31.7.24

IMĠIEBA DEMOKRATIKA

1. Mhux kull persuna fil-ħajja pubblika ġġib u tikkomporta ruħha kif għandha. Jew aħjar, kif mistenni minnha fid-dinja u fis-sistema demokratika li għandu jkollna. Dik li diversi ħadmu fiha qabel u li għadhom illum jistinkaw sabiex jarawha aħjar milli tinsab fil-preżent. F’dan huma numerużi dawk li jippuntaw subgħa lejn oħrajn. Mhux għax dan huwa ħażin fih innifsu, imma għax hemm bżonn ta’ kuxjenza politika retta. Imma meta jaqbżu ħafna, u kull persuna toħroġ bit-teoriji tagħha, flok direzzjoni ċara, tibda tidher il-konfużjoni. Fejn dak li m’għandux ikun jiġi identifikat biex ma jirrepetix ruħu, minflok isir xi forma ta’ tajjeb.

Fl-inġustizzji

2. Għax hemm komportament demokratiku li jista’ jiġi segwit minn bnedmin ta’ ideat politiċi differenti. Dak li nbena fis-snin u li huwa għad-dispożizzjoni tagħna. Dak li jista’ jinqara u dak li jista’ jiġi osservat fid-diversi dokumentarji li għandna. Verament f’dan hemm inqas minn dawk li huma mħajra jaqraw. Hemm, kif qed naraw, ferm inqas minn dawk li jixtru ktieb biex jifluħ. Imma dan m’għandux ikun kontra l-kurrent neċessarju sabiex il-livell demokratiku tagħna jogħla ferm iktar ’il fuq. Il-bnedmin tal-Istat, li jokkupaw karigi pubbliċi, jien inkluż, iridu jifhmu dan. U f’dan iridu jifhmu aktar, independentement mill-pożizzjoni li toħroġ mill-opinjoni tagħhom. Jistgħu jaraw li qed isseħħ inġustizzja kbira fil-konfront tagħhom. Imma f’demokrazija jridu, iebsa kemm hi iebsa, jifhmu li fil-preżent huwa ż-żmien li jifred l-aġir żbaljat fil-konfront tagħhom mill-oħrajn minn dak li huwa s-sewwa.

F’Bologna

3. Il-bnedmin it-tajba fid-dinja politika jibqgħu jħallu warajhom eżempji li oħrajn jistgħu jsegwu. Jibqgħu dawk li jittieħdu bħala kejl ta’ kif wieħed għandu jġib ruħu. F’dan jibqgħu maħbuba sew. Hekk rajt u missejt waqt wirja sabiħa ħafna li hemm bħalissa f’din il-belt dedikata lil Enrico Berlinguer fl-erbgħin anniversarju tal-mewt tiegħu, li seħħet fil-11 ta’ Ġunju 1984. Ideat politiċi tiegħu mimlija b’punti li anki jekk wieħed ma jaqbilx magħhom, jagħmel sew li jaqra u jifli. Biss, fil-perkors sħiħ ta’ dak li tqiegħed b’imħabba lejh hemm ċar li kien jaf x’inhija d-demokrazija. Mhux biss, imma kien kommess lejn it-tisħiħ tagħha. L-iktar fl-impenn tiegħu lejn dak il-kunċett li għadu rilevanti sal-lum, li huwa identifikat fil-kliem: “la questione morale”. Fl-għarfien li l-ewwel, id-demokrazija hija valur li trid tiġi difiża mis-soċjetà; u t-tieni, fl-importanza tal-imġieba morali nadifa u għolja tal-politiku fis-servizz lejn id-demokrazija.

Hemm bżonn vuċijiet

4. F’dan hemm bżonn vuċijiet li wieħed jista’ joqgħod fuqhom li jagħtu direzzjoni għax huma kostanti fl-ideat u fir-rettitudni morali tagħhom. Bnedmin li jikkomportaw ruħhom kif jitkellmu. Ċertament mhux dawk li jgħidu ħaġa u jwettqu oħra. Iktar u iktar fil-mument ta’ sfida attwali li d-demokrazija f’pajjiżna qegħda tmiss magħha. Fejn huwa ċar li qed ngħaddu mill-effetti negattivi tal-għarfien tat-tmexxija politika tal-Gvern attwali. L-iktar fil-punt preċiż li huwa kien iddikjara ħafna u ippontifika daqshekk ieħor fil-kampanja elettorali tal-2013 fuq ir-rettitudni morali u mar daqshekk il-kontra. Kien kapaċi jikser kull ma kien qiegħed jgħid pubblikament li m’għandux ikun.

Tagħmel iktar sens

5. F’dan hemm bżonn passi ta’ bidla li jagħmlu sens. Għal dawk li nqabdu minn dak li kien qiegħed jingħad u oħrajn li m’għandhomx grazzja mal-ideat tagħna qed imorru jaħsbu li kull politiku huwa l-istess. Fil-pajjiż hawn kundanna ġenerali kontra l-politiċi. Waħda li titlob li tiġi kumbattuta b’intelliġenza. Ċertament l-ewwel fil-bżonn li jkollna politiċi li huma iktar bnedmin ta’ ideat u sustanza. It-tieni, fl-għarfien li hemm bżonn boxxla politika kostanti favur il-komportament demokratiku. Mhux biżżejjed is-sistema li għandna tal-qattus u l-ġurdien, imma hemm bżonn li jkollna lil min ikun inkarigat, mill-Istat stess, biex jibni kultura demokratika fil-pajjiż.

Ombudsman

6. Fil-bidu ta’ dan ix-xahar l-Ombudsman Parlamentari, l-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon reġa’ tenna l-bżonn tat-twaqqif ta’ National Human Rights Institution. Sejħa li kif huwa stess iddikjara kienet saret qabel, imma wkoll li għadha ssir kostantement mill-uffiċċju tiegħu. Sejħa sabiex ikun hemm uffiċċju fil-pajjiż taħt id-direzzjoni tal-istess Ombudsman li jħares id-drittijiet fundamentali tal-bniedem f’pajjiżna. Jekk qabel seta’ kien hemm min kellu dubju, naħseb li ċ-ċirkostanzi preżenti għandhom jibdlulu l-opinjoni. Hemm bżonn li għall-ġid demokratiku ta’ dan il-pajjiż, dan isir. Mhux biss, imma ngħid li għandu jkun hemm l-inkarigu, il-poter, id-dmir, ir-responsabbiltà ta’ dan l-uffiċċju li jsir difensur tal-valur li d-Demokrazija tirrappreżenta.

Fl-iżvilupp

7. Pajjiżna jista’ jagħmel pass ieħor ’il quddiem jekk ikollu lil min jassigura li tul is-sena mhux biss jiddefendi, imma wkoll jippromwovi, id-demokrazija. Jekk il-ġenerazzjoni ta’ qabli u tiegħi taw l-impenn sħiħ tagħhom għat-twettiq tad-demokrazija, illum hemm bżonn lil min ikompli jassigura li dak li ġie miksub ma jintilifx. Tista’ żżomm id-demokrazija għaddejja billi jkollok lil min jgħallem verament x’inhija, u x’inhuma l-vantaġġi tagħha. Mhux biss, imma l-iktar determinanti għalija hu li d-demokrazija ma tkunx biss tal-politiċi, imma tkun tal-poplu kollu, li f’dan, isir politiku. Jekk ma jkunx hemm gwida ċara, kollox jiġi aċċettat. Dak li huwa anti-demokratiku jispiċċa jidher, kif qegħdin naraw jum wara jum, li huwa parti mid-demokrazija. Dan għax, fil-verità, l-imġieba politika ta’ dawk fil-ħajja pubblika tiddependi dejjem mill-ambjent demokratiku fis-soċjetà. Proprju għalhekk li huwa daqshekk ieħor importanti li jekk irridu mġieba politika aqwa, irid ikollna sistema aqwa f’postha li taħdem.


 

BILLI DANTE MA JAFX JIŻBOR

1. Għal dawk li jħobbu l-letteratura, nittama li jafu bl-eżistenza ta’ Dante Alighieri (1265-1321). Jafu wkoll bil-kitba tiegħu La Divina Commedia, dik li influwenzat l-istorja tad-dinja u waħda mill-iktar studjata u riċerkata. Kull sena, diversi huma l-kotba li jiġu ippubblikati dwaru u dwar kitbietu. F’dan l-artikolu mhux ser nipprova nittratta dak li dawk li huma aqwa minni diġà għamlu tant tajjeb. Ser forsi però nfakkru kif kien qal tant tajjeb il-magħruf kbir letterat u politiku Franceso De Sanctis (1817-1883) meta jgħid: “In effetti la Divina Commedia è una visione dell’altro mondo allegorica. Cristianamente, la visione e la contemplazione dell’altra vita è il dovere del credente, la perfezione.” (Fil-fatt, id-Divina Commedia hija viżjoni allegorika tad-dinja l-oħra. Kristjanament, il-viżjoni u l-kontemplazzjoni ta’ ħajja oħra u d-dmir tan-Nisrani, il-perfezzjoni.)

Fit-tlett stati


2. L-awtur imiss mal-bnedmin li, skont hu, jinsabu fl-Infern, fil-Purgatorju u fil-Ġenna. Kull post jiltaqa’ u jara lil dawk li għal għemilhom ħaqqhom ikunu post jew ieħor. Vjaġġ mill-isbaħ u li jlaqqagħna, fil-kumpanija ta’ Virġilju (ir-Raġuni) u l-famuża Beatrice (il-Grazzja), ma’ persuni li ilhom nieqsa minn wiċċ id-dinja. Bnedmin li fi żmienhom ħallew il-marka għas-sewwa jew għall-kontra, b’kitba mill-isbaħ, b’lingwa li trid tħares li tqiegħed għad-dispożizzjoni dinja miċħuda lil dawk li ma jafux. F’dan, dak li huwa leġġenda, dak li huwa popolari, jieħu forma. Kif jgħid De Sanctis: “La rappresentazione e la leggenda esce dalla sua rozza volgarità e si alza à più alti concepimenti della scienza; la scienza esce dal santuario e si fa Popolo, si fa mistero e leggenda. Indi l’immensa popolarità di questo libro, che gl’illitterati accettavano nel senso letterale e i dotti commentavano come un libro di scienza, come la Somma di San Tommaso.”

Pajjiżna

3. F’dan, ċertament pajjiżna mhuwiex nieqes. Reċentement ġiet f’idejja pubblikazzjoni mill-isbaħ, Id-Divina Commedia. Monologu, ta’ Mario Micallef, fuq adattament tal-magħruf ukoll Alfred Palma. Waħda li ħaqqha verament attenzjoni, għax tagħti u tiftaħ bieb fuq din il-kitba, kif jixraq. Imma ma’ dan hemm ukoll dawk li qabilna tawh ġieħ, sija billi qalbu għall-Malti kitbietu, kif ukoll għax ikkummentaw dwaru. F’dan, aktar, għandna ġnien iddedikat għalih. Wieħed sabiħ li mhuwiex daqshekk miftuħ, kif għandu jkun, għall-pubbliku. Fih hemm tiddomina statwa tal-bronz sabiħa ħafna tal-iskultur magħruf Vicent (Ċensu) Apap (1909-2003), li tlestiet u tqegħdet f’dan il-ġnien fil-Furjana fl-1965. L-istatwa turi lil Dante ħassieb, jirrifletti fuq dak li għandu madwaru. Niftakarni, ta’ tifel li kont, nisma’ u naqra dwar dan.

Larinġ

4. F’dawk is-snin u ftit wara kienu tħawlu numru ta’ siġar tal-larinġ, li jidher li huwa tal-bakkaljaw. Kibru sew. Dawk li jiġu deskritti bħala frott tal-larinġa mhux imlaqqma, b’qoxra mħattba u mġiddra, ta’ togħma morra li ma tittikilx, u li minnha ssir il-kunserva tal-larinġ. Illum dawn kibru sew u kull sena jipproduċu mhux ħażin. F’dan dejjem jekk wieħed jieħu l-paċenzja li jiġborhom u jagħmel użu minnhom. Forsi Dante għadu magħna u kien hemm min iridu jkun f’ġenna tal-art fil-Furjana. U proprju għalhekk ħalaqlu, kif kien u għadu jixraqlu, li ma jkunx fl-Infern u lanqas fil-Purgatorju, imma li li jgawdi s-siġar sbieħ li għandu jduru madwaru. Jiekol il-frott tagħhom ma jistax. Jista’ biss igawdi l-preżenza tagħhom. Xena li nara quddiemi, kważi kuljum, jien u dieħel mill-Furjana lejn il-Belt.

Domandi

5. Fl-ewwel xhur tas-sena, is-siġar kienu mill-isbaħ, abbundanti sew fil-kuluri u fil-prodott. Imma billi fhimt ukoll li Dante, minkejja l-kwalitajiet kbar li għandu, mhuwiex imniżżel fl-istorja li kapaċi jiġbor il-larinġ u jiżbor is-siġar, deherli li għandi ngħinu. Jekk qegħednih fil-Ġenna, hemm għandu jkompli jkun. Għalhekk, fil-bidu ta’ Marzu ressaqt domanda lill-Ministru, li qalilna li l-frott kien inġabar is-sena li għaddiet, imma billi nstab li kien tal-bakkaljaw ma reġax inġabar u li s-siġar kienu nżabru meta l-ġnien kien f’idejn l-ELC: “... iżda fil-ġranet li ġejjin ser ikun qed jiġi ffirmat kuntratt ġdid ma’ kuntrattur ieħor biex iżomm il-ġnien.” Fhimt, u ħallejt iktar ħin, waqt li kuljum ittamajt li l-larinġ jinqata’ u s-siġar jinżabru.

Aktar domandi

6. Komplejt b’aktar domandi u ftit wara ġejt infurmat mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali li: “... din il-materja, flimkien ma’ oħrajn ser tkun diskussa mal-kuntrattur il-ġdid.” Staqsejt mill-ġdid, u f’Ġunju ngħadli hekk: “Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Furjana li fil-ġnien bħalissa għaddej it-tindif, il-ħrit tal-konki madwar is-siġar u t-tisqija. Sadattant infurmat ukoll li ż-żabra u l-ġbir tal-frott mhux ideali li jsir daż-żmien iżda iktar tard meta jaqleb it-temp wara l-istaġun tas-sajf.”. Bir-riżultat li f’dan Lulju mimli xemx u riħ isfel hemm kwantità ta’ larinġ jitbiel, jikrieh u jinten. Ftakart, mingħajr ma ridt, fi kliem attribwit ukoll lil Virġilju: “Chi vuole vada, chi non vuole mandi.” (Min irid xi ħaġa jmur għaliha, min le jibgħat lil ħaddieħor biex iġibha.)

Nittamaw

7. F’ġieħ il-kbir Dante Alighieri, li ftit snin ilu fakkarna s-seba’ mitt sena minn mewtu, nittama li l-affarijiet jinbidlu. Nittamaw li s-Sindku u l-Viċi Sindku l-ġodda ġewwa l-Kunsill Lokali tal-Furjana jerġgħu jieħdu lura lil Dante biex jgħix fil-Ġenna, u mhux iħalluh kif inhuwa llum, fl-Infern. Dan ħaqqu li jsir minn dawk li ġie fdat lilhom il-ġnien u monument daqshekk importanti. Ċertament iktar ħidma li nittama li għandha ssir. Proprju għax il-kbir awtur kien jaf ħafna, imma billi ma kienx jaf jaqta’ u jiżbor il-larinġ waħdu, ħaqqu l-għajnuna.

ĦAL TARXIEN - PALM

16932. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm intilfu siġar tal-palm f’Ħal Tarxien matul dawn l-aħħar ħames snin minħabba raġunijiet varji u kemm minħabba l-insett magħruf bħala “Weevil aħmar tal-palm” u kemm oħrajn ġodda ġew imħawwla?

 

01/03/2024

 

ONOR. ANTON REFALO:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16929.

 

Seduta  220

13/03/2024

FGURA - PALM

16931. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm intilfu siġar tal-palm fil-Fgura matul dawn l-aħħar ħames snin minħabba raġunijiet varji u kemm minħabba l-insett magħruf bħala “Weevil aħmar tal-palm” u kemm oħrajn ġodda ġew imħawwla?

 

01/03/2024

 

ONOR. ANTON REFALO:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16929.

 

Seduta  220

13/03/2024

RAĦAL ĠDID - PALM

16930. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm intilfu siġar tal-palm f’Raħal Ġdid matul dawn l-aħħar ħames snin minħabba raġunijiet varji u kemm minħabba l-insett magħruf bhala “Weevil aħmar tal-palm” u kemm oħrajn ġodda ġew imħawwla?

 

01/03/2024

 

ONOR. ANTON REFALO:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16929.

 

Seduta  220

13/03/2024

IL-GUDJA - PALM

16929. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm intilfu siġar tal-palm fil-Gudja matul dawn l-aħħar ħames snin minħabba raġunijiet varji u kemm minħabba l-insett magħruf bħala “Weevil aħmar tal-palm” u kemm oħrajn ġodda ġew imħawwla?

 

01/03/2024

 

ONOR. ANTON REFALO:  Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba mhix disponibbli minħabba li l-post li qed jirreferi għalih f’din il-mistoqsija parlamentari m’għandux siti magħżula (designated sites) skont l-Avviż tal-Gvern 513 tal-2021.

 

Barra minn hekk, il-pubbliku ġenerali mhux obbligat jirrapporta lid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti meta siġra tal-palm tkun ser titneħħa, kemm minħabba raġunijiet varji u kemm minħabba l-bumunqar aħmar tal-palm. It-tħawwil mill-ġdid ta' siġar tal-palm ġodda mhuwiex fil-kompetenza tad-dekasteru tiegħi, u għaldaqstant m' hemm l-ebda rekords disponibbli.

 

Inżid ukoll li fi Frar tal-2021, ħarġet ‘Expression of Interest donation of Palm Trees from PPD and Fisheries Directorate’, fejn ingħataw l-ammont ta’ 475 siġra tal-palm skont it-tabella segwenti.

 

 

Kunsill Lokali:

Numru ta' Siġar tal-Palm mogħtija:

Ħamrun

25

San Pawl il-Baħar

95

Furjana

25

Raħal Ġdid

25

Santa Lucia

25

Marsaxlokk

25

Żabbar

25

Kalkara

25

Xgħajra

25

Żebbuġ

10

Attard

25

Mġarr Malta

15

Ix-Xagħra Għawdex

25

Santa Venera

25

Birżebbuġa

25

Marsaskala

30

Gudja

25

TOTAL:

475

Seduta  220

13/03/2024

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16635. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir: Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju jinsabu x-xogħlijiet fuq ix-xatt tat-Triq id-Dawret ix-Xatt, ix-Xgħajra billi dawn ilhom ġimgħat skorruti?

 

22/02/2024

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  220

13/03/2024

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16626. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsabu x-xogħlijiet fuq ix-xatt tat-Triq id-Dawret ix-Xatt, ix-Xgħajra billi dawn ilhom ġimgħat skorruti?

 

22/02/2024

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant biex ikun iktar speċifiku għal liem xogħlijiet qed jirreferi.

 

Seduta  220

13/03/2024

24.7.24

RABTIET KULTURALI QAWWIJA

1. Mhux ser nipprova nippretendi li nifhem ħafna fis-suġġett li ser nikteb dwaru. Biss, b’dan l-artiklu rrid fuq naħa nagħti ġieħ, u fuq l-oħra nafferma punt li minn dak li nara u nisma’, diversi jittraskuraw. Għax pajjiżna kellu u għandu diversi vantaġġi fil-pożizzjoni ġeografika li jgawdi f’nofs dan il-Baħar Mediterran. Fosthom l-għarfien li għal sekli sħaħ ġejna influwenzati minn ideat u mewġ kulturali li ġie f’ħafna gradi u livelli mill-kontinent Ewropew. F’dak li kien qiegħed jiġi żviluppat hemm. F’dak li kien qiegħed jingħata importanza.

Teknoloġija

2. Mentri llum, dak li kien ilu jħabbat għal sekli, mertu tat-teknoloġija moderna nqtajna minnu. Anzi, forsi aħjar, ma nħossux ruħna daqshekk influwenzati mill-Ewropej. Uħud inqatgħu kompletament, u dan minkejja li ninsabu iktar fiċ-ċentru, sija bl-Unjoni Ewropea kif ukoll bil-Kunsill tal-Ewropa. F’dan wieħed irid jimxi maż-żminijiet u jifhem il-kurrenti. Imma jkun ukoll importanti li wieħed jibqa’ jħares u jifhem fejn konna u minn fejn ġejna. Fis-sens li għandna nibqgħu nagħtu importanza lill-kurrenti kulturali li sawruna f’dak li finalment aħna fil-preżent. Għalhekk, ikun żball għalina li bħala poplu ma ningħaqdux fl-appuntamenti Ewropej biex niftakru, u fl-istess ħin, nirriflettu.

29 ta’ Novembru 1924


3. Ngħid ftit iktar dwar dan proprju f’din is-sena, li mal-Ewropa kollha qed isiru attivitajiet kulturali biex jitfakkru l-mitt sena mill-mewt ta’ Giacomo Puccini (1858-1924). Puccini huwa magħruf mad-dinja kollha għal ħidmietu fid-dinja mużikali, u b’mod partikolari fid-dinja operistika. Huwa l-kompożitur magħruf ta’ diversi biċċiet mill-iktar sbieħ u uniċi. Dawk li twieldu mill-pinna tiegħu u huma magħrufa fost diversi bħall-Manon Lescaut, it-Tosca, il-Madame Butterfly, La Fanciulla del West u t-Turandot, fost id-diversi oħra li huwa responsabbli għalihom. Opri li huma apprezzati sal-ġurnata tal-lum minn diversi f’dawn il-gżejjer sija fil-kunċerti varji li jsiru, kif ukoll fit-teatri tagħna.

Teatru Rjal

4. Il-biċċiet huma fuq widnejn ħafna. F’dan aktar u aktar meta llum huma ċertament parti mill-memorja kollettiva tagħna. Influwenzawna fil-gosti, kif ukoll kienu parti mill-kurrenti lejn kompożizzjonijiet oħra minn Maltin bħalna li huma magħrufa. F’dan ċertament ta’ min ukoll ifakkar li t-Teatru Rjal, li tnejn u tmenin sena ilu, fl-1942 kien ġie distrutt, kien il-post fejn diversi biċċiet minn dak li dan il-kompożitur kien qiegħed jikteb kienu jaslu għandna fi ftit xhur, kważi immedjatament. Hemm programmi antiki varji li huma għad-dispożizzjoni ta’ diversi li jixhdu kemm Puccini kien apprezzat sew magħna. Forsi f’dan, għalkemm wieħed jifhem dak li ddeċidejna qabel li ma nibnuhx lura, japprezza li hemm ukoll argumenti validi kulturali biex jerġa’ jkollna, fil-politika tagħna, il-bini mill-ġdid tiegħu.

Storja tagħna


5. Dak li kien qiegħed iseħħ f’teatri fl-Ewropa, diversi kienu jafu bih. Fejn ġew milqugħa jew le. Min kanta u min huwa tajjeb u jipprometti. Konna parti minn wirt uniku li hija ħasra li ninsew. Aktar u aktar meta wieħed għandu wkoll jgħid u jfaħħar id-diversi Għaqdiet tal-Baned li għandhom il-libreriji tagħhom mimlija b’wirt mużikali. Inxtraw minnhom, irċevew ħafna b’donazzjonijiet, u f’mumenti smajt lil min jirrikonoxxi li m’hemmx libreriji oħra li għandhom dak li jinsab f’idejn dawn l-għaqdiet nazzjonali. Proprju għalhekk li jagħmel dejjem iktar sens li nfakkru lil Puccini. U f’dan, ippermettuli ngħid prosit lill-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Baned, li bejn Ottubru u Diċembru ta’ din is-sena ħejjew programm sabiħ biex ifakkruh. Dan b’kollaborazzjoni ma’, fost l-oħrajn, iċ-Centro Studi Giacomo Puccini u Villa Museo Giacomo Puccini.

Determinazzjoni

6. Puccini huwa kkunsidrat minn diversi bħala d-dixxendent leġittimu ta’ Giuseppe Verdi (1813-1901), li ċert li m’għandu bżonn ta’ ebda introduzzjoni magħkom. Verdi stess jingħad li kien apprezza u faħħar ħidmet Puccini. F’dan iktar kien il-bniedem li żviluppa din l-imħabba għall-opri u fehem li trid tibdel u tinbidel. Fehem, minn dak li naqra, il-valur tas-sabar u l-paċenzja mal-pubbliku. F’dan, fil-fatt, fis-17 ta’ Frar 1904 kellu esperjenza iebsa. Għax f’dak il-jum ġewwa Milan, fit-Teatro alla Scala sab avversità kbira għall-Madame Butterfly (l-opra li tkompli tbikki tant minna). Spiċċa bil-pubbliku jwaqqagħha għaċ-ċajt u jiddiżapprovaha, għamlulu xenati kbar u kienu psataż sew miegħu. Jidher li kien hemm min saħħanhom. Kien hemm min qallu li jrid jibdilha. Imma minflok ħa ħsieb ma jaqtax qalbu u aktar tard fis-sena, fit-28 ta’ Mejju, ġewwa t-Teatro Grande ta’ Brescia reġgħet telgħet u hemm kienet suċċess immedjat, kif fil-fatt kellha tkun mill-bidunett. Din l-esperjenza fehmitu ferm iktar fuq id-dinja operistika u fil-burdati, simpatiji u antipatiji tal-bniedem. Fehmitu li m’għandux jaqta’ qalbu, u proprju għalhekk aħna iffortunati li għandna opri oħra tajba tiegħu.

Pajjiżna

7. F’dan, nittama f’ħafna li tul din is-sena niftakru, u jekk ikun possibbli, nisimgħu iktar xogħlijiet ta’ Giacomo Puccini. Id-dinja hija aħjar b’dak li ħallielna. Hija aqwa wkoll għall-opri li huma parti mill-patrimonju kulturali Ewropew. Huma, fuq kollox, ukoll parti mill-patrimonju lokali tagħna. Ikun żball kbir jekk ma nagħrfux dan u ma nikkontribwux biex ikollna attivitajiet li jfakkruh. Għandna rabtiet kulturali qawwija, u hija ħasra li m’għandniex politika b’saħħitha biżżejjed li tħajjar aktar l-għarfien ta’ dak li konna qabel u tfakkarna li wisq inqas għandna nkunu maqtugħa minnhom fil-preżent u fil-futur.

GĦADHA ĠEJJA

1. Dak li qiegħed iseħħ fl-Istati Uniti huwa serju ħafna, u dak li ġej forsi nistgħu nbassruh iktar. Dak li seħħ u għadu ser jiġri, fil-kalatura qawwija tal-ħajja jurina fejn fil-fatt sejrin. Għax għalkemm ftit huma dawk li jistgħu jiddikjaraw li huma, jew ser isiru profeti, f’din is-sitwazzjoni hemm dik il-loġika elettorali taħdem. Hemm dak li diġà qiegħed jintwera, jum wara jum, jiżviluppa. Passi li juru li f’Novembru li ġej ser ikun hemm bdil fil-President tal-pajjiż. Bdil fl-amministrazzjoni u fl-ideat li jmexxuh ’il quddiem fil-politika nazzjonali u internazzjonali. Dak li qabel kien seta’ jidher bilanċjat, preżentement tilef din id-direzzjoni.

Il-kandidat Demokratiku

2. Forsi huwa ovvju, għalikom li ssegwu kitbieti, li nxaqleb aktar lejn id-Demokratiku Joe Biden. F’dawn is-snin li ilu fil-politika wera bl-aktar mod kostanti li huwa bniedem moderat, attent u mimli esperjenza tal-ħajja, u speċjalment dik politika. Għal dan il-partit, fl-aħħar elezzjoni presidenzjali kien forza ta’ unjoni, u kien mertu tiegħu li f’pajjiż dejjem iktar maqsum, irnexxilu jirbaħ. Biss, dak li ġara f’dawn l-aħħar xhur ibiddel miegħu x-xenarju politiku. Għax għalkemm diġà sentejn ilu kien hemm min tkellem u nsista li għandu jsir analiżi serja fuq jekk għandux jibqa’ l-kandidat tal-partit, illum hemm ferm iktar. Ċertament dawn huma sitwazzjonijiet xejn faċli. Huma, fil-fatt, ikkumplikati ħafna, aktar u aktar meta wieħed qed jittratta persuna li qed tokkupa, fis-saħħa sħiħa tagħha, il-kariga.

Il-parti l-oħra

3. F’dan ukoll kien hemm il-fattur Donald Trump, li kien u għadu konsistenti fis-sens li hu persuna li diġà serviet bl-ideat tagħha fuq il-lemin iktar viċin l-estrem, li kien qiegħed jerġa’ joffri dak li kien. Fattur ta’ stabilità, u dan minkejja l-fatt li huwa għaddej mill-pożizzjoni xejn faċli li jsib ruħu akkużat quddiem il-Qrati b’każijiet gravi u fl-istess ħin kontestat minn parti mill-partit. Issuperahom, anki jekk f’dak il-Partit Repubblikan kien hemm min jippreferi bidla. Illum, però, l-istatura tiegħu nazzjonalment għoliet ferm ’il fuq. L-aħħar dibattiti ma kinux daqshekk tajbin għalih; fil-fatt, kienu ħżiena għal Biden. Imma l-attentat fuq ħajtu biddel l-affarijiet. Waqt li għaddej mill-Konvenzjoni tal-Partit Repubblikan, fejn kollox huwa parti mit-trijonf tiegħu, jidher ċar li wasal f’tarġa ferm ’il fuq minn dik li kien fiha ftit xhur ilu. Kemm però ser jibqa’ f’din il-pożizzjoni għad irridu naraw. Minn dak li hemm jidher, però, huwa ċar li mhuwiex ser inaqqas.

Il-bidla


4. F’dan, ix-xenarju għall-Partit Demokratiku huwa daqstant ieħor ferm u ferm iktar ikkumplikat. Sa ftit ġimgħat ilu, wara l-aħħar dibattitu, fejn il-President attwali ma deherx daqshekk f’dawl tajjeb, kien hemm vuċijiet varji biex huwa jieħu pass lura. Sa issa irreżista, u f’dan wieħed jista’ fuq naħa jammira, u fuq l-oħra jifhem. Biex jinbidel kap ta’ partit u jintgħażel ieħor lejn l-aħħar ta’ kampanja elettorali jaf ikun iktar perikoluż. Forsi wkoll, dan jista’ jkun ikkumplikat għalih fl-imħabba tiegħu lejn l-istess partit. Imma waqt li qiegħed f’daru jikkumbatti l-mard, barra hemm iktar min huwa determinat li sseħħ il-bidla. Jingħad x’jingħad, bil-vantaġġi kollha li Donald Trump qiegħed jirreġistra, xorta hemm votanti li jifhmu li b’bidla l-pożizzjoni ser tmur għal iktar minn dak li kellhom qabel.

Ħidma interna

5. Il-vuċijiet fuq barra huma essenzjali biex jittieħdu d-deċiżjonijiet it-tajba, imma ċertament, mhumiex kollox. Il-Partit Demokratiku għandu quddiemu opportunità li jagħżel kandidat iżgħar u kapaċi, biex ikun hemm alternattiva aqwa. Għandu wkoll, anke jekk l-arloġġ huwa kontra tiegħu, jifhem fejn ħaddieħor qiegħed jirreġistra avvanz u jbiddel il-perkors tal-affarijiet. Kollox ser ikun qiegħed jiddependi fuq il-kuraġġ u l-abbiltà fl-għaqal li dan iseħħ. Nixtieq nara dibattitu veru, aktar u aktar meta dan il-partit qiegħed f’ħoġor ħaddieħor il-vot Kattoliku. Partit li, wara l-aħħar deċiżjonijiet dwar il-valur tal-ħajja u l-effetti fuq id-duttrina soċjali tal-Knisja, mhuwiex jifhem li jrid imiss lura mal-polz li nqata’ minnu.

Ġustizzja soċjali


6. F’dan, però, huwa iktar ċar li l-Partit Repubblikan, bl-għażla tas-Senatur J.D. Vance bħal kandidat għall-Viċi President, jidher li qiegħed iwettaq. Iben il-ħaddiem, li għadda minn diversi diffikultajiet. Sar avukat u huwa fost l-iżgħar fl-età ta’ 39 sena, u wkoll persuna li f’Awissu tal-2019 ikkonverta għall-Kattoliċeżmu. Deċiżament kontra l-abort u vuċi favur dawk li huma l-iktar ’l isfel fis-soċjetà. Wara l-pubblikazzjoni tal-ktieb tiegħu Hillibilly Elegy: A Memoir of a Family and Culture in Crises (2016), ħajtu ġiet magħrufa mhux ħażin. F’dan, però, hemm markament il-fatt li biddel spiss il-pożizzjoni tiegħu. Minn Demokratiku sar Repubblikan, minn kontra Trump sar favur tiegħu. Uħud jitkellmu fuq l-estremiżmu tiegħu u jidentifikawh mal-lemin estrem. Imma kemm dan ser ikun hekk f’dak li ġej, għad irridu naraw. Viċi President huwa dejjem importanti, u jista’ jieħu post il-President. Imma f’dan jibqa’ l-fatt li għax-xhur li ġejjin, il-Partit Repubblikan qiegħed jippjana elettoralment tajjeb il-passi tiegħu.

Tidher miktuba

7. F’dan huwa iktar ċar li meta wieħed jipprokrastina biex jieħu ċerti deċiżjonijiet li jkun hemm il-bżonn illi jittieħdu, l-affarijiet jikkumplikaw ruħhom. Bidliet bħal dawn mhumiex faċli, imma jkunu neċessarji. Iktar u iktar meta politikament il-marġini tas-suċċess ikun viċin u żgħir ħafna. Wieħed irid jagħraf fejn qiegħed jonfoħ ir-riħ u fejn qiegħed iħabbat il-polz mingħajr ma jilludi ruħu sabiex jiddeċiedi fis-sewwa u bir-raġuni qabel ma jkun tard wisq. Lezzjoni politika li tgħodd għal kull partit f’kull pajjiż, ċertament tagħna wkoll. Imma f’dan, iktar u iktar f’pajjiż kbir u daqshekk importanti bħall-Istati Uniti tal-Amerika. Filwaqt li nittamaw illi f’dan jittieħdu d-deċiżjonijiet it-tajba, wisq inħoss li għalkemm għadha ġejja, diġà tidher miktuba.

17.7.24

DEMOCRACY IN AMERICA

1. Fl-1835, Alexis de Tocqueville (1805-1859) stampa ktieb b’dan it-titolu De la demoratie en Amerique. Dan il-politiku u osservatur mill-iktar attent għal dak li kien għaddej fi żmienu ħalla warajh ktieb mill-iktar interessanti. Mhuwiex dak li huwa magħluq f’perjodu partikolari, imma huwa wieħed li, taqrah meta taqrah, fih issib minjiera ta’ għerf u gwida. Mhux biss ta’ informazzjoni fuq dak li l-pajjiż kien, fi proċess liberu qiegħed jinbena fuqu, imma wkoll fuq direzzjonijiet li kull min irid imexxi poplu sewwa għandu jieħu. De Tocqueville seta’ jħalli dan warajh għal kellu mħallta tajjeb fih il-kwalitajiet li jiġu minn storiku, ġurista u politiku. Kien jaf x’inhuwa jgħid u kellu wkoll viżjoni li diversi li jridu jibdlu jistgħu jieħdu minnu.

Jibqa’ rilevanti

2. F’dan kien il-bniedem li sostna li dak li kien ġara matul, u l-ideali tar-Rivoluzzjoni Franċiża, ma kellhomx jintesew imma jitkomplew u jitwettqu b’attenzjoni sabiex il-pajjiż jiġi modernizzat. Proprju b’dawn l-ideali li seta’ jifhem aktar dak li ra u osserva fid-diversi Stati tal-Amerika li huwa mar fihom. Kitba li, għalkemm voluminuża, timmerita li tinqara minn dawk li jixtiequ jaqbdu, jew diġà qabdu, it-triq lejn il-ħajja pubblika. M’hemmx paġna waħda li ma timlikx b’ideat u riflessjonijiet. De Tocqueville kien f’dan ukoll konvint li d-direzzjonijiet żbaljati li qabbdet ir-Rivoluzzjoni Franċiża ġew proprju minħabba l-fatt li kien hemm diversi deputati nieqsa mill-esperjenza u l-formazzjoni politika. Kitbietu, kif ukoll dak sussegwenti, L’Ancien Regime et la Revolution, fl-1856, jindikaw li kien jara l-proċess demokratiku bħala wieħed neċessarju u inevitabbli. Dan għad-differenza ta’ awturi u politiċi oħra intelliġenti bħal François Guizot (1787-1874), li waslu għal pożizzjonijiet differenti.

Proprju f’dan

3. F’dan iktar u iktar hemm ir-realtà sħiħa ta’ dak li dan il-bniedem kien identifika. Il-bżonn, f’kull żmien, li soċjetà tagħraf: l-ewwel, li għandha verament bżonn il-politiċi u li dawn ikunu iffurmati kulturalment u storikament sabiex hija timxi ’l quddiem; u t-tieni, li m’għandhiex tibqa’ tistenna, imma li hija stess għandha dmir li tassigura li jkollha proċess jew sistema ta’ proċessi sabiex jiġu kkultivati. Il-bnedmin jistgħu jitwieldu b’diversi talenti u wkoll ambizzjonijiet, imma jridu aktar. Diversi drabi hemm l-element ta’ vanaglorja li jimbotta xi persuni ’l quddiem. Imma hemm aktar. Hemm ukoll dawk li jsibu ruħhom fil-pożizzjoni inevitabbli li jekk iridu jaraw bidliet, jifhmu loġikament li jridu jieħdu sehem huma stess. Imma f’din il-ġenerazzjoni, u dan f’diversi Stati fid-dinja, qegħdin insibu li l-medja, li tant għandha responsabbiltà, li in ġenerali qed tressaq ’il quddiem persuni biex jibdew il-karriera. Dawk li jitħalltu mal-artisti li inevitabbilment naraw fil-films. Dawk li għalkemm ikun ovvju li ma jkunux ippreparati, jibdew jiġu jidhru li huma. Dawk li jgħidulhom x’jgħidu, anke jekk ma jkunux jafu x’inhuma jgħidu. Idoqqu d-diska, qishom politiċi iffurmati u tajba, meta fil-fatt mhumiex. Din hija proprju l-pożizzjoni llum, bil-konsegwenzi sħaħ tagħha.

Partit Demokratiku


4. F’dan huwa iktar ċar dak li seħħ u li qiegħed fil-fatt għaddej fl-Istati Uniti tal-Amerika. Ċertament fuq livell superjuri, imma li huwa quddiem tagħna punt ta’ konsegwenza. Il-pożizzjoni kienet u għadha għaddejja tbaqbaq fuq jekk il-President attwali Joe Biden għandux ikompli jkun il-kandidat għall-Partit Demokratiku jew għandux jirtira. Diversi, fuq in-nuqqasijiet fiżiċi tiegħu, jidher li qegħdin jitolbuh biex jirtira lura mill-ġirja sabiex tiġi magħżula persuna oħra. Oħrajn mhumiex tant konvinti minn dan u jippreferuh jibqa’ hemm. Huwa stess jinsisti li jrid jibqa’. F’dan mhuwiex faċli u f’ħafna Biden, li għandu esperjenza politika akbar u aqwa minn ta’ diversi, jista’ jkollu aktar raġun. Huwa jaf x’hemm, jaf l-istat preżenti tal-Partit Demokratiku, jaf dak li sar b’mod żbaljat minn Donald Trump u jaf ukoll li huwa verament kapaċi jiqaflu.

Dak li seħħ

5. Biss, is-sitwazzjoni ġiet issa ulterjorment ikkumplikata bl-attentat fuq il-ħajja tal-ex-President Donald Trump, li seħħ ftit jiem ilu. Wieħed li huwa gravi ħafna fih innifsu. Sija fil-fatt li persuna bħalu kienet esposta b’dan il-mod, kif ukoll għall-fatt li s-servizzi ta’ sigurtà ma kinux kapaċi jikkuntrastaw dan l-attentat qabel. Ċertament, il-pożizzjoni politika f’dan inbidlet sew. Iktar u iktar fid-dawl li wħud qed jaraw li ġie salvat għax huwa msejjaħ għal opri oħra. Żgur mhux forsi hemm dubju li dan ser ikun l-ogħla punt fil-kampanja tiegħu huwa u sejjer tul dawn il-jiem lejn il-Konvenzjoni tal-Partit Repubblikan. Kemm din ir-rankatura tibqa’ sejra sal-aħħar ta’ Novembru, meta jkun hemm il-vot, wieħed għad irid jara. Kull jum fil-politika, kif illum nafu iktar, jista’ jibdel il-perkors tal-affarijiet.

Ix-xenarju

6. Dak li ġej f’dak il-pajjiż, li bit-tajjeb u bil-ħażin tiegħu, baqa’ tul dawn is-snin l-iktar demokratiku, għad irridu naraw. Ser ikun hemm bżonn ta’ deċiżjonijiet politiċi attenti, u ċertament, iktar għaqlin. Il-futur ta’ dak il-pajjiż, u f’ħafna, anki tad-dinja, jiddependi fuq dawk l-għażliet. Iktar u iktar jekk flok ikollna passi lura lejn il-paċi, ikollna minflok iktar konfrontazzjoni. Għażliet li jiddependu minn kemm il-bnedmin fil-politika f’dak il-pajjiż jagħrfu jieħdu. Deċiżjonijiet li fl-aħħar mill-aħħar jiddependu fuq il-formazzjoni politika tagħhom. Dawk sija fil-Partit Demokratiku, kif ukoll f’dak Repubblikan. F’dan, ċertament kien ikun iktar interessanti Alexis de Tocqueville x’kien jikteb issa, wara kważi mitejn sena, dwar id-demokrazija fl-Amerika. Nistgħu biss nittamaw li d-deċiżjonijiet ikunu tajba u jwasslu lejn paċi f’dinja mimlija nkwiet.

IL-FGURA - TRIQ L-ISKOLA - RAPPORTI TA’ RWEJJAĦ

20093. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva: Jista’ l-Ministru jikkonferma li daħlu rapporti ta’ rwejjaħ jintnu fi Triq l-Iskola, il-Fgura, u jgħid x’passi ttieħdu dwar dan?

 

18/06/2024

 

ONOR. JO ETIENNE ABELA:  Ninsab infurmat li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ma rċieva l-ebda lment relatat ma’ rwejjaħ jintnu fit-Triq indikata mis-sena li għaddiet sa llum.

Minn wara li saret din il-mistoqija parlamentari, uffiċjali mid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali xorta għamlu spezzjoni ġo din it-Triq iżda ma ġewx innutati rwejjaħ, kif ukoll ma kien hemm ebda żbroff ta’ xi ilma maħmuġ jew drenaġġ li jista` jikkawża rwejjaħ jintnu u għalhekk ma kienx hemm il-ħtieġa li jittieħdu passi ulterjuri.

Nappella lill-Onor. Interpellant li jekk għandu xi lment/i dan jgħaddihomli, ħalli d-dipartiment għas-Saħħa Ambjentali jkompli jinvestiga.

 

Seduta  258

15/07/2024

IL-FGURA - TRIQ L-ISKOLA - RAPPORTI TA’ RWEJJAĦ

20092. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jikkonferma li daħlu rapporti ta’ rwejjaħ jintnu fi Triq l-Iskola, il-Fgura, u jgħid x’passi ttieħdu dwar dan?

 

18/06/2024

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Fgura li dawn l-irwejjaħ kienu minħabba li ġiet iffertillizzata (imdemmla) l-għalqa fil-viċin.

 

Seduta  258

15/07/2024

SANTA LUĊIJA RUNNING TRACK - KURA TAL-PJANTI U SIĠAR

20091. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex jittieħdu l-passi neċessarji biex il-pjanti u s-siġar li hemm fl-hekk imsejħa “Santa Luċija Running Track” jiġu msoqqija u kkurati?

 

18/06/2024

 

ONOR. ANTON REFALO:  Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  258

15/07/2024

SANTA LUĊIJA RUNNING TRACK – KURA TAL-PJANTI U SIĠAR

20090. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir: Tista’ l-Ministru tgħid jekk humiex jittieħdu l-passi neċessarji biex il-pjanti u s-siġar li hemm fl-hekk imsejħa “Santa Luċija Running Track” jiġu msoqqija u kkurati?

 

18/06/2024

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  258

15/07/2024

SANTA LUĊIJA RUNNING TRACK – KURA TAL-PJANTI U SIĠAR

20089. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex jittieħdu l-passi neċessarji biex il-pjanti u s-siġar li hemm fl-hekk imsejħa “Santa Luċija Running Track” jiġu msoqqija u kkurati?

 

18/06/2024

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija li t-tisqija qed issir kif meħtieġ permezz ta’ bowsers u li qed jinġabru l-kwotazzjonijiet neċessarji għal sistema ġdida ta’ irrigazzjoni.

 

Seduta  258

15/07/2024

RAĦAL ĠDID - TRIQ IL-PERIT MINTOFF - PJAN GĦALL-KONTROLLAT TAT-TRAFFIKU

20088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jara li jittieħdu passi biex isir pjan aħjar għall-kontrollat tat-traffiku kull nhar ta’ Ġimgħa bejn il-11.00 a.m u t-3.00.p.m fil-parti ta’ fuq ta’ dik li kienet Triq Koradin li llum hija Triq il-Perit Mintoff, f'Raħal Ġdid, int u ħiereġ minn Għajn Dwieli?

 

18/06/2024

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Nitlob lill-Onor. Ineterpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  258

15/07/2024

15.7.24

MINGĦAJR SENS

1. Waqt li diversi huma aljenati jsegwu l-partiti tal-football u oħrajn qed jistennew il-bidu tal-Olimpjadi, wieħed irid jieqaf jistaqsi. Jgħarbel jara jekk dak kollu li qiegħed jiġri madwarna huwiex jagħmel sens jew le. Jipprova jifhem, l-ewwel, dak li hu verament għaddej; u t-tieni, jekk dan huwiex fil-fatt sewwa jew le. Minn barra jidher li għaddejjin minn perjodu ta’ nuqqas ta’ loġika u konfużjoni. Aġir varju, sija dak li sar fil-passat li qiegħed joħroġ għad-dawl illum, kif ukoll dak li qiegħed iseħħ preżentement. Bnedmin li tistenna s-sens u l-aġir tajjeb minnhom issibhom fuq in-naħa l-oħra. Ċertament tittama f’futur aħjar, imma fil-frattemp wieħed irid jifhem il-preżent sewwa.

Passi fl-indifferenza

2. F’pajjiżna u fix-xenarju internazzjonali, dak li qiegħed isir mhuwiex jinżel tajjeb ma’ dawk li jridu li l-affarijiet isiru sewwa. Kull persuna fid-demokrazija u fis-soċjetà tippretendi u tinsisti li l-Istat jitmexxa u jiġi amministrat sewwa. Li l-fondi pubbliċi jiġu minfuqa kif għandu jkun. Li ħadd ma japprofitta ruħu. Li jkun hemm sens akbar tal-importanza tal-Istat. Li, fuq kollox, jikber il-mertu u li t-tqassim tal-ġid komuni jsir b’mod iktar ġust. Fuq kollox, soċjetà li tħares li jkollha sistema ta’ ġustizzja soċjali vera, mhux apparenti. Waħda li tirbaħ fil-bżonn kostanti li tfittex tara li min jinsab l-iktar ’l isfel ikun hemm għalih l-għajnuna neċessarja biex jitla’ ’l fuq, u mhux jiġi abbandunat għal riħu. Meta dawn ma jseħħux, allura tikber l-indifferenza fl-elettorat. Jonqsu dawk li jridu jieħdu sehem u jaħdmu għall-bidliet.

Mhux l-ewwel darba

3. Din mhix l-ewwel darba fl-istorja tal-umanità li l-bnedmin raw nuqqas ta’ ordni u konfużjoni prattikati madwarhom. Mhux f’dan iż-żmien biss li l-bniedem qiegħed ikun xhud tan-nuqqas ta’ loġika u tal-aġir żbaljat. Tul din il-ġimgħa fakkarna f’dan San Benedettu, Patrun tal-Ewropa, li għex f’dak l-ambjent u ħa ħsieb jimpenja ruħu sabiex tinbena soċjetà aħjar. Meta taqra kitbietu u dak li diversi oħra kitbu dwaru tifhem kemm kien qiegħed ’il quddiem. Kien dak li ġieb lill-bniedem lura fiċ-ċentru tal-ħajja. Kull persuna, mingħajr distinzjoni. Anzi, mingħajr preferenzi. Ħaddem kitbet l-Evanġelji f’dak li l-persuna umana għandha twettaq f’kull jum tagħha. Għaraf b’messaġġ dirett bil-kliem “Ora et Labora”, li kull ħin u kull mument il-bniedem huwa msejjaħ jaħdem għas-sewwa. Dak li llum il-ġurnata, induru fejn induru, qegħdin immissu aktar miegħu.

Tibdil

4. F’dan huwa iktar urġenti t-tibdil li jrid isir sabiex il-pajjiż jerġa’ jiġi lura f’postu. Għarfien tal-passat fid-dettall u mhux iktar b’diskors ġeneriku li ma jwassal imkien. L-azzjonijiet li seħħew ħa jiġu għad-dawl u kkunsidrati. Ċertament, l-ewwel f’dak li ebda Gvern ieħor mil-lum ’il quddiem m’għandu jara ripetut. It-tieni, fil-konsegwenzi legali li dawn jitolbu skont l-abbiltà u d-dixxerniment uman. Jista’ jkun hemm fatturi ta’ aljenazzjoni, imma f’dawn is-snin il-poplu nbidel. Sar iktar xettiku u f’mumenti, sfortunatament, ċiniku. Ma jafdax anki lil dawk li mhux biss qabel kien jafda, imma wkoll lil dawk li forsi aħjar jekk jafda. Kuljum, l-istejjer ta’ retroxeni m’huma jnisslu ebda fiduċja, imma iktar distakk. Iktar ukoll astensjonijiet, li jidher li jridu jkomplu jikbru.

Xenarju internazzjonali

5. Dak li qiegħed jinkixef lokalment qiegħed jara żieda fil-kumplikazzjonijiet ma’ dak li hu għaddej barra minn xtutna. Fl-Istati Uniti tal-Amerika, fit-triq lejn l-għażla ta’ President f’Novembru. Dak li qiegħed jiġri fi Franza wara l-aħħar elezzjonijiet ġenerali b’sitwazzjoni li tindika diffikultajiet biex jinbena Gvern stabbli. Kif ukoll il-passi li ħadu żewġ mexxejja. L-ewwel tal-Prim Ministru Ungeriż Victor Orban, li fi ftit jiem mar l-ewwel jiltaqa’ ma’ Vladimir Putin, u ftit wara mar iċ-Ċina f’missjoni li mhix ċara, imma li fuq naħa tidher bħala appell għall-paċi. Fuq l-oħra, il-viżta tal-Prim Ministru Indjan Narenda Modi fil-Federazzjoni Russa, li wkoll ma kinitx daqshekk ċara fuq ir-raġuni vera tagħha. Punti li jingħaqdu ma’ oħrajn li ma tantx jgħinu sabiex wieħed iħares b’mod loġiku u ottimist lejn din il-ħidma politika.

Dan il-poplu


6. F’dan kollu, però, hemm iktar il-bżonn ta’ aġir tajjeb u li jibni mill-ġdid dan il-pajjiż u r-reputazzjoni tiegħu. Il-preżent tagħna huwa mimli b’inċertezzi u żbaslji. Dawk li minn dak li qiegħed jidher quddiemna, dan il-Gvern mhuwiex f’pożizzjoni li jġib lura. Minn eżami ta’ dak li seħħ f’dawn is-snin huwa evidenti li kull manuvra u direzzjoni li ttieħdet waslet lura għall-għarfien li l-affarijiet m’huma tajba xejn. Iktar u iktar ċar meta wieħed jara li l-Gvern qiegħed fl-impossibilità li jibdel kif il-pajjiż jippretendi. Ġudizzju li jista’ jingħata wara l-verdett li kellna fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Huwa miktub li l-pajjiż għandu maġġoranza stabbli ta’ dawk li fehmu s-sitwazzjoni u ma jgħarfux li m’hemmx xi rimedju fil-futur. Proprju għalhekk li f’dak li mhuwiex jagħmel sens hemm bżonn ħidma biex dan kollu jinbidel. Ħidma li l-Partit Nazzjonalista jagħraf u fejn irid jimxi biex il-bidla sseħħ.

RAĦAL ĠDID - ŻBIR TA’ SIĠRA LI QIEGĦDA TAGĦMEL ĦSARA LILL-PROPRJETÀ

19663. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 11554, 11555 u 11556, jista’ l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji sabiex is-siġra li hemm fuq wara tal-proprjetà li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, tiġi debitament miżbura?

 

28/05/2024

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Paola li s-siġra inkwistjoni qiegħda fi Ground Pace Grasso u fl-aħħar ġimgħat saru xogħlijiet fejn is-siġra nżabret sew u huwa l-ħsieb li din tkompli tinżabar sabiex tkun aktar ikkontrollata.

 

Seduta  249

19/06/2024

IL-FURJANA – FUNTANA TAL-ILJUN - NEFQA

19662. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16622, jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew l-ispejjeż li ġew inkorsi sabiex il-Funtana tal-Iljun fil-Furjana tiġi lura għan-normal?

 

28/05/2024

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

 

Seduta  249

19/06/2024

RAĦAL ĠDID - TRIQ IT-TARZNA - BANKINA

19661. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jivverifika l-informazzjoni mogħtija fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17507, dwar il-bankina li hemm fi Triq it-Tarzna, Raħal Ġdid?

 

28/05/2024

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Paola li sal-lum ma kienx hemm żvilluppi ulterjuri fl-istat tal-bankina u l-iżvilupp fir-residenza minn kif indikat fl-aħħar tweġiba li ngħatat.

 

Seduta  249

19/06/2024

LANDSCAPE CONVENTION

19660. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 7425, 12937 u 17209,  tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju waslet il-Landscape Convention?

 

28/05/2024

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess ta’ ratifikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni għadu għaddej.

 

Seduta  249

19/06/2024

IL-FURJANA – TRIQ ĠNIEN DANTE ALIGHIERI – SIĠAR TAĊ-ĊITRU

19659. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18519, jista’ l-Ministru jgħid jekk ittieħdux passi ulterjuri sabiex ikun hemm iż-żabra u l-ġbir neċessarju fuq is-siġar taċ-ċitru li hemm fi Ġnien Dante Alighieri l-Furjana?

 

28/05/2024

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Floriana li fil-ġnien bħalissa għaddej it-tindif, il-ħrit tal-konki madwar is-siġar u t-tisqija. Sadattant infurmat wkoll li ż-żabra u l-ġbir tal-frott mhux ideali li jsir daż-żmien iżda aktar tard meta jaqleb it-temp wara l-istaġun tas-sajf.

 

Seduta  249

19/06/2024

UNIVERSITÀ TA’ MALTA - APPARAT

19658. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19074, jista’ l-Ministru jara li fil-librerija tal-Università ta’ Malta mhux biss ikun hemm aċċess għall-internet imma li jkun hemm apparat disponibbli?

 

28/05/2024

 

ONOR. CLIFTON GRIMA:  Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19071 li fiha ngħatat l-informazzjoni kollha. Infurmat li l-Università ma tħossx li hemm neċessità għal apparat addizzjonali la m’hemmx domanda għalih.

 

Seduta  249

19/06/2024

11.7.24

RAĦAL ĠDID - TRIQ IL-PERIT MINTOFF - PJAN GĦALL-KONTROLL TAT-TRAFFIKU

20087. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jara li jittieħdu passi biex isir pjan aħjar għall-kontroll tat-traffiku kull nhar ta’ Ġimgħa bejn il-11.00 a.m u t-3.00.p.m fil-parti ta’ fuq ta’ dik li kienet Triq Korradin li llum hija Triq il-Perit Mintoff, Raħal Ġdid, int u ħiereġ minn Għajn Dwieli?

 

18/06/2024

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-inħawi msemmija l-Awtorità għat-Trasport f’Malta qiegħda tipprovdi Uffiċjali tal-Infurzar kuljum fil-ħinijiet meqjusa bħala ‘peak hours’.

 

Seduta  257

10/07/2024

IL-BELT VALLETTA – PJAN GĦALL-KONTROLL TAT-TRAFFIKU FIX-XATT FEJN ISORĠU L-CRUISE LINERS

20086. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jara li jittieħdu passi biex isir pjan aħjar għall-kontroll tat-traffiku fix-xatt meta jsorġu l-cruise liners, in vista tal-volum kbir ta’ traffiku li jiġi ġġenerat u li jkollu effett fuq l-akkwati?

 

18/06/2024

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Nitlob l-Onor. Interpellant iressaq din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

 

Seduta  257

10/07/2024

IL-BELT VALLETTA – PJAN GĦALL-KONTROLL TAT-TRAFFIKU FIX-XATT FEJN ISORĠU L-CRUISE LINERS

20085. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jara li jittieħdu passi biex isir  pjan aħjar għall-kontroll tat-traffiku fix-xatt meta jsorġu l-cruise liners, in vista tal-volum kbir ta’ traffiku li jiġi ġġenerat u li jkollu effett fuq l-akkwati?

 

18/06/2024

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità għat-Trasport f’Malta ħadet nota ta’ din il-mistoqsija parlamentari u qed isiru diskussjonijiet mit-Traffic Management Committee f’dan ir-rigward.

 

Seduta  257

10/07/2024


RAPPORT TAL-OMBUDSMAN - VETTURI ABBORD BASTIMENTI TAL-GOZO CHANNEL

20084. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu fir-rigward tar-rapport tal-Ombudsman ippreżentat fl-20 ta’ Novembru 2023 fir-rigward ta’ vetturi abbord il-bastimenti tal-Gozo Channel?

 

18/06/2024

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

 

Seduta  257

10/07/2024

RAPPORT TAL-OMBUDSMAN - VETTURI ABBORD BASTIMENTI TAL-GOZO CHANNEL

20083. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar: Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu fir-rigward tar-rapport tal-Ombudsman ippreżentat fl-20 ta’ Novembru 2023 fir-rigward ta’ vetturi abbord il-bastimenti tal-Gozo Channel?

 

18/06/2024

 

ONOR. CLINT CAMILLERI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

 

Seduta  257

10/07/2024

KORRIMENTI FUQ IL-POST TAX-XOGĦOL - BENEFIĊĊJU - APPLIKAZZJONIJIET

19937. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19378 u jgħid kemm kien hemm persuni li minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, li applikaw sabiex jibdew jirċievu l-benefiċċju relattiv fir-rigward korrimenti fuq il-post tax-xogħol?

 

12/06/2024

 

ONOR. MICHAEL FALZON:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Jannar 2024 sakemm qed tkun imwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kien hemm 891 applikazzjoni għall-benefiċċju relatat mal-korriment fuq il-post tax-xogħol.

 

Seduta  257

10/07/2024

BORMLA - SUSSIDJI FUQ KIRJIET LI SARU QABEL L-1995 U WARA

19792. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni residenti Bormla li matul is-sena 2023 ibbenefikaw mis-sussidju fuq kirjiet li saru qabel l-1995 u wara u jgħid kemm kienet l-ispiża? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm persuni li rrikorrew għall-assistenza wara li ġew żgumbrati jew li qegħdin f’dan il-proċess?

 

05/06/2024

 

ONOR. RODERICK GALDES:  Ninforma l-Onor. Interpellant li fis-sena 2023, f’Bormla kien hemm 34 benefiċjarju li bbenifikaw mis-sussidju fuq kirjiet li saru qabel l-1995 b’spejjeż totali ta' €142,900, u 32 benefiċjarju li bbenifika mis-sussidju fuq kirjiet li saru wara l-1995 b’spejjeż totali ta' €81,376, filwaqt li kien hemm każ wieħed ta' żgumbrament.

 

Seduta  254

02/07/2024

BORMLA - IN-WORK BENEFIT U BENEFIĊĊJI SOĊJALI

19791. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li matul is-sena 2023 ibbenefikaw mill-In-Work Benefit f’Bormla u kemm irċevew komplessivament f’benefiċċji soċjali?

 

05/06/2024

 

ONOR. MICHAEL FALZON:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif qed jinġabar.

 

Seduta  254

02/07/2024

IL-FGURA - SUSSIDJI FUQ KIRJIET LI SARU QABEL L-1995 U WARA

19790. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni residenti l-Fgura li matul is-sena 2023 ibbenefikaw mis-sussidju fuq kirjiet li saru qabel l-1995 u wara u  jgħid kemm kienet l-ispiża? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm persuni li rrikorrew għall-assistenza wara li ġew żgumbrati jew li qegħdin f’dan il-proċess?

 

05/06/2024

 

ONOR. RODERICK GALDES:  Ninforma l-Onor. Interpellant li fis-sena 2023, fil-Fgura kien hemm 30 benefiċjarju li bbenifikaw mis-sussidju fuq kirjiet li saru qabel l-1995 b’spejjeż totali ta' €233,087, u 73 benefiċjarju li bbenifika mis-sussidju fuq kirjiet li saru wara l-1995 b’spejjeż totali ta' €265.490, filwaqt li kien hemm każ wieħed ta' żgumbrament.

 

Seduta  254

02/07/2024

IL-FGURA - IN-WORK BENEFIT U BENEFIĊĊJI SOĊJALI

19789. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li matul is-sena 2023 ibbenefikaw mill-In-Work Benefit fil-Fgura u kemm irċevew komplessivament f’benefiċċji soċjali?

 

05/06/2024

 

ONOR. MICHAEL FALZON:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif qed jinġabar.

 

Seduta  254

02/07/2024

RAĦAL ĠDID - SUSSIDJI FUQ KIRJIET LI SARU QABEL L-1995 U WARA

19788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni residenti Raħal Ġdid li matul is-sena 2023 ibbenefikaw mis-sussidju fuq kirjiet li saru qabel l-1995 u wara, u jgħid kemm kienet l-ispiża? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm persuni li rrikorrew għall-assistenza wara li ġew żgumbrati jew li qegħdin f’dan il-proċess?

 

05/06/2024

 

ONOR. RODERICK GALDES:  Ninforma l-Onor. Interpellant li fis-sena 2023, f’Raħal Ġdid kien hemm 67 benefiċjarju li bbenifikaw mis-sussidju fuq kirjiet li saru qabel l-1995 b’spejjeż totali ta' €233,087, u 64 benefiċjarju li bbenifika mis-sussidju fuq kirjiet li saru wara l-1995 b’spejjeż totali ta' €228,933, filwaqt li kien hemm każ wieħed ta' żgumbrament.

 

Seduta  254

02/07/2024

RAĦAL ĠDID - IN-WORK BENEFIT U BENEFIĊĊJI SOĊJALI

19787. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li matul is-sena 2023 ibbenefikaw mill-In-Work Benefit f’Raħal Ġdid u kemm irċevew komplessivament f’benefiċċji soċjali?

 

05/06/2024

 

ONOR. MICHAEL FALZON:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif qed jinġabar.

 

Seduta  254

02/07/2024

KORRIMENTI FUQ IL-POST TAX-XOGĦOL – BENEFIĊĊJU

19375. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li qed jirċievu l-benefiċċju relattiv fir-rigward korrimenti fuq il-post tax-xogħol fl-aħħar ta’ Diċembru 2023?

 

14/05/2024

 

ONOR. MICHAEL FALZON:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 195 persuna li kienu qed jirċievu benefiċċju relatat mal-korriment fuq il-post tax-xogħol fl-aħħar ta’ Diċembru 2023.

 

Seduta  254

02/07/2024

10.7.24

NIEĦDU SEHEM, MA NKUNUX INDIFFERENTI

1. M’hemmx dubju li mill-aħħar elezzjonijiet hemm il-lezzjonijiet x’jittieħdu. Tagħna ċertament, u ta’ oħrajn ukoll. Imma f’din il-ġimgħa li bdejna, bla dubju ta’ xejn dawk Franċiżi ta’ direzzjoni. Lezzjoni li l-ideat tal-lemin lemin u dawk tal-lemin estrem jistgħu jirbħu biss jekk parti kbira mill-poplu ma tmurx tivvota. Vuċijiet li huma, skont ir-riżultati, f’minoranza nazzjonali. Dawn ix-xenarji jitwieldu fl-astensjonijiet, fl-indifferenza ta’ dawk li jħallu d-deċiżjonijiet f’idejn oħrajn. Sa ftit ġimgħat ilu, ir-rebħa kienet tindika li sejra lejn Marine Le Pen, bil-konsegwenzi daqshekk ċari sija għall-pajjiż innifsu, kif ukoll għalina fl-Unjoni Ewropea. Xenarji xejn tajba, meta wieħed jikkunsidra dak li ilu jingħad.

Rappreżentanza


2. Dan ifisser li fuq livell Ewropew, għal dan il-pajjiż hemm rappreżentanza mod, mentri fuq dak nazzjonali mod ieħor. Fil-Parlament Ewropew għandu iktar deputati fuq il-lemin estrem, mentri f’dak tal-pajjiż hemm iktar dawk tax-xellug u taċ-ċentru. F’dan hemm evidenti li l-biża’ ta’ maġġoranza parlamentari tal-lemin estrem twassal għal ferm iktar persuni li jmorru jivvutaw. Kien hemm madwar 70% li din id-darba tefgħu l-vot tagħhom. Is-sitwazzjoni nbidlet proprju għax saret mobilitazzjoni qawwija li kienet ilha ma ssir fil-poplu. Kien hemm punt ta’ għaqda u militanza kontra proġett politiku li mhuwiex la Ewropew u anqas tant fit-tradizzjoni Repubblikana Franċiża li wasslet sabiex diversi differenzi jitwarrbu. Kienu ħafna d-distretti elettorali fejn ħafna kandidati ċedew sabiex ikun hemm kandidat wieħed kontra l-partit RN. Strateġija u ħidma li tidher li rnexxiet.

Sinjali

3. Il-politika tal-lemin estrem hija: l-ewwel, żbaljata fiha nnifisha; u t-tieni, fil-memorja kollettiva għad hemm kultura politika li għadha ħajja fl-għarfien tal-ħsara li din wettqet fil-passat, kif ukoll għarfien ta’ dak li tista’ tagħmel fil-preżent. Sinjal ċar ukoll għal diversi partiti oħra fix-xenarju Ewropew li qabdu dawn il-pożizzjonijiet. Daqshekk ieħor għal dawk fl-Italja, li tul din il-kampanja resqu viċin ta’ Le Pen. Uħud, bħal Matteo Salvini żżejjed, u oħrajn, bħal dawk ta’ Giorgia Meloni, li dehru li ma kinux ser jiddejqu b’rebħa għal Le Pen. F’dan sinjal għalihom ukoll illi f’dak il-pajjiż, is-suċċess elettorali passat tagħhom iddependa prinċipalment fuq in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni elettorali, anzi, fuq l-indifferenza li daħlet. Lezzjonijiet għal dawk li sfortunatament qegħdin jikkuntentaw bil-maġġoranzi relattivi. Jekk iċ-ċentru ta’ Antonio Tajani u x-xellug ta’ Elly Schlein jinżlu aktar viċin il-poplu, il-pożizzjoni fis-saħħa elettorali tinbidel. Mhux biss, imma jagħrfu aktar il-preżenza tal-Insara impenjati fil-politika.

Post l-Insara

4. F’dan l-appuntament, il-pożizzjoni fl-elezzjoni Franċiża kienet iktar diffiċli għal diversi Kattoliċi li sabu ruħhom maqsuma. Rajt u qrajt b’numru ta’ persuni magħrufa fil-kamp soċjali li resqu lejn Le Pen. Id-deċiżjoni li ttieħdet mill-Presidenza Emmanuel Macron fuq numru ta’ valuri marbuta mal-ħajja, l-iktar il-kwistjoni tal-abort, ġiebet dan ukoll. Mhux biss, imma l-periferija li għadha marbuta mal-agrikoltura fit-tradizzjonijiet tagħha li tħossha abbandunata, kienet ukoll parti minn dan. Biss, il-kampanja elettorali f’dan kienet effettiva u diversi, minkejja dak li ma jaqblux miegħu, ivvutaw sabiex il-lemin estrem jibqa’ barra. Pożizzjoni li torbot aktar mal-appell u d-diskors li sar mill-Papa Franġisku fi Trieste il-Ħadd li għadda, 7 ta’ Lulju 2024, f’laqgħa fejn it-titolu kien dan: “Al cuore della democrazia. Partecipare tra storia e futuro”.

Direzzjoni

5. F’diskors attent u mill-iktar preċiż saret sejħa sabiex l-Insara ma joqogħdux lura, imma jieħdu sehem fil-ħajja politika. Imorru lura biex iħaddmu s-solidarjetà u s-sussidjarjetà. Iċċita wkoll tlett persuni marbuta mad-dinja Demokristjana. Ittieħdu bħala gwida u riflessjoni kitbet Giuseppe Toniolo, Aldo Moro u Giorgio La Pira, u dan quddiem il-ħsieb li preżentement id-demokrazija “non gode di buona salute” (mhix tgawdi minn stat ta’ saħħa tajjeb). Fih hemm ukoll rikonoxximent dirett għall-kontribut determinanti li l-Kattoliċi servew fid-dinja politika u għat-tisħiħ tad-demokrazija. Dawk li bħalna jemmnu li d-demokrazija hija valur li jrid jiġi protett u ssudat kontinwament. Il-Papa Franġisku f’dan jieħu, anzi, bħala definizzjoni tal-kelma ‘demokrazija’ dak li Toniolo kien iddikjara iktar minn mitt sena ilu. F’dak li ra bħala l-ordinament ġuridiku li jġib forzi varji f’daqqa sabiex jintlaħaq il-ġid komuni, u dan għall-vantaġġ ta’ dawk l-iktar ’l isfel fis-soċjetà.

Il-kejl veru

6. Iktar f’dan għażel kelmet Moro f’dak li għandu jkun il-kejl u r-regola sabiex wieħed jara jekk soċjetà hijiex verament demokratika jew le. Huwa jislet, b’għarfien partikolari, dawn il-kliem: “Uno stato non è veramente democratico se non è al servizio dell’uomo, se non ha come fine supremo la dignità, la libertà, l’autonomia, della persona umana, liberamente si svolge e nelle quali essa integra la propria personalità.” (Stat mhuwiex verament demokratiku jekk mhuwiex għas-servizz tal-bniedem, jekk ma jkollux b’għan suprem id-dinjità, il-libertà, l-indipendenza tal-persuna umana, li liberament tibni u tiżviluppa l-personalità tagħha). Direzzjoni ċara u kejl politiku veru għal kull pajjiż u partit politiku, iktar u iktar jekk huwa bħal tagħna, Demokratiku Kristjan.

Passjoni politika

7. Id-diskors fih ħafna x’wieħed jgħarbel u jifhem. Imma huwa sejħa qawwija oħra għal dawk li jridu jgħixu ta’ Nsara li l-politika hija parti mis-servizz tagħhom fis-soċjetà. Huwa jħeġġeġ b’saħħa u qawwa. Anzi, laqatni l-kliem tiegħu hekk: “Dobbiamo riprendere la passione civile, questo, dei grandi politici che noi abbiamo conosciuto.” (Irridu naqbdu mill-ġdid din il-passjoni ċivili, dik li rajna politiċi kbar iħaddmu u jħaddnu.) Kif ukoll dak li qabbel il-politiku mar-ragħaj li jrid ikun qabel il-poplu, flimkien miegħu, u fil-qalba tiegħu. Kliem li, fl-opinjoni tiegħi, għandu jkompli jħeġġiġna sabiex ikollna iktar politiċi Nsara impenjati. Aktar li għandhom għarfien tal-ideat li d-duttrina soċjali tal-Knisja tgħallem. Aktar nies ta’ veru, awtentiċi, u mhux dawk li jħarsu lejn l-immaġini jew ir-ripetizzjoni tal-istess kliem li fl-aħħar tal-ġurnata ma jfisser xejn. F’dan kollu, ċertament, ħidmet l-Insara hija determinanti. Proprju għalhekk għandna nieħdu sehem u ma nkunux indifferenti.

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...