19.1.15

Il-familji u n-negozji Maltin qed iħallsu 41ċ żejda għal kull litru diesel u 45ċ żejda għal kull litru petrol www.dieselupetrol.com – biex tkun taf kemm qed il-Gvern qed jeħodlok mill-but


L-Oppożizzjoni llum nediet is-sit www.dieselupetrol.com li fih wieħed jista’ jikkalkula b’mod faċli kemm qed il-Gvern qed jeħodlok mill-but kull darba li tmur fil-pompa tal-petrol u jimla l-karozza bil-petrol jew id-diesel. F’dan is-sit, wieħed jista’ jara kif dak li qed jieħu l-Gvern mhuwiex ta’ ftit ċenteżmi iżda ta’ mijiet ta’ ewro fis-sena li l-familji Maltin u Għawdxin qed ikollhom jonfquhom f’petrol jew diesel minflok biex jgħixu ħajja aħjar.
F’konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u l-Infrastruttura Marthese Portelli spjegat kif il-poplu Malti u Għawdxi qed iħallas għall-falliment ta’ Muscat. Hi ppreżentat numru ta’ fatti li jikkonfermaw dan.
Marthese Portelli qabblet il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel illum ma’ ta’ Marzu 2009, meta l-prezz internazzjonali taż-żejt kien fl-istess livelli ta’ bħalissa. Illum, il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin qed iħallsu 41ċ aktar għal kull litru diesel u 45ċ aktar għal kull litru petrol minn Marzu 2009. Dan għaliex filwaqt li f’Marzu 2009 il-prezz tal-petrol kien ta’ 97ċ u dak tad-diesel kien ta’ 94ċ, illum, il-prezz tal-petrol illum hu ta’ €1.42 u l-prezz tad-diesel hu ta’ €1.35.
“Il-Gvern għandu mill-aktar fis possibli jispjega għalfejn qed iġiegħel lill-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin iħallsu ħafna aktar milli suppost,” qalet Portelli.
Filwaqt li ppreżentat tabella (anness ma’ din l-istqarrija) li jsostnu l-argument, Marthese Portelli spjegat kif il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin, illum qed iħallsu l-istess prezz tal-petrol u d-diesel ta’ meta l-prezz internazzjonali taż-żejt kien aktar mid-doppju ta’ li hu llum, jiġifieri Diċembru 2011.
Ix-Shadow Minister spjegat kif fl-aħħar xhur, il-prezz taż-żejt kompla jinżel – xi ħaġa li qed tiġi riflessa fil-prezz tal-petrol u d-diesel fil-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea. F’Malta, iżda, l-prezz baqa’ fl-istess ilma tant li jekk wieħed iqabbel il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel bla taxxa, il-familji u n-negozji Maltin iħallsu l-ogħla prezz tal-petrol u d-diesel fl-Unjoni Ewropea.
Minn naħa tiegħu, x-Shadow Minister għad-Drittijiet taċ-Ċittadini, l-Ġustizzja u d-Demokrazija Jason Azzopardi nsista li l-Gvern, sakemm jibqa’ jwebbes rasu biex ma jraħħasx il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel, għandu jippubblika l-kuntratti li għamel għax-xiri taż-żejt.
Jason Azzopardi għamel referenza għal dak li qal il-Prim Ministru Ingliż David Cameron fil-jiem li għaddew, jiġifieri li l-pagi għandhom jiżdiedu biex jirriflettu t-tnaqqis drastiku fil-prezz internazzjonali taż-żejt. “Il-ħaddiema Maltin x’għandhom anqas mill-ħaddiema Ingliżi?” staqsa Jason Azzopardi.
Ix-Shadow Minister Azzopardi sostna li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed jinħoloq dubju jekk hux veru l-Gvern għamel kuntratti ta’ hedging għaż-żejt jew le. “Jekk veru għandu dawn il-kuntratti, l-Gvern m’għandux għalfejn jiddejjaq jippubblikahom u jinsisti bl-argument li ‘mhux fl-interess tal-poplu’, iżda għandu jispjega lill-familji Maltin u Għawdxin għalfejn qed ikollhom iħallsu l-ogħla prezz tal-fuels fl-Ewropa,” temm jgħid Jason Azzopardi.

19.01.15

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...