  379

24/09/2025

 

IL-FGURA - TRIQ TAL-KLERKU - XOGĦLIJIET

30331. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet huma previsti li jsiru fi Triq tal-Klerku, l-Fgura u kemm ser idumu għaddejjin?

 

09/09/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja b’taħditiet mal-Kunsilli Lokali sabiex ix-xogħol tat-toroq jiġi allokat skont l-esiġenzi u l-prijoritajiet tal-lokalità rispettiva tagħhom.

 

Seduta  379

24/09/2025

IL-FGURA - TRIQ KENT - XOGĦLIJIET

30330. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet huma previsti li jsiru fi Triq Kent, il-Fgura u kemm ser idumu għaddejjin?

 

09/09/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

 

Seduta  379

24/09/2025

IL-FGURA - TRIQ KENT - XOGĦLIJIET

30329. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet huma previsti li jsiru fi Triq Kent, il-Fgura u kemm ser idumu għaddejjin?

 

09/09/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fit-Triq Kent huwa lest ħlief ix-xogħol tal-asfalt. S’issa sar r-rikostruzzjoni tal-bankini, rikostruzzjoni ta’ parti mis-sistema ta’ dranaġġ u tibdil tas-servizzi tal-ilma. F’parti minn Triq Kent ser isir ukoll xogħol dirett mill-Enemalta.  L-asfalt finali jingħata meta jitlestew ix-xogħlijiet kollha fit-triq.

 

Seduta  378

23/09/2025

SANTA LUĊIJA - ĠNIEN IĊ-ĊINIZI TAS-SERENITÀ - DAWL AĦJAR

30328. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li Ġnien iċ-Ċiniżi tas-Serenità, f’Santa Luċija jiġi mixgħul aħjar wara li tinżel ix-xemx billi hemm partijiet li huma mudlama sew?

 

09/09/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jindika liema partijiet tal-ġnien qed issir referenza għalihom.

 

Seduta  378

23/09/2025

SANTA LUĊIJA - ĠNIEN IĊ-ĊINIZI TAS-SERENITÀ - DAWL AĦJAR

30327. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika: Tista’ l-Ministru tgħid jekk huwiex possibbli li Ġnien iċ-Ċiniżi tas-Serenità, f’Santa Luċija jiġi mixgħul aħjar wara li tinżel ix-xemx billi hemm partijiet li huma mudlama sew?

 

09/09/2025

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Ninsab infurmata li fi Ġnien l-Iskultura, li jinsab biswit u li għadu kemm infetaħ minn Project Green, hemm dawl adekwat. Fir-rigward ta’ Ġnien is-Serenità, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

 

Seduta  378

23/09/2025

IL-KALKARA - ĠNIEN RINELLA - XOGĦOL TA’ TISBIĦ

30326. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika: Tista’ l-Ministru tgħid jekk sarx xi xogħol ta’ tisbiħ fi Ġnien Rinella, fil-Kalkara matul din is-sena?

 

09/09/2025

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li fost l-ewwel proġetti li wettaqna fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura kien hemm proprju dak ta’ Ġnien ir-Rinella, fil-Kalkara, li fih sar investiment ta’ €1 miljun biex iservi bħala spazju aħdar għar-rikreazzjoni soċjali għall-familji filwaqt li nżamm il-prestiġju storiku tiegħu.

Dan il-proġett sar b’mod li jħares l-użu ta’ enerġija rinnovabbli, il-konservazzjoni tal-ilma u l-protezzjoni tal-ambjent naturali. L-introduzzjoni ta’ solar paving li jiġġenera biżżejjed enerġija għall-użu tal-ġnien, smart benches kif ukoll solar smart bins, kienu jifformaw parti minn strateġija ferm akbar li tenfasizza l-importanza ta’ enerġija nadifa u arja aħjar.

Barra minn hekk, l-ilma tax-xita kollu li jaqa’ ġewwa l-ġnien jinġabar f’erbat ibjar u jintuża għat-tisqija neċessarja permezz ta’ sistema ta’ irrigazzjoni awtomatika. Tħawlu aktar siġar u pjanti indiġeni biex joffru ambjent isbaħ għalll-familji.

Bħalma jsir fil-każ ta’ ġonna oħrajn, parks u spazji oħra miftuħa mmaniġġjati minn Project Green, Ġnien ir-Rinella ssirlu manutenzjoni fuq bażi regolari biex dawn jinżammu fi stat tajjeb. Sfortunatament, minkejja d-diversi appelli li jsiru biex nibżgħu għal dawn is-siti, għadu jkun hemm okkażjonijiet fejn dawn jisfgħu fil-mira ta’ vandaliżmu. Fil-fatt, ninsab infurmata li fix-xhur tas-sajf kellhom isiru xogħlijiet ta’ tiswija fuq il-bankijiet wara li sar vandaliżmu fuq l-apparat li jiġġenera d-dawl mill-enerġija solari. Saru wkoll tiswijiet fil-funtana u fuq is-sistema tal-irrigazzjoni. Għax-xhur tax-xitwa huwa ppjanat li jsir tħawwil ta’ aktar pjanti.

 

Seduta  378

23/09/2025

BORMLA - PJAZZA GAVINO GULIA - XOGĦLIJIET

30325. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29440 fir-rigward ta’ Pjazza Gavino Gulia, f’Bormla, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser isir ix-xogħol neċessarju issa li dalwaqt waslet il-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni?

 

09/09/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel referenza għall-mistoqsija parlamentari 30324.

 

Seduta  378

23/09/2025

26.9.25

BORMLA - PJAZZA GAVINO GULIA - XOGĦLIJIET

30324. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29440 fir-rigward ta’ Pjazza Gavino Gulia, f’Bormla, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser isir ix-xogħol neċessarju issa li dalwaqt waslet il-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni?

 

09/09/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi kiseb il-permessi meħtieġa mill-entitajiet relevanti sabiex isiru testijiet li se jgħinu biex tiġi stabbilita l-firxa tal-problema. Dawn it-testijiet se jsiru wara li jsir il-koordinament neċessarju minħabba li se jkun hemm bżonn li t-triq tingħalaq temporanjament.

 

Seduta  378

23/09/2025

IS-SOĊJETÀ TAL-FUTUR

1. Mhux faċli l-argument ta’ minn fejn ser taqbad it-tarf sabiex, fis-sitwazzjoni preżenti, tħares biex tibni soċjetà aqwa. Ħafna drabi, l-ovvju u dak l-iktar sempliċi jitwarrab għal dak iktar ikkumplikat. Dak li jidher faċli, fil-fatt ikun iqsar għall-bniedem, imma fil-verità ikun ferm itwal. Toroq qosra jtawwlu u ma jwasslux fid-destinazzjoni. F’dan huwa għalija iktar evidenti li qed naħarbu, jew ukoll f’ħafna nipposponu, mill-ovvju. Soċjetà, hi liema hi, u f’liema żmien tiġi għandha bżonn il-qari, u f’dan l-impenn sabiex ikollha: l-ewwel, bnedmin li jikkunsidraw ruħhom ċittadini u mhux sudditi; u t-tieni, li titmexxa minn bnedmin ta’ kultura u għerf. Il-qari huwa essenzjali mhux biss għall-bniedem, imma finalment, għad-demokrazija.

Inqas qari

2. Kull sena niddikjaraw li ser ikun hemm politika ta’ qari, imma din ma titteħidx bil-qalb u l-impenn li hemm bżonn. Dan f’livell varji. Inqas xiri ta’ kotba għal-libreriji pubbliċi, inqas għajnuna għal dawk li jistampaw u inqas għajnuna għall-ħwienet li jbiegħu l-kotba. Is-suġġett mhuwiex biss tagħna. Fid-19 ta’ dan ix-xahar, f’artiklu li deher f’The Economist (online) ingħad hekk: “Is the decline of reading making politics dumber?” (In-nuqqas ta’ qari qiegħed iġib politika inqas għarfa?), u jkompli: “As people read less they think less clearly, scholars fear.” (Meta l-persuni jaqraw inqas jaħsbu inqas ċar, u dan hu li qed ibeżża’ lill-iskulari.) Artiklu li ġieb varjetà kbira ta’ kummenti imma li bih tqajjem dibattitu ċentrali għad-demokrazija. Għax dan huwa, fil-fatt, il-pern tal-isfida li għandna aħna lkoll.

Kaġun

3. Hemm min jaħseb li l-persuni jaqraw inqas għax il-qari huwa mpenn u għalhekk naqas il-pjaċir u l-għarfien tal-bżonn tiegħu. Oħrajn jaħsbu li l-kotba huma għoljin biex tixtrihom, jew li għax ingħalqu diversi ħwienet tal-kotba, inkella f’dan sempliċement apatija intellettwali. Inkella dawk li ma jħarsux aktar lejn il-qari bħala parti mill-programm tal-avvanz soċjali tagħhom. Iż-żelu li kien hemm u l-ambjent ġenerali ta’ soċjetà li m’għadhiex tħajjar lilha nfisha jew lil uliedha jemmnu li l-ktieb huwa ta’ valur. Forsi wkoll f’dan, il-fatt li għandna iktar politiċi li billi huma stess ma jaqrawx, ma jittrasmettux barra l-bżonn tal-ktieb. Oħrajn iwaħħlu fl-ismartphones jew fl-audio books. It-tnejn f’livelli differenti: wieħed jaf ikun sempliċi distrazzjoni minn kaxxa fejn wieħed jistenna l-aħbarijiet, inkella ta’ bżonn li wieħed jisma’ ktieb jinqara kif kien isir fl-antik, meta ma kontx taqra f’qalbek imma fil-miftuħ.

Circolo dei lettori

4. Forsi wkoll li dak li kien inbeda f’pajjiżna sekli ilu ma tkompliex. Fi proċess li f’pajjiżi oħra, minflok, tkompla. Kien hemm il-postijiet fejn bnedmin jiltaqgħu biex jaqraw jew jiddiskutu dak li qraw jew li qed jaqraw. Janalizzaw u jgħarblu ideat varji. F’dan, fost il-vjaġġi kulturali li kelli, sibt ruħi f’Turin f’dak li jissejjaħ iċ-Circolo dei Lettori. Esperjenza unika, riservata għal dawk li jridu jaqraw f’dan il-bini antik imma spazjuż. Esperjenza, għax f’kull sala tal-post, f’diversi ġranet jiġu promossi kotba varji minn ħafna bnedmin li jiddiskutuhom sew. Kull sena bqajt infittex l-iskeda tal-istaġun u dejjem bix-xewqa li mmur hemm, insegwi fit-tul. Issa, kif qrajt reċentement, id-direttur il-ġdid, Giuseppe Culicchia (1965), Sqalli mrobbi fil-belt u awtur ta’ diversi kotba huwa wkoll u li daħal fil-kariga f’April ta’ din is-sena, iddikjara li ser ikollu laqgħat mhux biss filgħaxija imma filgħodu wkoll. Iddikjara, fi sfida sabiħa: “È la stagione del dialogo e saremo in dialogo con tutti.” (Huwa l-istaġun tad-djalogu, u ser inkunu qed niddjalogaw ma’ kulħadd.)

Libreriji u ħwienet

5. Ftit ilu, The Japan Times ġieb artiklu dwar id-diffikultà li hemm fil-pajjiż sabiex ikun hemm koperazzjoni aqwa bejn il-libreriji nfushom u ħwienet tal-kotba. Studju li sar fl-aħħar tas-sena 2024 wera li hemm inqas kotba li jinqraw u inqas ħwienet miftuħa. F’dan twitta l-proċess sabiex ikun hemm iktar investiment, sija mill-gvern lokali u dak nazzjonali sabiex it-tnejn jibqgħu miftuħa u jitkattru. Sistemi aqwa ta’ ħidma dinamika bejn kull min huwa nvolut sabiex fl-għan li jinqraw il-kotba jiġu mislufa u mixtrija iktar. Politika li tagħraf li l-qari huwa bżonn f’soċjetà mimlija b’awturi intelliġenti u b’letteratura mill-isbaħ. Punt ta’ viżjoni li f’pajjiżna, kif nafu, preżentement ma jeżistix. F’kuntest fejn f’pajjiżna diġà, kif nafu, qed jonqos ix-xiri tal-ktieb u nafu li l-ħwienet tal-kotba huma ftit ħafna. Nafu wkoll li biex jiġu stampati l-kotba hawn, l-ispejjeż huma iktar għoljin. Nittama li hemm żvilupp f’dak li smajna tul dawn il-ġimgħat minn meta, sija l-Midsea Books, kif ukoll il-Merlin Publishers ilmentaw pubblikament għax kienu ser jintlaqtu mill-fatt li d-Dipartiment tal-Edukazzjoni kien ser iqassam kotba skolastiċi b’xejn. Għandu jkun ta’ tħassib nazzjonali kif, flok għandhom il-konfort u l-koperazzjoni tal-Istat biex ikomplu għaddejjin, minflok qed isibu ruħhom iridu jissieltu għall-eżistenza tagħhom.

Forsi wkoll


6. Is-sitwazzjoni hija serja u dan dejjem jekk nagħtu valur lill-ktieb u lill-qari. Imma jista’ jkun ukoll li l-problema politika f’dak li qrajna hawn fuq fid-domanda: “Is the decline of reading making politics dumber?” hija iktar fir-responsabbiltà tagħna milli naħsbu. Mhux biss fin-nuqqas ta’ viżjoni lejn politika nazzjonali għal: l-ewwel, il-qari; it-tieni, għax-xiri tal-ktieb; it-tielet, għat-tkattir tal-ħwienet tal-kotba; u r-raba’, l-istampar, imma fina stess. Fir-reazzjonijiet li l-artiklu li deher f’The Economist ġieb kien hemm dan partikolari u dirett fuqna, li jitlob riflessjoni: “Forcing oneself to write compels the writer to read more, which builds confidence in writing, thus begetting a virtuous cycle, one in which critical thinking takes root. The decline of reading is a problem for the thinking world, the decline of writing a scourge.” (Meta wieħed imexxi lilu nnifsu biex jikteb jaqra aktar, li jibni kunfidenza fil-kitba, biex b’hekk jitwieled proċess ta’ valur: wieħed li fih l-analiżi kritika tieħu s-saħħa. Id-deklin fil-qari hija problema għad-dinja li taħseb, id-deklin fil-kitba huwa saħta.)

Riflessjoni

7. Dan, l-ewwel, japplika għalija u l-proċess li qabbadt mertu tagħhom. Naqra biex nikteb u nikteb biex inkompli naqra. Ċertament naħseb li jekk ma niħdux dawn il-problemi, dawn l-isfidi bis-serjetà, l-effett fuq is-soċjetà u t-tessut demokratiku tagħna mhuwiex ser ikun tajjeb. Forsi mhuwiex xi punt li ser insibu fil-Budget li ġej. Mhuwiex dak li ser naraw xi ftaħir mill-Gvern preżenti dwaru. Imma fir-realtà, jekk ma niħduhx kif aħna u naffrontawh inkunu qed niżbaljaw. Inħares dejjem b’tama lejn il-futur. Inħares iktar b’tama lejn is-soċjetà tal-futur li tinbena fuq pedamenti sodi: dawk fuq iż-żonqor tal-ħsieb tal-ktieb.

22.9.25

JEKK JINQABDU

1. Din il-ġimgħa għaddiet fid-dell tar-rapport ippreżentat mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali dwar il-konċessjoni ulterjuri tal-Fortina. Dell, għax f’dan il-pajjiż qisna ma nistgħux infiequ minn każijiet koroh bħal dawn. Rapport dettaljat li jġib għad-dawl tagħna dak li seħħ u li ma missu qatt li seħħ. F’ħafna dan huwa tort tal-Gvern li ma ried jisma’ xejn mill-kritika li saret lilu mill-Oppożizzjoni snin ilu. Bħas-soltu, flok fittxew li jaraw il-valur tal-pożizzjoni tagħna skartawha, irredikolawna u ppruvaw iġibuna fil-vesti ta’ dawk li huma kontra l-interessi nazzjonali jew tat-turiżmu. Huwa ta’ nkwiet kif f’dan il-pajjiż ma nistgħux nieħdu r-ruħ sabiex l-affarijiet isiru kif għandhom isiru.

Almenu

2. Fuq in-naħa l-oħra hemm almenu d-dawl li għandna sija l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, kif ukoll l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati li huma gwardjani tas-sewwa. Ix-xogħol metikoluż u kkumplikat li l-Awditur Ġenerali wettaq huwa ta’ konfort. Għad hawn min kapaċi jaħdem b’indipendenza u b’imparzjalità. Moħħna mistrieħ li ma hemmx idejn twal li jilħquh. Dmiru wettqu fil-libertà u wasal għall-konklużjonijiet li lkoll nafu bihom. Rapport ieħor determinanti li jimmarka d-dnubiet mortali li dan il-Gvern, f’dawn it-tlett leġislaturi, ra jseħħu taħtu. U għalkemm bħala argument jista’ jingħad li ma kienx hemm politiċi nvoluti, xorta jqum dak li dan kollu ma setax jagħmel sens mill-bidu, u li bi ftit attenzjoni u żelu setgħu waqqfu dak li kien ser iseħħ. Billi kienu min kienu però jidher li, anzi, kien hemm aċċettazzjoni li kollox kellu jgħaddi riħ.

Pajjiżna

3. F’dan jista’ jkun hemm min jgħidilna li dawn ix-xalati jsiru f’kull pajjiż. Biss, bir-rispett kollu, aħna m’aħniex interessati f’dawn it-tip ta’ argumenti. Pajjiżna jixraqlu ferm aħjar milli għandu llum il-ġurnata. Jixraqlu li ma jkollux aktar minn dawn l-iskandli u li l-proċeduri legali jsiru kif għandhom isiru. Ċertament għandna ħafna iktar x’nisimgħu, għax kif idderieġa tajjeb l-Ispeaker tal-Kamra, l-investigazzjonijiet għandhom jibdew minnufih sabiex wieħed jara min kien responsabbli għal dan l-aġir illegali. Hemm aġir żbaljat li wieħed irid jagħti kont tiegħu għaliex is-soċjetà u l-komunità kummerċjali għandhom kull dritt jaraw li l-liġijiet ikunu applikati b’mod ugwali ma’ kulħadd.

Mhux biżżejjed

4. F’dan naħseb li għall-opinjoni pubblika, u għal dawk li jridu s-sewwa mhuwiex biżżejjed li wieħed jgħid: “Tuni lura d-differenza”. Huwa tajjeb li jsir eżami oġġettiv tal-affarijiet, jiġifieri li wieħed jara dak li kellu jitħallas u li ma tħallasx. Imma anki jekk tasal għal dan, tkun qiegħed finalment tippremja lil min abbuża mis-sistema. Tkun biss qed tkompli tiftaħ iktar beraħ il-bieb għal dawk li huma deċiżi li jabbużaw u wara, jekk dejjem jinqabdu, iħallsu. Mhuwiex b’xi mod leġittimu u aċċettabbli li dan l-aġir jiġi ppremjat. Wieħed irid ifittex u jibni kummissjoni indipendenti li mhux biss tara, imma li tirrakkomanda r-rimedji. Dan sija fid-Dipartiment innifsu li ra wisq tibdil fil-Ministri li jmexxuh, kif ukoll fir-rakkomandazzjonijiet in ġenerali. Mhuwiex sabiħ li nikkonkludu, minkejja l-mekkaniżmi legali li għandna, li kien hemm min daħaq bil-Kamra tad-Deputati u mmanipulaha. Il-poplu jrid jara d-differenza.

F’dan il-Jum

5. Pajjiżna jixraqlu li jiċċelebra l-Jum tal-Indipendenza tagħna fl-għarfien li għandu lil min imexxih sewwa. Fil-libertà u l-ugwaljanza li naħdmu għalih. Fl-importanza li nagħtu liċ-ċertezza tad-dritt naħseb li hemm bżonn bnedmin differenti li jmexxu aħjar lil pajjiżna. Waqt li niċċelebraw fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann għandna niftakru li fil-politika u fil-ħajja hemm min iħares l-interessi personali tiegħu, imma hemm ukoll dawk li jħarsu l-interessi tal-ġid komuni. Dawn il-gżejjer jimxu, u jibqgħu jimxu fil-progress meta l-għeruq veri tagħhom jiġu rispettati. Il-Ġustizzja Soċjali fid-demokrazija titlob li l-ġid nazzjonali jitqassam u ma jispiċċax fil-but ta’ dawk li huma ppreferuti.

Nittama

6. F’dan aktar nittama li l-kuntest sħiħ ta’ dak li seħħ ma jitteħidx f’dak li tipprova tgħid li kull partit iwettaq affarijiet bħal dawn. Mhuwiex minnu. F’dawn it-tnax-il sena ta’ Gvern Laburista, l-istorja turi li dawn il-każijiet ma waqfux. Dawk il-każijiet veri li lkoll nafu bihom. F’dan hemm, infakkar, għażla varja ta’ rapporti li saru mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali li jinsabu hemm, quddiemna. Dawk li ħarġu għad-dawl tax-xemx. Dawk li juru l-abbuż li sar, u fl-istess ħin, il-mentalità li daħlet. Dik li wieħed għandu l-libertà li jaġixxi illegalment u kif irid, dejjem sakemm forsi xi darba jinqabad.

ĦAL TARXIEN - TRIQ PAOLA - XOGĦLIJIET

30317. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid għal liema raġuni x-xogħlijiet fil-bidu ta’ Triq Paola, f’Ħal Tarxien qed idumu biex jitlestew u kemm huwa previst li ser idumu biex jitlestew?

 

09/09/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  376

17/09/2025

IL-KALKARA - TRIQ LI TAGĦTI MILL-BAJJA TAR-RINELLA GĦALL-FORTIZZA - XOGĦLIJIET

30316. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 11309 u 12940, jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsabu l-pjanijiet tax-xogħlijiet biex it-triq li mill-Bajja tar-Rinella tagħti għall-Fortizza fil-Kalkara, tiġi rranġata qabel ma ssir aktar ħsara?

 

09/09/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

 

Seduta  376

17/09/2025

EKS CASINO DI VENEZIA - ŻVILUPPI

30315. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26976, jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal il-proċess fir-rigward tal-eks Casino di Venezia?

 

09/09/2025

 

ONOR. SILVIO SCHEMBRI:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26878.

 

Seduta  376

17/09/2025

IL-KALKARA - TRIQ LI TAGĦTI MILL-BAJJA TAR-RINELLA GĦALL-FORTIZZA - XOGĦLIJIET

30314. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 11309 u 12940, jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsabu l-pjanijiet tax-xogħlijiet biex it-triq li mill-Bajja tar-Rinella tagħti għall-Fortizza fil-Kalkara, tiġi rranġata qabel ma ssir aktar ħsara?

 

09/09/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għadu qed jipprepara d-dokumenti għas-sejħa għall-offerti għal-dawn ix-xogħlijiet.

 

Seduta  376

17/09/2025

IL-KALKARA - RINELLA - RESTAWR FIL-ĦAJT FIL-KUMPLESS TA’ BIGHI

30313. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19774, jista’ l-Ministru jgħid għaliex ix-xogħlijiet fuq il-ħajt fil-kumpless ta’ Bighi, fir-Rinella l-Kalkara, jinsabu weqfin?

 

09/09/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq il-ħajt tal-Bajja tar-Rinella kienu sospiżi matul ix-xhur tas-sajf minħabba li l-bajja tkun qed tintuża għal-għawm.  Il-kuntrattur ta’ Infrastructure Malta reġa' kompla bix-xogħlijiet fix-xahar ta’ Settembru.

 

Seduta  376

17/09/2025

IL-KALKARA - RINELLA - RESTAWR FIL-ĦAJT FIL-KUMPLESS TA’ BIGHI

30312. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19774, jista’ l-Ministru jgħid għaliex ix-xogħlijiet fuq il-ħajt fil-kumpless ta’ Bighi, fir-Rinella l-Kalkara, jinsabu weqfin?

 

09/09/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat li x-xogħlijiet fuq il-ħajt tal-Bajja tar-Rinella kienu sospiżi matul ix-xhur tas-sajf minħabba li l-bajja tkun qed tintuża għal-għawm.  Il-kuntrattur ta’ Infrastructure Malta reġa' kompla bix-xogħlijiet fix-xahar ta’ Settembru.

 

Seduta  376

17/09/2025

QRATI - KUMPILAZZJONIJIET PENDENTI

30217. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 29600, 29751 u 29857 u jgħid kemm kien hemm kumpilazzjonijiet pendenti fil-Qrati ta’ pajjiżna sal-aħħar ta’ Ġunju 2025 u kemm minnhom ġew deċiżi?

 

26/08/2025

 

ONOR. JONATHAN ATTARD:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi b’ referenza għal mistoqsija parlamentari numru 30216, sal-aħħar tas-sena 2024 kien hemm l-ammont ta’ 2,711 il-kumpilazzjoni pendenti fil-Qrati ta’ Malta u l-ammont ta’ 103 kumpilazzjoni fil-Qrati ta’ Għawdex, mentri sal-aħħar ta’ Ġunju, 2025 kien hemm it-total ta’ 2,392 kumpilazzjoni pendenti fil-Qrati ta’ Malta u l-ammont ta’ 147 kumpilazzjoni fil-Qrati ta’ Għawdex. Bejn l-1 ta’ Jannar, 2025 u l-aħħar ta’ Ġunju, 2025 ġew deċiżi 206 kumpilazzjoni fil-Qrati ta’ Malta u 47 kumpilazzjoni fil-Qrati ta’ Għawdex.  Dan l-ammont barra li jinkludi kumpilazzjonijiet deċiżi minn dawk preżentati bejn Jannar u Ġunju, 2025, jinkludi ukoll ammont minn dawk li ġew preżentati qabel is-sena 2025.

Ngħarraf ukoll lill-Onorevoli Interpellant illi t-tnaqqis fin-numru ta’ kumpilazzjonijiet pendenti huwa riżultat tal-investiment kontinwu li qed jitwettaq fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Fl-istess waqt, fil-ġimgħat li ġejjin, il-Gvern ser ikun qed iressaq quddiem il-Parlament riforma importanti oħra fil-proċeduri Kriminali, dik tal-Kumpilazzjonijiet, li għandha l-għan tkompli tibni fuq riformi oħra, inkluż tal-inkjesti maġisterjali, li saru fil-kamp kriminali u li introduċew termini proċedurali.

 

Seduta  375

16/09/2025

QRATI - KUMPILAZZJONIJIET PENDENTI

30216. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 29609, 29748 u 29855 u jgħid kemm kien hemm kumpilazzjonijiet pendenti fil-Qrati ta’ pajjiżna sal-aħħar tas-sena 2024 u kemm minnhom ġew deċiżi?

 

26/08/2025

 

ONOR. JONATHAN ATTARD:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30217.

 

Seduta  375

16/09/2025

BORMLA - ĠNIEN IL-KOTTONERA

30215. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-siġar taż-żebbuġ fi Ġnien il-Kottonera, Bormla humiex jiġu kkurati u msoqqija matul is-sajf?

 

26/08/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  375

16/09/2025

BORMLA - ĠNIEN IL-KOTTONERA

30214. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika: Tista’ l-Ministru tgħid jekk is-siġar taż-żebbuġ fi Ġnien il-Kottonera, Bormla humiex jiġu kkurati u msaqqija matul is-sajf?

 

26/08/2025

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-siġar taż-żebbuġ fi Ġnien il-Kottoner huma stabbli, bosta minnhom kbar u maturi. Project Green tieħu ħsieb dawn is-siġar bħala parti mill-immaniġġjar u l-manutenzjoni ta’ dan l-ispazju miftuħ. Dawn is-siġar jiġu kkurati b’mod regolari fejn jinżabru skont il-bżonn, jitneħħew fergħat nixfin, fergħat dgħajfa u/jew li jistgħu jkunu ta’ periklu għall-pubbliku. Barra minn hekk, jiġi mmanniġġjat il-ħaxix ħażin li jikber madwar is-siġar biex ma jikbirx iżżejjed u ma jikkawżax riskji speċjalment matul il-perjodu tas-sajf.

Peress li dawn is-siġar taż-żebbuġ huma stabbiliti u għandhom sistema ta’ għeruq diġà b’saħħitha, jissaqqew skont il-ħtieġa. B’dan il-mod, Project Green tiżgura li dawn is-siġar jibqgħu f’kundizzjoni tajba, siguri u sostenibbli bħala parti mill-wirt naturali ta’ Ġnien il-Kottoner.

 

Seduta  375

16/09/2025

GAZA - GĦAJNUNA UMANITARJA

30213. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22858, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm effettivament ingħatat għajnuna umanitarja lill-poplu ta’ Gaza matul din is-sena?

 

26/08/2025

 

ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif spjegajt fil-mistoqsijiet parlamentari 22858, 24730 u 27317, il-Gvern Malti – inkluż il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu – qed ikompli joffri għajnuna umanitarja konkreta għall-benefiċċju tal-poplu Palestinjan. Din tinkludi:

 

• Il-Ministeru qed jikkontribwixxi fil-Fond ta’ Solidarjetà ma’ Gaża.  Matul ix-xhur ta’ Lulju u Awwissu, Malta bagħtet erba’ konsenji ta’ dqiq, b’total ta’ għaxart elef u sittin xkora, lejn Limassol, f’Ċipru, biex bl-għajnuna tal-Gvern Ċiprijott u tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Magħquda għall-Proġetti u s-Servizzi Malta jitwasslu f’Gaża. Wara proċess ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet rispettivi tal-Iżrael, nofs dan id-dqiq intbagħat lejn il-port ta’ Ashdod, fejn sal-5 ta’ Settembru dan kien twassal f’Gaża għand il-World Central Kitchen. Din l-organizzazzjoni umanitarja diġà bdiet tużah biex tipprepara l-ikel li qiegħda tipprovdi lin-nies ċivili f’Gaża. Mistenni li t-tieni nofs ta’ dan id-dqiq jitlaq lejn il-port ta’ Ashdod fl-aħħar ta’ Settembru.


• Iktar kmieni din is-sena, Malta kompliet b’inizjattiva umanitarja ta’ evakwazzjoni ta’ tfal Palestinjani li qed ibatu minn mard serju, flimkien mal-ġenituri tagħhom, miż-żona ta’ Gaża. Sa issa, erbat itfal ġew evakwati u miġjuba Malta fejn qed jirċievu kura medika urġenti.

• Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu approva donazzjoni ta’ €70,000 biex tindirizza l-ħtiġijiet urġenti fil-Palestina. Din l-għajnuna ser tingħata lill-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF), organizzazzjoni li qed taħdem direttament f’Gaża, b’enfasi fuq is-sitwazzjoni umanitarja tal-popolazzjoni ċivili.

• Il-Ministeru qed jippjana wkoll li jalloka fondi addizzjonali fil-ġimgħat li ġejjin biex isaħħaħ l-appoġġ lill-poplu Palestinjan. L-għajnuna se tiffoka fuq il-ħtiġijiet l-aktar essenzjali, inklużi l-appoġġ kontinwu lill-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Maqgħuda għall-Għajnuna u x-Xogħol għall-Palestinjani (UNRWA), u organizzazzjonijiet oħra li jipprovdu ikel u kura tas-saħħa.

• Malta ser tkompli tgħin ukoll fil-qasam edukattiv. Għas-sena akkademika 2025/2026, il-Ministeru se jiffinanzja żewġ boroż ta’ studju fil-livell ta’ Masters fl-Università ta’ Malta għal studenti Palestinjani, kif ukoll boroż ta’ studju għal diplomatiċi Palestinjani biex jistudjaw fl-Akkademja Mediterranja tal-Istudji Diplomatiċi (MEDAC).

Fl-aħħar nett, nixtieq nerġa’ ntenni l-impenn sod tal-Gvern Malti favur il-kawża tal-paċi f’Gaża. Malta tkompli taħdem mill-qrib ma’ sħab internazzjonali biex tħeġġeġ għall-waqfien mill-ġlied bejn Iżrael u l-Hamas, filwaqt li tħares lejn il-ħtieġa urġenti li tiżdied b’mod sostanzjali l-għajnuna umanitarja li tkun tista’ tidħol mingħajr xkiel f’Gaża, sabiex jiġu ndirizzati l-bżonnijiet kruċjali tal-popolazzjoni ċivili.

 

Seduta  375

16/09/2025

IL-FGURA - TRIQ IL-KARMNU - XOGĦLIJIET

30212. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru fi Triq il-Karmnu, il-Fgura?  Jista’ jgħid ukoll kemm ser jiswew u meta huma mistennija li jkunu lesti dawn ix-xogħlijiet?

 

26/08/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  375

16/09/2025

16.9.25

IL-PROĠETT POLITIKU LLUM

1. Nagħlqu l-ġimgħa billi nirriflettu u nfakkru Jum importanti, ċertament wieħed nazzjonali. Inġibu lura quddiemna u għad-diskussjoni l-Indipendenza ta’ pajjiżna. Mhux fil-linja ta’ xi dubju iżda dak il-pass politiku li ttieħed sewwa u li wettaq il-ġid lilna lkoll. Dan il-poplu huwa liberu u jikkmanda lilu nnifsu. Bena l-Istat Demokratiku tiegħu kif kien mitlub li jsegwi. Għadda u għadu jgħaddi minn diversi provi kkumplikati li b’xi mod iżda kien jaf u għadu jagħraf jissuperahom. Jagħraf dak li huwa postu u kif jista’ jkun rilevanti, sija fix-xenarju Ewropew kif ukoll f’dan internazzjonali, fejn hemm viżjoni aktar sħiħa fil-politika barranija li għandu jieħu.

Fuq kollox

2. Fil-proċess twil ta’ wieħed u sittin sena tgħallimna ħafna. L-iktar fuq dak li aħna rridu u fuq dak li jiswielna għas-sewwa. Ma sirniex poplu nieqes minn boxxla morali jew deġenerat. Għalkemm ittantati b’modi differenti, fir-realtà nibqgħu dawk li rridu nħarsu lejn il-valuri, li huma l-għeruq taċ-ċiviltà u tal-bniedem. Naraw dejjem aktar il-bżonn li nkunu dawk li fil-politika u fil-ħajja, fir-rispett lejn id-dinjità tal-persuna umana nipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem u d-demokrazija. Nagħrfu dejjem iktar li dawn huma punti li mhumiex wieqfa, imma li l-ħin kollu huma fil-proċess li jimxu ’l quddiem. Kif nieqfu naħdmu fihom u nimbuttawhom inkunu qed niżbaljaw.

Parti minn tradizzjoni

3. Fil-fatt aħna parti minn tradizzjoni legali li ssawret u li ġiet żviluppata fl-Oċċident. Aħna parti minn dak kollu li żviluppa taħt id-Dritt Ruman u warajh. Aħna dawk li nħarsu li nieħdu ispirazzjoni minn diversi bnedmin li ħallew marka fiċ-ċiviltà li aħna parti minnha. Bnedmin fil-kliem ta’ Marcus Tullius Cicero (109-43 WK) li huma: Omnes legum servi sumus ut liberi esse possimus (Inservu l-liġi biex inkunu liberi). Għax aħna, bħala poplu, għandna nagħżlu li nkunu skjavi tal-liġi sabiex inkunu liberi. Proprju f’dan wieħed għandu jqiegħed mill-ġdid punt politiku li sar diġà minn oħrajn. Dak li għandna nistaqsu lilna nfusna llum il-ġurnata liema huwa l-aħjar Gvern biex imexxi pajjiż: dak tal-liġijiet jew dak tal-bnedmin?

Pariri

4. Kif ifakkar sewwa u bil-preċiż Norberto Bobbio, meta jgħid: “Il primato della legge è fondato sul presupposto che i governanti siano per lo più cattivi, nel senso che tendono a usare del potere per i propri fini. Viceversa, il primato dell’uomo è fondato sul presupposto del buon governatore, il cui ideale è presso gli antichi il grande legislatore. In fatti se il governatore è saggio che bisogno c’è di costringerlo nella rete di leggi generali che gl’impediscono di soppesare i meriti e i demeriti di ciascuno?” (Il-primat tal-liġi huwa bbażat fuq il-prinċipju li dawk li jiggvernaw huma ħżiena, fis-sens li jkunu mħajra li jużaw il-poter għall-iskopijiet tagħhom. Viċeversa, il-primat tal-bniedem huwa mwaqqaf fuq il-prinċipju li l-Gvern it-tajjeb, li l-ideal tiegħu huwa meħud mil-leġislaturi l-antiki. Fil-fatt, jekk il-Gvern huwa għaqli, x’hemm bżonn li torbtu fix-xibka tal-liġijiet ġenerali li jżommuh milli jibbilanċja l-merti u d-demerti ta’ kull persuna?).

Proprju f’dan


5. Proprju dan huwa punt determinanti. Liġijiet għandna, u ħafna. Dawn jistgħu jiġu miżjuda, mibdlula, mfassla aħjar, imma l-punt jibqa’ li ninsabu fi Stat tad-Dritt. Ninsabu f’soċjetà fejn il-poter huwa leġittimu f’ħidmietu għax huwa mogħti s-saħħa mil-liġi. Il-mexxejja politiċi għandhom ir-responsabbiltà għax hija mogħtija mil-liġi. Mingħajrha ma huma xejn. Huma biss arbitrarji u illegali. Kull min jaġixxi barra mil-liġi huwa żbaljat u anti-demokratiku. F’dan irridu nirriflettu aktar fejn ninsabu u fejn sejrin. Il-bżonn tal-liġi jibqa’ magħna proprju biex nassiguraw li l-affarijiet isiru sewwa u billi l-liġi hija l-vuċi tal-poplu hija fil-fatt it-twettiq tar-rieda tiegħu.

Nistaqsu

6. F’dan irridu nistaqsu iktar jekk aħniex f’soċjetà fejn il-liġi qegħda tiġi rispettata, mħaddma, applikata u nfurzata. Għax il-liġi hija l-bidu ta’ kull organizzazzjoni umana. Hija dik li tassigura li d-deċiżjonijiet jittieħdu fit-trasparenza u dan hu l-prinċipju li jiggarantixxi li l-liġi qegħda tiġi osservata. Dan fih aktar rilevanza llum fil-klima politika li ninsabu fiha. Fil-konoxxenza li dak li qiegħed isir ma jsegwix il-liġi. Anzi, jiddipartixxi minnha biex jiffavorixxi u jipproteġi lil xi wħud. Il-liġi mhijiex iktar perċepita bħala dik li hija ugwali għal kull persuna, iżda li hemm min jirranġa. Żbalji politiċi saru, u dawn jikkundizzjonaw sew il-mod ta’ kif il-bnedmin f’dawn il-gżejjer iħarsu lejn l-affarijiet.

Fid-dell

7. L-Indipendenza ġiet sabiex aħna niddeċiedu l-affarijiet tagħna fil-miftuħ u fl-ugwaljanza. Ċertament mhux fis-segretezza, fil-moħbi, ’il bgħid minn xtutna għal dak li huwa fl-interess tal-oħrajn. Dan il-Jum Nazzjonali ġie biex jassigura li napplikaw il-liġijiet kif jixraq u li l-proċess, il-metodu, isir kollu fil-miftuħ. Prinċipju li għandna niftakru u nassiguraw li jiġi mplimentat. Kif ifakkarna Norberto Bobbio: “Il principio fondamentale della democrazia è del resto ostile alla segretezza. Se tu devi votare, devi poter conoscere sia il problema sul quale devi votare, devi poter conoscere sia il problema sul quale devi esprimere il tuo giudizio, sia le persone che sono convolte.” (Il-prinċipju fundamentali tad-demokrazija huwa ostili għas-segretezza. Jekk għandek dritt tivvota, għandek tkun taf il-fatti sħaħ dwar il-problema li fuqha ser tesprimi l-ġudizzju tiegħek, kif ukoll tal-bnedmin li huma nvoluti.)

’Il quddiem

8. F’dan għandna nħarsu ’l quddiem. Dmirna fil-Partit Nazzjonalista huwa li nassiguraw li l-liġi tiġi osservata għax id-demokrazija trid tiġi mplimentata anke jekk, kif ġustament ingħad, hija imperfetta. Imma fil-verità m’għandhiex waħda perfetta alternattiva għaliha. Dmirna hu li nfakkru l-passat fis-sens ta’ dak kollu li għaddejna minnu bħala poplu biex din il-pożizzjoni determinanti tintlaħaq. Anki sabiex ħadd ma jimmaġina li l-kisba tal-Indipendenza kienet faċli u li kull ma kien hemm bżonn kien li wieħed jagħmel xi talba jew jimla xi applikazzjoni sabiex tinġieb. L-Indipendenza batejna għaliha u hija l-ġebla tax-xewka tas-soċjetà tagħna. Proprju għalhekk, fis-sitwazzjoni li ninsabu fiha llum, il-proġett politiku tagħna jrid jitlaq minn dak li nassiguraw soċjetà fejn hemm osservanza akbar tal-liġi fit-trasparenza.

IL-FGURA - TRIQ IL-KARMNU - XOGĦLIJIET

30211. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru fi Triq il-Karmnu, il-Fgura?  Jista’ jgħid ukoll kemm ser jiswew u meta huma mistennija li jkunu lesti dawn ix-xogħlijiet?

 

26/08/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi x-xogħlijiet inkludew estensjoni żgħira ta’ sistema eżistenti tal-ilma tax-xita, sostituzzjoni ta’ partijiet mill-pajp tad-drenaġġ, rikostruzzjoni tal-pajp tal-ilma li jintroduċi sistema doppja ġdida, tħaffir ta’ trinek u tqegħid ta’ cables tal-Enemalta, rikostruzzjoni ta’ bankini u bini ta’ toroq. Ix-xogħlijiet huma mistennija li jitlestew sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.

 

Seduta  374

15/09/2025

SANTA LUĊIJA - TRIQ BICE MIZZI VASSALLO - PARKING BAYS ĠODDA

30210. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kif ġew awtorizzati l-parking bays il-ġodda fi Triq Bice Mizzi Vassallo, f’Santa Luċija, għaliex huma ta’ periklu għall-ħajja u s-sigurtà ta’ terzi?

 

26/08/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel referenza għall-mistoqsija parlamentari 30209.

 

Seduta  374

15/09/2025

SANTA LUĊIJA - TRIQ BICE MIZZI VASSALLO - PARKING BAYS ĠODDA

30209. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid kif ġew awtorizzati l-parking bays il-ġodda fi Triq Bice Mizzi Vassallo, f’Santa Luċija, għaliex huma ta’ periklu għall-ħajja u s-sigurtà ta’ terzi?

 

26/08/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità tat-Trasport approvat it-talba tal-Kunsill sabiex dawn il-parkeġġi jitneħħew fis-27 ta’ Awwissu 2025.

 

Seduta  374

15/09/2025

LAQGĦAT - DATI

30208. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29762, jista’ l-Ministru jindika bil-preċiż id-dati tal-laqgħat li attenda u li ser jattendi għalihom?

 

26/08/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa previst li nattendi għal-Laqgħa tal-Kunsill tat-Trasport tal-4 ta’ Diċembru 2025.

 

Seduta  374

15/09/2025

 

LAQGĦAT - DATI

30207. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29763, tista’ l-Ministru tindika bil-preċiż id-dati tal-laqgħat li attendiet u li ser tattendi għalihom?

 

26/08/2025

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  B’żieda mat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 29763, ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-17 ta’ Marzu 2025 attendejt għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Enerġija fi Brussell, waqt li bejn l-10 u l-11 ta’ Lulju 2025 attendejt għal-laqgħa tal-Kunsill Informali tal-Ministri tal-Ambjent fid-Danimarka.

 

Seduta  374

15/09/2025

COMMUNITY SERVICE ORDERS, PROBATION U SENTENZI SOSPIŻI - SENTENZI

29858. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 29601 u 29752 u jgħid kemm kien hemm sentenzi fejn il-piena inflitta kienet dik ta’ Community Service Orders, Probation u sentenzi sospiżi sal-aħħar ta’ Ġunju 2025?

 

15/07/2025

 

ONOR. JONATHAN ATTARD:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29856.

 

Seduta  374

15/09/2025

EŻERĊIZZJU DEMOKRATIKU

1. L-eventi ta’ dawn l-aħħar ġimgħat jinkwadraw ruħhom fi proċess demokratiku ċar u evidenti. Wieħed li ra fih żewġ persuni, membri, deputati tal-Partit Nazzjonalista jduru l-irkejjen tal-pajjiż tagħna. Kull fejn marru kellhom in-nies warajhom. Milqugħa minn ħafna, imdawra, introdotti u esposti għar-realtajiet tal-poplu tagħna. Kampanja xejn faċli fix-xenarju sħiħ li fih żvolġiet. Lejn l-aħħar ta’ leġislatura, li ninsabu fiha. Fid-diffikultajiet li l-pożizzjoni elettorali kienet qed tkompli tressaq lejna. Fil-prospett iktar ikkumplikat li minnu fuq naħa l-Gvern nieżel fl-ideat u l-ħeġġa, mentri fuq in-naħa l-oħra l-appoġġ elettorali għall-Partit baqa’ wieqaf.

Kien hemm bżonn


2. Minn dak li stajt nara b’għajnejja kien hemm lok għal dan il-pass. Ħeġġa kbira u entużjażmu li kont ilni ċertu snin ma nara quddiemi. Ħajra għal bidla. Ħajra sabiex il-Partit jagħti lura tweġiba serja lill-elettorat tagħna. Użu intelliġenti tar-raġuni sabiex tinbena pjattaforma ġdida fuq dik li kellna biex nimxu sabiex inkunu alternattiva soda u kredibbli. Użu tal-enerġija umana sabiex il-Partit ikun lura preżenti fit-toroq tas-soċjetà. Tul dawn ix-xhur twal tas-sajf, l-argumenti kienu marbuta ma’ din l-għażla xejn faċli. Bnedmin, ġejjin minn fejn ġejjin, kienu moħħhom f’min għandu jintagħżel u min jista’ jservi l-aħjar fil-ħajja tal-istorja demokratika ta’ pajjiżna u tal-Partit. F’dan diversi kienu qed iħossu li kien hemm dan il-bżonn. Wieħed li fortunatament seħħ u li qiegħed issa, biċċa biċċa, jibdel il-kamp politiku Malti.

Għażliet

3. Ħafna sabu, però, il-konfort ta’ ideat ġodda li esprimew iż-żewġ kandidati. Ħafna raw li l-Partit kien qiegħed jifhem l-iżbalji, u forsi aħjar, in-nuqqasijiet ta’ ġudizzju li kienu ttieħdu. Ħafna tkellmu dwar dan u dak kollu li għaddejna fih fit-tmien snin preċedenti . Dawk li kienu kiefra u li ma wasslux għal progressi elettorali. Billi nqsamna u ġġelidna internament ma kellniex aktar min jivvutalna. F’ħafna, dak li kien qed iseħħ kien qiegħed joħroġ bħala garanzija għall-Gvern biex jibqa’ fil-poter. Kien qiegħed jiddependi minna li nibqgħu fejn aħna sabiex hu jibqa’ fejn hu: fil-poter. Dan fehmuh diversi, u għalhekk l-għażla bejn żewġ persuni validi ma kienet faċli xejn. Aktar u aktar meta ma sarx diskors żejjed. Ħafna baqgħu indeċiżi sal-aħħarnett. Sejrin jivvutaw u għadhom mhux ċerti lil min u jekk dak li qed jaħsbu huwiex minnu verament. Ħafna kellmuni, u dan kullimkien. Eżerċizzju demokratiku fil-fond sħiħ tiegħu.

Ir-riżultat

4. Fil-fatt, ir-riżultat wera dan kollu. Iż-żewġ kandidati kienu ultra viċin ta’ xulxin fl-appoġġ tal-elettorat Nazzjonalista. Diversi fehmu kemm it-tnejn għandhom fuqhom il-piż tar-responsabbiltà. Ħafna fehmu li, b’dak li ġara, ħadd ma ġie umiljat. Anzi, onorat bil-fatt li għal ftit voti, naħa jew oħra, il-bilanċ seta’ jinbidel faċilment. Dak kabbarhom it-tnejn. M’hemmx linja politika li asseriet ruħha fuq oħra, imma dik li fehmet li hemm bżonn kollaborazzjoni. Hemm bżonn li l-ideat sħaħ li ħarġu fil-kampanja jiġu f’daqqa. Hemm bżonn li jkun hemm forza unika li tissoda iktar ruħha. Għandna quddiemna dak li seħħ qabel, sija fil-Partit tagħna, kif ukoll fil-Partit Laburista. Ikun żball jekk ma nieħdux l-aqwa lezzjoni minnhom.

Unità

5. F’dan hemm prijorità prinċipali: dik li l-Partit ikun magħqud. M’aħniex, kif stqarr San Pawl Missierna f’kuntest differenti, Insara ta’ Apollo jew ta’ Pawlu, imma ta’ Sidna Ġesù Kristu. Hekk aħna m’aħniex Nazzjonalisti ta’ Alex jew ta’ Adrian, imma tal-Partit Nazzjonalista. Hemm għajta kbira sabiex il-Partit ikun f’daqqa u kull membru tiegħu jingħata l-ġieħ u l-vuċi li ħaqqu. Medja miftuħa għal kull persuna, ebda preferenza, integrità, ugwaljanza fil-libertà politika li naħdmu għaliha. Nifraħ niltaqa’ ma’ bnedmin varji li jridu dan mingħandna. Nifraħ li jkun hemm din l-atmosfera demokratika li tagħmel il-ġid u ġġib lil kull persuna lura tipparteċipa. Jekk m’aħniex nifhmu dan il-mument partikolari nkunu qed nagħżlu li nitilfu opportunità unika.

Niftaħru

6. Niftaħru li aħna l-Partit tad-Demokrazija. Hekk konna, u hekk għandna nibqgħu nkunu. Biex inwettqu dan irridu nifhmu li għalkemm l-għażla kienet diffiċli f’min ikun Kap, għandha tkun naturali li l-bibien ikunu verament miftuħa għal kulħadd. Il-Kap Alex Borg għandu diversi sfidi quddiemu, ċertament, u din il-pożizzjoni għandha tkun ta’ għajnuna għalih. Il-vuċi tal-Partit tasal bil-medja sħiħa, imma tasal ftit aktar bil-bnedmin li jiddiskutuha u jarawha li hija kredibbli, serja u li tista’ titwettaq. L-għażliet tal-proposti tagħna, tal-bnedmin li jmexxu jridu jibqgħu fir-rankatura tal-proċess demokratiku li nqabad. Da parti tiegħi nemmen fihom kompletament. Il-Partit, anzi aktar, jista’ jimxi f’daqqa fl-għarfien sħiħ li dan l-eżerċizzju demokratiku jrid jitkompla b’determinazzjoni. Hekk b’dan nistgħu nibdlu l-opinjonijiet tal-bnedmin. Hekk nistgħu nibdlu l-Gvern ta’ pajjiżna.

9.9.25

ĦADMU GĦAS-SEWWA

1. Ftit ilu fakkarna li fit-23 ta’ Lulju 1957, kważi sebgħin sena ilu, ġie nieqes l-awtur Sqalli Giuseppe Tomasi di Lampedusa (1896). Dak li huwa magħruf ħafna għall-ktieb mill-isbaħ tiegħu Il Gattopardo (1958), li ġie pubblikat wara mewtu. Dak li fih, il-persunaġġ u l-eroj Garibaldin, Tancredi Falconeri, waqt li jdur fuq il-Prinċep Fabrizio Salina jiddikjara: “Se vogliamo che tutto rimanga com’è, bisogna che tutto cambi.” Jekk irridu li kollox jibqa’ l-istess, hemm bżonn li jinbidel kollox. Dan fix-xenarju ta’ sekli ta’ monarkija Borbonika li f’dik il-gżira tinbidel f’ħakka t’għajn mill-Mille ta’ Giuseppe Garibaldi. Kliem li rajt użat b’intelliġenza kbira minn oħrajn qabli f’dan il-pajjiż.

Proċess

2. Il-bnedmin mhux faċli li jinbidlu fil-modi tagħhom. Ħafna drabi jibqgħu jwettqu dak li kienu qabel, anki jekk mingħalihom li jkunu għaddejjin bil-ġdid. Forsi l-fatt li wieħed jitlob riformi jfisser għalihom dak li ma jafux. Iridu ħajja differenti u futur aħjar, imma jippreferu jibqgħu l-istess. Hemm dawk li jirkbu fuq dawn is-sejħiet. Jiddikjarawhom, imma jispiċċaw ma jwettquhomx. Kollox jibqa’ fejn hu. Hemm min dan jippreferih. Biss, fortunatament, fid-dinja ġew bnedmin differenti li rnexxielhom jibdlu u jikkumbattu lil dawk li riedu jmorru lura lejn il-passat. Dawk li kienu verament liberi fil-fidi Nisranija. Dawk li qrajt hekk dwarhom: “... ready to confront the wider manifestations of evil in the social and national life of mankind.” (... lesti li jikkonfrontaw il-manifestazzjonijiet wiesgħa tal-ħażen fil-ħajja soċjali u nazzjonali tal-umanità.)

San Sergius

3. Tul dan is-sajf qrajt żewġ kotba li mexxewna iktar f’dawn ir-riflessjonijiet. L-ewwel fil-ktieb mill-isbaħ ta’ Nicolas Zernov (1898-1980) bit-titlu St Sergius – Builder of Russia (1939). Wieħed miktub f’perjodu partikolari, mimli b’għerf u informazzjoni, l-iktar dwar dan il-qaddis u ħidmietu biex ġieb identità nazzjonali partikolari. Naħseb li biex wieħed jifhem parti mill-kultura Russa, irid jaqrah. Bniedem li ġie nieqes fil-25 ta’ Settembru 1392.

Bidliet

4. Fid-dawl tal-gwerra li kienet ġejja f’dan il-ktieb, fl-introduzzjoni tiegħu jgħid hekk: “The world of to-day is passing through a period of radical reconstruction. Things which have grown old are being destroyed, drastic alterations introduced, and fresh ideas advocated. Many Christians feel profoundly disturbed by these gigantic changes, not because they are opposed to any improvement, nor because they are particularly satisfied with existing solutions. Their anxiety is caused by the fact that the things being thrown away are not always obsolete or useless, while innovations which are introduced in their stead bring back familiar old evils.” (Id-dinja tal-lum għaddejja minn rikostruzzjoni radikali. Ħwejjeġ li xjaħu qed jiġu distrutti, tibdiliet drastiċi introdotti, u ideat ġodda mħeġġa. Ħafna Nsara jħossuhom disturbati b’dawn it-tibdiliet kbar mhux għax huma kontra xi tibdil, anqas għax huma sodisfatti bil-kundizzjonijiet preżenti. L-ansjetà tagħhom ġejja mill-fatt li qed jintrema dak li għadu ma spiċċax l-użu tiegħu, u dak li qiegħed jiġi introdott minfloku qiegħed iġib lura ħażen passat.)

’Il quddiem u lura

5. Dan iktar fil-ġlieda u kunflitt ta’ ideat bejn dak li huwa sewwa u dak li mhuwiex. F’dak li jidher ‘antik’ imma tajjeb u dak li jidher ‘ġdid’ imma li huwa żbaljat. Fl-isfidi li l-Insara jsibu ruħhom fihom. Fil-ġlieda għall-valuri etiċi fundamentali li jirrispettaw il-bniedem. Id-dinjità sħiħa tiegħu fil-ħidma sabiex ikun parteċipi ta’ ordni soċjali fil-ġustizzja. Fejn il-passat ma jintremiex, imma fl-għeruq sodi tiegħu jinbnew proġetti li jmexxu ’l quddiem l-umanità. Pożizzjonijiet li sab ruħu fihom San Sergius, kif ukoll persuna oħra qablu. Dan missejt miegħu waqt li b’interess u pjaċir qrajt il-ktieb bit-titlu Ambrogio Vescovo. Chiesa e impero nel IV secolo (1992) ta’ Lidia Storoni Mazzolani (1911-2006), dik l-istorika Taljana li tul din il-ġimgħa nfakkru, fil-11 ta’ Settembru, il-kważi għoxrin sena mill-mewt tagħha.

San Ambroġju


6. Bniedem kbir. Qaddis ukoll. Persuna li għex (339-397 WK) u ħadem fil-belt Taljana ta’ Milan. Wieħed li kien ġej mill-karriera governattiva, f’dik li tissejjaħ bħala “cursus honorum”, fil-kultura klassika fil-veru sens tal-kelma. Dak li sab ruħu kważi mġiegħel isir isqof. Dak li sab ruħu jrid jikkumbatti ma’ diversi imperaturi u mexxejja militari. Dak li żamm għolja l-Fidi Kattolika. Ikkumbatta lil dawk kollha li riedu jdaħħlu lura r-riti pagani. Dawk li għamlu minn kollox sabiex jieħdu knejjes Kattoliċi sabiex jingħataw lill-Arjani. Il-bniedem li ma beżax jieqaf lill-kurrenti avversarji kollha. Fi żmien meta l-Imperu kien avversat minn kull naħa huwa żamm sod sabiex il-progress soċjali u etiku Nisrani ma jiġix żarmat jew imkisser minn ideat bażati fuq superstizzjonijiet varji li kienu jiddominaw u jaħkmu l-kultura u l-moħħ għal sekli. Ġellied kbir għas-sewwa, u dan il-ktieb miktub tant tajjeb imexxik pass pass sija fl-eventi kif ukoll fil-kitbiet mill-aqwa tal-qaddis.

Dwar dan

7. L-awtriċi tibda b’dan il-ħsieb fuq dak li għadda minnu fil-ktieb tagħha: “Coloro che vissero in quei decenni funestati da sciagure d’ogni genere e dal presagio della fine si trovavano di fronte al problema di preservare i valori del passato senza opporsi a mutamenti ineluttabili, di adeguarsi al presenti senza recidere le proprie radici, di comporre nella società e nella propria coscienza conflitti laceranti.” (Dawk li għexu f’dawk is-snin mimlija b’kalamitajiet ta’ kull tip u tal-għarfien kontinwu ta’ tmiem id-dinja tagħhom sabu ruħhom quddiem il-problema ta’ kif tippreserva l-valuri tal-passat mingħajr ma topponi għall-bidliet li ma jistgħux jinżammu lura, li taddatta għall-preżent mingħajr ma taqta’ mill-għeruq proprju tiegħek, li tgħaqqad u ġġib f’daqqa fis-soċjetà u fil-kuxjenza kunflitti li kapaċi jċarrtuk.) Sfidi xejn faċli għal dawk li fid-dinja tal-lum jifhmu d-differenza bejn dak li huwa tajjeb u dak li mhuwiex. Dak li jista’ jinbidel, dak li m’għandux jinbidel u dak li huwa tajjeb li jinbidel.

Valuri u għeruq

8. F’dan ninsabu fix-xorti li sija San Ambroġju, kif ukoll San Sergius, it-tnejn ikkumbattew għas-sewwa. It-tnejn issieltu b’għaqal, intelliġenza, determinazzjoni u kuraġġ sabiex is-soċjetà timxi ’l quddiem. F’dan irnexxielhom, u warajhom ħallew legat sabiex ma jkunx hemm ir-rigress fl-ideat li flok iwettqu l-ġid komuni, iżarmawh. Bnedmin bħal dawn jagħtu eżempju lil dawk li verament iridu l-bidliet. Dawk li mhumiex ma’ Trancredi Falconeri fil-kliem: “Se vogliamo che tutto rimanga com’è, bisogna che tutto cambi.”, imma huma dawk li wrew li jagħrfu li l-valuri u l-għeruq tagħna jfissru li wieħed irid jagħżel bejn dak li huwa sewwa u dak li mhuwiex, u li meta jagħmel din l-għażla ma jibżax jimxi ’l quddiem.

F’kelma waħda, bnedmin li ħadmu għas-Sewwa.

ID-DINJA NBIDLET?

1. Wara ċ-ċelebrazzjonijiet li saru fiċ-Ċina fit-2 ta’ Settembru biex ifakkru t-tmenin sena minn meta l-Ġappun ċeda u ffirma d-dikjarazzjoni ta’ tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, wieħed jifhem iktar li hemm tibdil. Hemm il-messaġġ ċar ħafna li l-bilanċi ġeopolitiċi li drajna, issa qed jieħdu triq oħra. L-iżviluppi li rajna tul dawn is-snin biddlu ħafna. L-iktar dawk li huma mwielda madwar il-gwerra li għaddejja ġewwa l-Ukrajna. Fir-realtà hija l-konsegwenza tal-kawża li twieldet mill-fatt li meta, b’xi mod, tattakka lil diversi, dawn jispiċċaw jingħaqdu kontra tiegħek. Anki jekk ma jkollhomx għalfejn, b’ħidmietek timbuttahom f’ħoġor xulxin.

Sakemm

2. Sakemm kien hemm l-għajnuna finanzjarja u militari lil dan il-pajjiż attakkat mill-Federazzjoni Russa kien hemm ekwilibriju li ma bidilx ix-xenarju. Biss, il-kwistjonijiet marbuta u mibnija madwar il-loġika jew le tat-tariffi mposti unilateralment oriġinarjament mill-Istati Uniti tal-Amerika ġiebu dan. Waqt li qabel konna nemmnu fil-globalizzazzjoni tal-kummerċ, fis-suq liberu u fl-iskambju ta’ merkanzija mingħajr tariffi, issa le. Jekk l-Oċċident estiż kien iċ-ċentru li minnu li wieħed jibda u jkompli fl-analiżi u fl-eżempju, issa m’għadux daqshekk. B’dak li rajna u smajna f’Beijing, mill-passi, mill-iffirmar tat-trattati, u fuq kollox mid-diskors preċiż u dirett ta’ Xi Jinping, ma tħalla l-ebda dubju fejn, jew lejn fejn iridu jimxu diversi stati.

Tlett mexxejja

3. F’dawn il-gżejjer insibu ruħna maqtugħin minn ċerti aħbarijiet. Imma l-fatt li Vladimir Putin (1952), Xi Jinping (1953) u Narendra Modi (1950) dehru f’daqqa huwa sinjal qawwi. Tlett mexxejja li għadhom kemm qabżu s-sebgħin sena, mimlija b’esperjenzi politiċi varji u fl-aħjar tagħhom. Il-Federazzjoni Russa, iċ-Ċina u l-Indja f’daqqa titlob analiżi u attenzjoni. Iktar il-fatt li ġew iffirmati għoxrin ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn iċ-Ċina u l-Federazzjoni Russa. Pożizzjonijiet li jkun żball jekk jiġu injorati mill-Oċċident. Jista’ jkun li, kif ġiet definita, din hija “a global initiative to reshape the world order” (inizjattiva globali biex tagħġen mill-ġdid l-ordni mondjali). Imma wieħed ikun għaqli li jsegwi x’intqal fid-diskors attent, preċiż u kawt tal-President Xi Jinping. Hemm tifhem li l-pożizzjoni mhijiex ta’ alleanzi militari strateġiċi, imma forsi aktar tweġibiet għar-realtajiet tal-ġurnata.

X’ingħad

4. F’dan, diversi mumenti ingħad li dan seħħ minħabba ’l hekk imsejjaħ “bullying behaviour” tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump (1946), u hemm ħafna ‘forom ta’ twissijiet’ f’dan. Iktar u iktar meta huwa ħafna evidenti li ċ-Ċina hija fattur determinanti fl-istabilità mondjali. Jekk ħaddieħor qiegħed joħroġ mil-linji tal-politika barranija tiegħu, dawn mhumiex. Fil-parti ċentrali tad-diskors tiegħu, Xi Jinping iddikjara hekk: “We must uphold the international system with the United Nations at its core and support the multilateral trading system with the World Trade Organization at its core.” (Għandna nżommu s-sistema internazzjonali fi ħdan il-Ġnus Magħquda fl-essenzjal tagħha u nappoġġjaw is-sistema tan-negozju multilaterali fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) fl-essenzjal.) Messaġġ ċar sija lill-Federazzjoni Russa, kif ukoll lill-Istati Uniti tal-Amerika.

Ottimiżmu

5. Meta titkellem ma’ numru ta’ persuni nvoluti fil-politika Ewropea timmarka spirtu ta’ ottimiżmu. Fis-sens li Vladimir Putin ma rnexxilux jieħu dak li ried mill-Ukrajna, kif ukoll li jista’ jkun hemm bidliet jew lejn forma ta’ trattat ta’ paċi, inkella ta’ ċessjoni tal-ġlied. Imma l-fatt jibqa’ li l-Unjoni Ewropea, bl-inizjattivi varji tal-Istati Membri tagħha, kif ukoll għall-fatt li ma hemmx il-qbil ta’ kulħadd fuq numru ta’ punti, għadha ma rnexxilhiex issolvi s-sitwazzjoni. F’dan, l-aġendi politiċi huma varji ħafna. Barra minn hekk, rajna wkoll wisq bidliet li ma wasslu għal imkien. Huwa evidenti li hemm kumplikazzjonijiet li ma jistgħux jiġu ssuperati u li jridu ħafna snin biex isibu ruħhom lura f’posthom.

Tmiem żmien partikolari

6. Hemm xi wħud li jaħsbu, bħall-istoriku u antropologu Franċiż Emmanuel Todd (1951), li jaħsibha bħalhom u li kiteb hekk fil-ktieb tiegħu La defaite de l’occident (2024), li din il-gwerra qed isservi biex tindika t-tmiem tal-Ewropa demokratika u t-tisħiħ tal-Federazzjoni Russa. Anke jekk l-analiżi tiegħu titlob attenzjoni, xorta m’hemmx sitwazzjoni fejn parti rebħet, jew qegħda tirbaħ, u l-parti l-oħra li qed titlef. Hemm iktar għarfien li d-dinja tal-lum trid timxi f’direzzjonijiet oħra. Jekk kien hemm min ħaseb li r-Russja ser tikkrolla, iċ-Ċina u l-Indja qegħdin, fir-realtà, isostnuha finanzjarjament. Imma iktar minn hekk, fiċ-ċirkostanzi preżenti qed jibnu dak li qabel ma setgħux. Is-swieq rispettivi ser jikbru u jimxu fl-istess avvanz u pożizzjonijiet li l-Unjoni Ewropea, bis-suq komuni tagħha, irnexxielha.

Protezzjoni

7. Fil-fatt, wieħed jista’ jisma’ mezzi ta’ komunikazzjoni Amerikani jew Ewropej li jpinġu dan bħala theddida qawwija jew oltraġġ, imma jista’ aktar ikun wieħed ta’ protezzjoni. Jekk l-Istati Uniti ser jibqgħu bil-politika taż-żidiet sproporzjonati u illoġiċi, u kontra dak miftiehem fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar it-tariffi, din hija miżura ċara fejn ħadd minnhom m’huwa ser jiġi għarkubbtejh. Kien ikun aħjar li kieku kellu jiżdied il-kummerċ b’mod leġittimu, milli tmur f’din id-direzzjoni. Kull mexxej għandu l-karattru tiegħu, imma kull wieħed għandu r-responsabbiltà li jħares l-interessi taċ-ċittadini tiegħu. F’dan huwa evidenti li sakemm il-politika Amerikana ma tinbidilx, jew għax jibdel fehmtu Donald Trump, inkella għax jispiċċa, ser nibqgħu naraw iktar passi f’dik id-direzzjoni. Is-swieq li ser jinfetħu u l-proċeduri stabbiliti jafu jneħħu kull vantaġġ ekonomiku li l-Oċċident għandu llum. Proprju f’dan, għad-domanda inizjali: “Id-dinja nbidlet?”, kollox ser ikun jiddependi fuq x’passi għaqlin l-Oċċident ser jagħraf jieħu.

ĊERTEZZA TAD-DRITT

1. Ftit jiem ilu, il-Ħadd li għadda, ftakarna fit-tlettax-il anniversarju minn meta ġie nieqes bniedem uniku. Fil-31 ta’ Awissu 2012 ġie msejjaħ lura għand il-Ħallieq persuna mimlija bi tjubija u għerf li ġabar frott l-esperjenza, il-qari, l-istudju u l-impenn dirett mal-bnedmin l-oħra. Twieled f’Torino fl-1927, sar Ġiżwita, wara Arċisqof ta’ Milan mill-1980 sal-2002, u fl-1983 sar Kardinal. Carlo Maria Martini kien magħruf sew u msemmi minn uħud li seta’ wkoll intgħażel Papa. Kien ikun hu l-ewwel Papa Ġiżwita. Magħruf minħabba kitbietu. Dawk li sawwar bħala biblista. Kien Rettur tal-Pontificio Istituto Biblico f’Ruma u tal-Pontificia Università Gregoriana. Dak li ħa ħsieb li jkun hemm ‘Cattedra dei non credenti’ biex seta’ jiftaħ bieb, post għad-djalogu bejn il-bnedmin ta’ fidi u dawk le fuq suġġetti urġenti ta’ attwalità. Għaref li anqas ma kien joqgħod lura milli jesprimi ħsibijietu, anke jekk minħabba f’hekk sofra minn oħrajn.

Triq il-Ġustizzja

2. Hemm diversi pubblikazzjonijiet tiegħu. Għandi jien ukoll xi wħud minnhom fil-librerija. Kull wieħed fih x’taqra u x’tgħarbel. Anke jekk m’għadux magħna, xorta waħda għadu rilevanti ħafna. Fost dawn għandi ġabra ta’ ideat tiegħu dwar il-ġustizzja. Il-ktejjeb jismu proprju hekk: Sulla Giustizia (1999). Mimli bi kwotazzjonijiet u direzzjonijiet, fosthom fuq il-ġustizzja riparatriċi, li tibqa’ għal qalbi fil-liġi li kelli l-unur u l-pjaċir li nġib fis-seħħ f’Jannar tal-2012. Fil-ktieb għandu ħsibijietu u dawk ta’ wħud mill-aqwa bnedmin ta’ kultura. Jiftaħ b’Origene (185-253 WK): “La giustizia, anche se è debole di forze, vince; invece l’ingiustizia, anche se ha molti e vigorosi sostenitori, viene sconfitta.” (Il-Ġustizzja, anke jekk dgħajfa u nieqsa mis-saħħa, tirbaħ; mentri l-inġustizzja, anke jekk għandha diversi sostenituri b’saħħithom, titlef.)

B’bibien għaliha

3. Jkompli, fost oħrajn, jiċċita lil Blaise Pascal (1632-1662) li jgħid hekk: “La giustizia senza forza è impotente; la forza senza la giustizia è tirannica. Bisogna metter insieme la giustizia e la forza; e per giungervi occorre far si che ciò che è giusto sia forte e ciò che è forte sia giusto.” (Il-Ġustizzja mingħajr forza hija impotenti; il-forza mingħajr ġustizzja hija tirannija. Hemm bżonn li wieħed iqiegħed flimkien il-ġustizzja u l-forza; u biex tasal jeħtieġ tassigura li dak li huwa ġust huwa b’saħħtu u dak li huwa b’saħħtu huwa ġust.) Martini jkompli josserva hekk hu: “In realtà se non si riscopre il fondamento divino, non si riesce a definire con chiarezza l’inalienabilità dei diritti umani e della giustizia tesa a rispettarli e a promuoverli.” (Fir-realtà jekk wieħed ma jirriskoprix mill-ġdid il-pedament Divin, wieħed ma jirnexxilux jiddefinixxi bi kjarezza li d-drittijiet fundamentali tal-bniedem ma jinbiegħux, kif lanqas il-ġustizzja li qegħda hemm sabiex jiġu rispettati u promossi.)

Fil-libertà u ċ-ċertezza

4. Kunċetti li diversi jaqblu magħhom. Għalkemm wieħed jaċċetta wkoll li dak li jiġi dikjarat fil-komun ma jfissirx l-istess għal min jiddikjarah. Kliem il-Kardinal huma mwielda minn formazzjoni soda fid-duttrina soċjali tal-Knisja. Dik li diversi ma jaqrawx u oħrajn, sfortunatament, jiddisprezzaw. Kelli aktar ħin napprezza dan jien u ġej minn Copenhagen ftit jiem ilu waqt li kont qed naqra l-ktieb tad-deputat Demokristjan Gianfranco Merli (1924-1998) bit-titlu Don Angeli e i Cattolici democratici in Toscana (1978). Ktieb ispirat minn ħidmet Don Roberto Angeli (1913-1978). Saċerdot mimli b’għerf u li ġġieled fir-Reżistenza, maqbud u mibgħut fil-kampijiet tal-konċentrament. Magħruf l-iktar għall-ktieb tiegħu Vangelo nei Lager; Un prete nella Resistenza (1964).

Liġi morali

5. Fil-ktieb tassew interessanti ta’ Merli hemm miġbura l-lezzjonijiet li kien ta lil diversi studenti tul il-gwerra dwar ħidmet in-Nisrani fil-politika. X’għandu jiġi protett, x’għandu jwettaq l-Istat. Jgħid hekk: “Il compito dello stato è duplice; fornire la sicurezza giuridica (compito negattivo) e promuovere il bene comune (compito positivo)”. (Ħidmet l-Istat hija doppja: tassigura s-sigurtà ġuridika (ħidma passiva) u tippromwovi l-ġid komuni (ħidma attiva u pożittiva). L-awtur jiċċita aktar lill-istess Don Roberto, li waqt li jinsisti li kull Stat għandu jipproteġi d-drittijiet fundamentali u dawk privati tal-familja u li ma jinsiex li hemm liġi superjuri morali, jgħid hekk: “Chiamiamo sicurezza giuridica quella protezione che assicuri a tutti il pacifico uso dei loro diritti; alla vita, alla proprietà, alla legittima libertà, all’onore, ecc. Per questo lo Stato avrà le sue leggi, le sue sanzioni, il suo tribunale; intesi non a far dominare un ceto, o una razza o un partito, ma a difendere e tutelare ogni singolo cittadino.” (Insejħu ċertezza ġuridika dik il-protezzjoni li tassigura lil kulħadd l-użu paċifiku tad-drittijiet tagħhom; tal-ħajja, tal-proprjetà, tal-libertajiet leġittimi, tal-unur, eċċ. Għalhekk l-Istat għandu l-liġijiet tiegħu, il-pieni, il-qrati; stabbiliti mhux biex ikun hemm id-dominju tal-klassi, razza jew partit fuq oħrajn imma biex jiddefendi u jipproteġi kull ċittadin.)

Ċiċerun

6. L-awtur jikkwota lil Ċiċerun, li kien fakkarna li “Legum servi sumus ut liberi esse possimus” (Inservu l-liġi sabiex inkunu liberi). Però f’dan ikompli jissoda l-argument b’kitbet il-Papa Piju XII (1876-1958) fejn jiċċara aktar il-kunċett fid-duttrina soċjali taċ-ċertezza tad-dritt. F’dan insibu hekk, fost punti oħra: “Ciò suppone; a) un tribunale e un Giudice che prendano le direttive da un diritto chiaramente formulato e circoscritto; b) chiare norme giuridiche che non possono essere stravolte con abusivi richiami ad un supposto sentimento popolari e con mere ragioni di utilità.” (Dan jitlob: a) qorti u ġudikant li jieħdu d-direzzjoni tagħhom minn liġijiet miktuba b’mod ċar u kontrollat; b) normi ġuridiċi stabbli u ċari li ma jistgħux jinbidlu skont iċ-ċirkostanzi, b’abbużi minħabba s-sentiment popolari jew raġunijiet hekk imsejħa ta’ utilità).

Parti mis-saltna tad-dritt


7. F’dan huwa iktar evidenti għalina llum fis-soċjetà tagħna li jkollna sistema ġuridika ċerta mhux biss fil-liġijiet miktuba u pubbliċi, imma iktar ukoll fl-applikazzjoni tagħhom. L-isforz legali u ġuridiku li jrid jiġi konfrontat b’aktar attenzjoni u preċiżjoni proprju għax il-liġi hija xjenza huwa proprju dan. Irid ikollna sistema li tinbena sabiex fil-libertà intellettwali u l-kuxjenza retta jkollna ċertezza tad-dritt. Fejn is-sistema ssegwi aktar li fuq punti legali ma jkunx hemm dubji jew inċertezza kif jiġu finalment deċiżi kwistjonijiet legali. Sfida kbira fis-sistema legali tagħna bil-passat twil tagħha. Imma waħda li trid ideat ġodda sabiex tingħeleb u jkollna Stat demokratiku li fih is-saltna tad-dritt tassigura aktar iċ-ċertezza tad-dritt.

IL-GUDJA - GĦAJNUNA SOĊJALI

30885. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ki...