12.1.15

Irrid Oppożizzjoni li tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies - Simon Busuttil.



F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li wara r-reshuffle li għamel il-ġimgħa li għaddiet, il-pass li jmiss huwa li l-Oppożizzjoni turi li hija tassew waħda li tagħmel differenza lin-nies fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom. Huwa qal dan hekk kif ħabbar tliet prijoritajiet politiċi ċari għal tliet membri tas-Shadow Cabinet tal-Partit Nazzjonalista. 

“Irrid li l-Partit Nazzjonalista jagħmel differenza lin-nies fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom, anke mill-Oppożizzjoni,” qal Simon Busuttil. 

It-tliet prijoritajiet politiċi tal-Oppożizzjoni fil-bidu ta’ din is-sena se jkunu:
(1) il-prezzijiet għolja tal-petrol u d-diesel;
(2) id-dinjita’ tal-pazjenti fl-isptar Mater Dei u
(3) t-trasparenza fil-kuntratti pubbliċi. 

“Jekk Joseph Muscat jaħseb li se jagħmi lin-nies billi jraħħas il-prezz b’1c jew 2c qed jgħarralu” - Simon Busuttil

Dwar il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel, Simon Busuttil qal li huwa ċar daqs il-kristall li l-Gvern Laburista qiegħed jisraq lill-poplu Malti għaliex minkejja li l-prezz tal-fuel waqa’ bin-nofs, f’Malta il-prezz tal-petrol u d-diesel għadhom l-istess. Illum Malta għandha l-ogħla prezz tal-petrol u d-diesel fl-Unjoni Ewropea meta ma tqisx it-taxxi, filwaqt li għandha it-tielet l-għola prezz tad-diesel u r-raba l-għola prezz tal-petrol meta tqis it-taxxi, peress li ċerti pajjiżi għandhom taxxi fuq il-fuel għola minn tagħna. 

“Dan ifisser,” qal Simon Busuttil, “li l-Gvern ma għadda xejn mir-roħs straordinarju li kien hemm fil-prezz tal-petrol u d-diesel kif kien isir taħt Gvern Nazzjonalista u minflok żammu għalih. Dan mhu xejn għajr serq tal-konsumaturi” qal Simon Busuttil, li żied jgħid “illum, jekk titfa €30 petrol fil-ġimgħa, il-Gvern qed jisirqek mill-anqas €10, jiġifieri terz ta’ kemm tħallas, filwaqt li jekk titfa €30 diesel fil-ġimgħa il-Gvern ikun qed jisirqek mill-anqas €12, jigifieri viċin nofs il-prezz tad-diesel li tieħu.”

“Jekk Joseph Muscat jaħseb li se jagħmi lill-nies billi jraħħas il-prezz b’1c jew 2c qed jgħarralu” qal Simon Busuttil

“Dan” qal il-Kap tal-Oppożizzjoni “mhux aċċettabbli għall-poplu Malti u Għawdxi u lanqas mhu aċċettabbli għall-Partit Nazzjonalista.”

Għal dan il-għan l-Kap tal-Oppożizzjoni talab lix-Shadow Minister Marthese Portelli sabiex, f’isem l-Oppożizzjoni, tieħu dawk l-inizjattivi kollha neċessarji sabiex twassal lill-Gvern sabiex inaqqas il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel u jġibhom f’livelli li jirriflettu eżatt ir-roħs fil-prezz internazzjonali.

“Jekk Joseph Muscat jiġi jaqa u jqum mid-dinjita tal-pazjenti, aħna le” - Simon Busuttil 

Dwar id-dinjità tal-pazjenti, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li s-sitwazzjoni fl-Isptar Mater Dei saret waħda mwiegħra u issa qegħda tolqot ħażin id-dinjità tal-pazjenti. 

Simon Busuttil qal li minkejja l-ħafna fanfarunati qabel l-elezzjoni li l-Partit Laburista kellu roadmap għal kollox u li kien se jwettaq “pjan t’azzjoni fl-immedjat dwar il-problema ta’ nuqqas ta’ sodod u pazjenti fil-kuruturi,” f’dawn l-aħħar sentejn, mhux talli ma sar xejn talli s-sitwazzjoni maret ferm għall-agħar. 

“Taħt Joseph Muscat għandna numru dejjem jikber ta’ pazjenti li qed jitpoġġew f’kurituri bla ebda privatezza u bla faċilitajiet sanitarji. Taħt Joseph Muscat it-tobba u l-infermiera lanqas biss jistgħu jagħtu kura dinjituża lill-pazjenti għax ma jistgħux jinvistawhom sew. Taħt Joseph Muscat in-nisa u l-irġiel qed jitħallew fl-istess kuritur u l-infermiera qed ikollhom jimsħuhom bil-wipes flok jaħsluhom. Dan huwa l-mod kif Joseph Muscat waqqa d-dinjita tal-pazjenti,” qal Simon Busuttil. 

Hu żied jgħid li “jekk Joseph Muscat jiġi jaqa u jqum mid-dinjità tal-pazjenti, il-Partit Nazzjonalista le.”

Għal dan il-għan il-Kap tal-Oppożizzjoni talab lix-Shadow Minister Claudette Buttigieg sabiex, f’isem l-Oppożizzjoni tieħu dawk l-inizjattivi kollha li hemm bżonn sabiex tikxef l-inkompetenza tal-Gvern u ġġiegħlu jieħu azzjoni biex id-dinjità tal-pazjenti tibda tiġi rispettata. 

“Erġajna lura għal Gvern li għalih it-trasparenza u l-informazzjoni mhumiex fl-interess tal-poplu” - Simon Busuttil 

Dwar it-trasparenza, il-Kap tal-Oppożizzjoni spjega li t-trasparenza mill-Gvern u d-dritt għall-informazzjoni lill-pubbliku huma essenzjali f’demokrazija. Madankollu, f’Malta, il-Gvern għadu qed jaħbi numru ta’ dokumenti ta’ interess pubbliku, fosthom kuntratti pubbliċi, b’mod li mhux aċċettabbli f’soċjetà demokratika. 

Fost dawn hemm: il-kuntratti bejn l-Enemalta u x-Shanghai Electric, il-kuntratti bejn il-Gvern u l-Electrogas, il-kuntratti dwar ix-xiri taż-żejt, il-kuntratt bejn il-Gvern u Henley & Partners, ir-rapport dwar l-onorarja u r-rapporti dwar l-inkjesti li kienu saru taħt il-Ministru Manuel Mallia dwar il-każ ta’ Darryl Luke Borg u dwar il-każ ta’ waqfien ta’ proċeduri kriminali mill-eks Kummissarju Peter Paul Zammit. 

“Erġajna lura għal Gvern li għalih it-trasparenza u l-informazzjoni mhumiex fl-interess tal-poplu,” qal Simon Busuttil. “Iżda dan mhux aċċettabbli għalina u l-Partit Nazzjonalista se jaħdem biex jikxef il-ħabi ta’ Joseph Muscat.”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li filwaqt li suppost għandu jsir dibattitu parlamentari dwar il-kuntratt li l-Enemalta ffirmat max-Shanghai Electric, il-kuntratt in kwistjoni baqa ma ġiex ippubblikat. “Kif jippretendi Joseph Muscat li jista’ jsir dibattitu parlamentari serju jekk hu jaf kollox u l-poplu ma jaf xejn?” qal Simon Busuttil. “Jaqaw Joseph Muscat irid jitkellem waħdu?” Għaldaqstant qabel isir dibattitu l-Oppożizzjoni se tibqa tinsisti li għandhom jiġu pubblikati d-dokumenti kollha tal-kuntratti li ġew iffirmati. 

Għal dan il-għan il-Kap tal-Oppożizzjoni talab lix-Shadow Minister Jason Azzopardi sabiex jieħu dawk l-inizjattivi kollha li hemm bżonn sabiex jikxef il-ħabi tal-Gvern Laburista u jwassal għall-pubblikazzjoni tal-kuntratti u dokumenti li l-Gvern qiegħed jaħbi.

Referendum kaċċa: il-mazz issa huwa f’idejn il-poplu u l-PN jirrispetta d-deċiżjoni tal-poplu  - Simon Busuttil

Fi tmiem l-intervent tiegħu il-Kap tal-Oppożizzjoni għamel kumment ukoll dwar l-aħħar żviluppi dwar ir-referendum dwar il-kaċċa fir-Rebbiegħa. Huwa qal li l-Prim Ministru għaġġel meta qabad u ddeċieda d-data tar-referendum meta l-liġi hija ċara u tagħti dan id-dritt espressament lill-President tar-Repubblika. 

Dr. Busuttil qal li referendum huwa l-akbar forma ta’ espressjoni ta’ demokrazija diretta u jagħti l-aħħar kelma f’idejn in-nies. Il-Partit Nazzjonalista kien hu li ta dan id-dritt ta’ referendum u baqa’ jiddefendih anke matul l-aħħar sena meta l-Prim Ministru għamel kull ma seta’ biex dan ir-referendum ma jsirx - tant li kien saħansitra se jħassar l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali biex ir-referendum ma jaqbiżx turnout ta’ 50%. 

Għal dik li hija l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li issa li hu magħruf li se jsir referendum, dalgħodu stess hu ta direzzjoni biex il-Partit jibda jiddiskuti din il-kwistjoni fl-istrutturi interni tiegħu. Hekk kif dan l-eżerċizzju jitlesta, il-Partit Nazzjonalista se jħabbar id-deċiżjoni li jkun wasal għaliha. 

“Dan hu dak li wieħed jistenna minn partit dekomratiku,” qal Simon Busuttil filwaqt li qal li, dwar ir-referendum tal-kaċċa, “il-mazz issa huwa f’idejn il-poplu u l-Partit Nazzjonalista jirrispetta d-deċiżjoni tal-poplu kif dejjem għamel.” 


12.01.15

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...