8.1.15

Minn ġewwa t-torri tar-renju.



1.      Il-klima politika tagħna ħadet bixra interessanti f’dawn l-aħħar jiem li beda jiltaqa’ mill-ġdid il-Parlament.  Nifhmu dejjem iktar għala l-maġġoranza ma ddejqitx li taġġorna għal żmien twil fix-xhur tas-sajf.  Il-verità hija li għall-ewwel darba, u meta tikkonsidra kollox malajr, il-Prim Ministru qiegħed isib ruħu f’pożizzjoni mhux komda ħafna.  Fit-torri ġewwa l-Berġa ta’ Kastilja ma ħadmux biżżejjed tajjeb biex jifhmu dak li kien ġej fuqu.  Għax sija l-kwistjoni taż-żieda tal-għoli tal-ħajja setgħu pprevedew, kif ukoll dik marbuta mal-bini tal-power station ġdida.  Kien inevitabbli li ser jaslu fuq dik il-venda.  Ħasbu biss meta qamu, kif għadhom għaddejjin, irwiefen qawwija fi ħdan il-poplu tagħna.  It-tgergir li kien qiegħed jinstema’ f’kantuniera u oħra issa ħareġ iktar u iktar għall-beraħ.

2.      Id-difiża għal dan kollu kien u għadu wieħed reazzjonarju.  Attakk infami, żbaljat u immorali fuq membri parlamentari tal-Oppożizzjoni.  Nifhmu dan bis-sħiħ, għax jekk ma tkunx l-Oppożizzjoni li tqajjem dawn il-punti, allura fil-baħar politiku kollox jibqa’ kalm u staġnat.  Il-linja ta’ difiża mhix dik li tagħti spjegazzjoni ċara u tara dak li l-bnedmin li qed jgħixu fuq dawn il-gżejjer qed jgħaddu minnu, imma li tipprova żżomm ħalq il-membri tal-Oppożizzjoni magħluq.  Il-Gvern irid jiggarantixxi l-istabilità tiegħu billi ma jidħolx għall-proċess ta’ djalogu u kritika li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qegħda titlob u tippretendi li ssir.  Il-politika li biha l-Prim Ministru qiegħed jiġi mpitter bħala l-kap invjolat tar-renju hija għal kollox żbaljata.

3.      Il-kwistjoni tal-power station u dak kollu marbut magħha laqqgħet diversi persuni li qegħdin jifhmu biċċa biċċa dak li m’huwiex ċar fiha.  Anzi, agħar minn hekk għad-demokrazija tagħna, hemm iktar evidenti li l-proċess ta’ trasparenza u verità li m’humiex jiġu ppratikati kif għandhom u kif il-pajjiż daqshekk żviluppat bħal tagħna jimmerita.  Għax il-mekkaniżmu tal-amministrazzjoni qiegħed flok jersaq u jressaq għad-dawl dak li għandu u dak li sar, qiegħed minflok jinħeba.  Kull min imexxi pajjiż, poplu, jaf li għandu dmir li jagħti stampa ċara u jispjega biċċa biċċa dak li għamel.  Ħadd ma jippretendi l-perfezzjoni, però nippretendu li l-verità tingħad.  Il-poplu għandu dritt li jsir jaf il-verità u ħadd ma għandu jiċħadhielu.

4.      Hemm iktar f’din il-linja l-kwistjoni tat-tmienja u ħamsin ċenteżmu (58ċ) fil-ġimgħa bħala żieda għall-ħaddiema.  Ma hemmx dubju li l-Gvern ilu jaf biha u ma sabhiex ma wiċċu.  Seta’ ħadem minn qabel biex jibdilha, iżda baqa’ le.  Ħalliha għall-aħħar u issa qiegħed jiffaċċjaha.  Dan huwa gravi għax il-Partit Laburista tela’ fil-Gvern bl-għajta li issa s-salarju tal-ħaddiem f’pajjiżna kien ser isir tajjeb daqs dak ta’ pajjżi Ewropej oħra.  Smajnieha diversi mumenti msemmija.  Ma’ kull budget, ma’ kull diskors marbut mal-klassi tal-ħaddiema din il-frażi, dan il-messaġġ, kien joħroġ ċar.  Diversi fehmu li vot lill-Gvern Laburista kien ifisser żieda qawwija fil-paga.  Minflok illum l-affarijiet huma proprju l-kontra.

5.      Il-Gvern, kif għidt, kien jaf b’dan qabel.  Kien konxju xhur ilu li l-konsegwenza ta’ dak li kien qiegħed jagħmel kien ser iġib din il-konsegwenza.  Dan, barra mill-wegħdiet li saru, huwa iktar gravi meta wieħed jara li l-Gvern Nazzjonalista li tneħħa qabel kellu d-deċenza li jżomm iż-żidiet tiegħu ferm ogħla minn dan.  Niftakru kif il-Prim Ministru attwali deherlu li għandu jdaħħal feles u sejf fuq żieda ferm differenti.  Niftakru li ħass li dak li kien qiegħed jiġi stabbilit fi kriżi finanzjarja ferm iktar qawwija, diffiċli u komplikata minn dik tal-lum jimmerita li jniżżel in-nies fit-toroq jipprotestaw.  Il-kuntrasti huma ċari.  Ċari iktar u iktar meta issa ġejja b’mod dirett pożizzjoni fejn il-paga tal-ħaddiem ser tiġi effettivament iffriżata.  Għall-ewwel darba f’ħamsa u għoxrin sena l-ħaddiem ser jibqa’ wieqaf fejn kien.

6.      Dan jista’ jkun li m’għandux rilevanza għal min issa għalaq lilu nnifsu fit-torri ta’ Kastilja.  Però, għall-klassi tal-ħaddiema, għal min qiegħed minn taħt, dan għandu.  Għandu direttament fl-ammonti u issa jkollu l-effett negattiv l-ieħor li l-mobilità tonqos u l-valur fis-suq tax-xogħol jinżel fid-dinamiċità tiegħu.  Ħaddiem ser isibha iktar diffiċli biex jidħol fid-dinja tax-xogħol jekk mhux b’kundizzjonijiet dettati minn suq wieqaf.  Mhux biss.  Ser ikollu iktar kumplikazzjonijiet biex jipprova jinnegozja pakketti ta’ salarji differenti.  Li huwa żgur hu li tul is-sena li ġejja pajjiżna ser jara tnaqqisiet oħra fil-kamp ekonomiku li jolqtu l-ewwel lill-ħaddiem u dawk li huma minn taħt.  Dan iktar u iktar meta minn dak li qed nifhmu, iż-żmiemel tal-battalja tal-Gvern ser ikun kif jaqla’ ‘l barra lil dawk li qed jirreġistraw.  Hawn issa żvilupp iktar kumplikat.  Żgur mhux forsi, min qiegħed minn taħt ser jibqa’ iktar hemm.  Mhux biss, imma iktar ċert li min qiegħed ġewwa t-torri tar-renju ser jinteressah iktar kif ma jgħidx u ma jiffaċċjax il-verità tal-istat attwali tal-affarijiet u minflok iħares li jipperswadi n-nies kemm kollox huwa tajjeb.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...