8.1.15

Eżerċizzji fir-riklami politiċi


1.      Forsi għandna nammettu li konna drajna li l-affarijiet isiru bis-serjetà.  Drajna nippretendu aġir korrett, fejn il-Gvern jagħti rendikont.  Drajna naraw pjan soċjo-ekonomiku jiżviluppa quddiemna.  Tant il-Partit Nazzjonalista ħadem f’din it-triq, li meta l-poplu jara l-kontra ma jkunx jista’ jifhem x’għaddej verament.  Tant l-aġenda politika ta’ dan il-Gvern hija bażata fuq l-immaġini iktar milli fuq is-sustanza tal-miżuri li qiegħed iressaq li mhux qegħdin jitwemmnu.  Hemm nuqqas ta’ kredibilità f’dak li qiegħed isir u min qiegħed iwettqu.

2.      Ma’ kull ġurnata, l-immaġini tal-Gvern qegħda tieħu daqqa ta’ ħarta.  F’ħabta u sabta ħareġ mill-perjodu tal-bidu ta’ kull leġislatur fejn dak li jkun qiegħed iwettaq jittieħed f’dawl tajjeb.  F’dawn l-aħħar xhur, minn meta sareb il-bidla fil-membri tal-Kabinett, l-affarijiet bdew sejrin lura sistematikament.  Verament, ma tgħaddix ġurnata li ma toħroġx waħda kompletament ġdida.  Miżuri jmorru żmerċ, ministri jsibu ruħhom fejn ma għandhomx, jagħmlux dak li ma għandhomx.  Meta wieħed jikkonsidra kemm ingħad qabel l-elezzjoni ġenerali u dak li qiegħed minflok iseħħ wara, allura nifhmu aktar u aktar kemm hemm bżonn interventi mill-Prim Ministru nnifsu biex jipprova jibdel il-burdata żbaljata li hawn preżentement.

3.      Nhar it-Tnejn ġie u għadda.  Kien il-mument meta issa l-Gvern Laburista għandu għad-dispożizzjoni tiegħu l-pajjiż u l-finanzi tiegħu, u għalhekk kellna nibdew naraw dak li huwa ġej.  Nibdew naraw it-tfassil ta’ pjan soċjo-ekonomiku li jmexxi ‘l-pajjiż ‘il quddiem.  Dan minflok ma seħħx.  Seħħ proprju l-kontra.  Flok kien dirett u jħares ‘il quddiem, kien fit-tul u jara biss tal-lum.  Għamilt id-diskors nisma’, naqra dak li ngħatajt u nanalizza.  Kelli ħin għad-dispożizzjoni.  Kelli żżejjed għax dak li ngħad ġie espost ħażin.  Ingħadu diversi miżuri li diġà seħħew.  Oħrajn li ma jistgħux iseħħu, diversi oħra li ħadd ma jista’ jifhem il-bidu u t-tmiem tagħhom.

4.      Żgur mhux forsi, kien hemm numru ta’ punti li jibqgħu assolutament immarkati f’moħħ diversi.  L-ewwel, it-tul esaġerat kien immarkat sabiex jimpressjona.  Jimpressjona lil dawk li sfortunatament ma jifhmux kemm qiegħed suppost isir xogħol.  It-tieni, kien hemm immarkati diversi piżijiet ekonomiċi u soċjali li nħbew taħt ħaġa jew oħra.  Nitkellmu mill-inqas fuq dak li jaqta’ u ngħidu kemm nifilħu fuq dak li suppost ser iċaqlaq l-affarijiet ‘il quddiem.  It-tielet, kien hemm impostazzjoni li tipprova turi lill-Gvern bħala wieħed favur l-ispekulaturi u dawk li għandhom il-flus.  Tipprova tidher li hija favur dawk li qegħdin fin-negozju u kontra dawk li qegħdin ‘l isfel fis-soċjetà tagħna.

5.      Diġà rajna xi ħaġa simili s-sena li għaddiet meta s-sitwazzjoni ma kenitx daqshekk gravi.  Il-poplu issa beda jduq lil dan il-Gvern u allura hemm, f’numru ta’ setturi determinanti għalih, rabja.  Waħda li toħroġ minn raġunijiet varji, l-iktar evidenti li d-disparità bejn min għandu u min m’għandux kibret sew.  Hemm diversi li qegħdin komdi u ħafna oħrajn le.  Hemm ħafna li daħlu jridu jieklu kemm jifilħu mil-laħam malajr malajr u oħrajn li tħallew barra kompletament.  Hemm ħafna li ma tistax tkellimhom għax telgħu waħda tant ‘il fuq li ħadd ma jista’ jmisshom, mentri hemm iktar li qegħdin ‘l isfel jistennew.  Dan huwa li l-ħbieb tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru qed jifhemu u għalhekk ħarġu bil-bżonn, iktar minn dak li jafu jagħtu, riklami u riklami.

6.      Il-ħsieb huwa ċar.  Ma tagħtix risposti ċari iżda taħrab min-niex billi tkompli tiġbdilhom saqajhom.  Flok taffronta l-problemi, tkompli tmexxihom għall-ġurnata li ġejja.  Il-pajjiż jista’ jisma’ però ma jfissirx li sejjer jemmen dak li qiegħed jingħadlu.  Il-poplu ġie bbumbardjat minn lista twila ta’ dak li suppost sejjer isir mingħajr ma fehem sewwasew fejn u kif sejjer jintlaqat minnu.  Ħafna qamu filgħodu u ġew kontinwament infurmati kemm id-dokument huwa tajjeb, mingħajr spjegazzjoni vera.  Ingħad wisq.  Biss, dan mhuwiex poplu li lest li jaċċetta kollox mingħajr ma jqis sew l-affarijiet.  Dan huwa pajjiż fejn dak li jingħad jitkejjel fit-tul.  Ir-riklami jiġu u jmorru.  Jistgħu juru ħaġa u jistgħu juru oħra, imma mhux dak li jaffettwa.  Jaffettwa dak li jkun qiegħed verament iseħħ.  U hawn il-Gvern qiegħed ifalli.












   

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...