8.1.15

Il-politika tinbidel.



1.      Ħafna huma dawk li ma jkollhomx il-ħin, jew aħjar ma jinġibdux, biex jaraw x’inhuwa għaddej fil-politika.  F’dik il-politika nazzjonali, f’dik Ewropea jew internazzjonali li jibdlu u jinbidlu.  Min imexxi pajjiż, min għandu r-responsabbiltà jibdel daqqa ‘l fuq u daqqa ‘l isfel.  Jifforma l-għaġna ta’ kif il-politika tkun jew għas-servizz tal-poplu jew għas-servizz tal-istess persuni li jmexxu ‘l-pajjiż.  Hemm taħlita bejn dawn iż-żewġ elementi li jvarjaw skont il-Gvern tal-jum u skont il-bnedmin li jiffurmawh.  Dawn l-aħħar xhur servew ferm u ferm iktar sabiex it-timbru ta’ din l-amministrazzjoni joħroġ f’kuntrasti akbar ma’ dawk ta’ qabel.

2.      Fil-politika lkoll nafu li hemm min jaħdem għas-sewwa u hemm ukoll dawk li m’humiex interessati f’xejn ħlief li jibqgħu fil-poter.  Dan apparti minn dawk li fi grad ikbar jorbtu qalbhom mal-poter tant li lesti li jagħmlu m inn kollox, huwa x’inhuwa, l-aqwa li jibqgħu hemm.  F’dawn il-jiem il-poplu sab lilu nnifsu jrid iqabbel bilfors bejn dak li dara li jkollu u dak li għandu llum.  Hemm differenzi li qed joħorġu bejn il-mod tajjeb li bih il-pajjż kien amministrat u l-mod ferm inqas li bih qiegħed għaddej illum.  Sfortunatament, il-pożizzjoni aggravat ferm ruħha.  L-istat tal-affarijiet tal-pajjiż hu li m’humiex sejrin għall-aħjar, iżda sejrin biċċa biċċa lura.

3.      Meta l-Gvern jibda jaħrab mill-kumplikazzjonijiet u jibda jittama li ż-żmien ser ineħħihomlu tibda t-triq li ma tistax tmur lura minnha.  Jista’ jkollok ta’ madwarek jgħidulek kemm inti tajjeb, jew tista’ ddur tara kemm għandek nies iċapċpulek, biss dan m’huwiex biżżejjed.  M’huwiex biżżejjed li tibni l-politika tiegħek fuq dak li jidher fuq ir-reklami, fuq l-aljenazzjonijiet jew il-battuti faċli.  Trid tifhem aktar.  Il-bilanċ bejn dak li tagħmel u dak li qiegħed tgħid li qed tagħmel huwa essenzjali f’soċjetà li tħares lejn il-politiċi bħala dawk li jagħtu eżempju u qed jaħdmu għas-sewwa.  Dak li pprova jwettaq il-Ministru tal-Finanzi b’diskors ta’ siegħat twal b’elenku ta’ proposti żbaljatament imħallta llum huwa midfun.

4.      L-eventi li seħħew f’dawn l-erba’ ġimgħat biddlu: l-ewwel, l-istorja ta’ dan il-Gvern; it-tieni, biddlu waħda sew il-mod ta’ kif kienet qegħda ssir il-politika.  Isir xi jsir iktar ‘il quddiem, il-marka ġiet mogħtija.  Il-pajjiż kien diġà aċċetta li għandu amministrazzjoni mingħajr esperjenza u għamel xhur twal jiskuża ħaġa u jiskuża oħra, però issa fehem li s-sitwazzjoni hija ferm iktar gravi.  Mhix sempliċi innoċenza politika, hija anzi stil differenti ta’ kif twettaq il-politika.  Dan ser jibdel minnu nnifsu ħafna.  Diġà beda jdaħħal metodi ġodda li permezz tagħhom min ser jiġi f’amministrazzjonijiet oħra ser ikun ikkundizzjonat minnhom.  Ikkundizzjonat b’eżempji ħżiena li fil-politika tad-dinja moderna dawk li jridu jimxu ‘l quddiem warrbu.  Issa minflok qed naraw li dak li huwa żbaljat, flok jiġi korrett, jibqa’ jiġi sostnut.

5.      Il-politika f’pajjiżna sfortunatament inbidlet sew u għal toroq li politiċi f’soċjetà moderna m’għandhomx isegwu.  Dan huwa żgur ta’ dwejjaq għax altru dak li ħasbu u ttamaw li ser ikollna, u altru x’għandna.  Ngħidu x’ngħidu aħna bħala Oppożizzjoni hemm il-vuċi tal-poplu li qed tiġma u tinstemgħa.  Inħobb naħseb it-tajjeb f’dak li jkun.  Inħobb nara l-faċċata ottimista tal-paġni politiċi, per hawn is-sitwazzjoni mhix hekk.  It-tmexxija preżenti tilfet kontroll ma’ dawk li qegħdin fuq.  Magħha ta’ taħt jieħdu eżempju u huma wkoll jiċċaqilqu fl-eżempji l-ħżiena.  Jekk wara wieħed u għoxrin xahar dħalna diġà għal dan kollu, il-futur ma jidhirx li ser jagħtina differenzi, iżda agħar milli kellna.  Wara dawn l-inċidenti kollha ser nimmarkaw dejjem iktar li l-politika nbidel għall-agħar u ser ikun diffiċli ħafna biex terġa’ ġġibha lura f’postha.




No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...