21.1.15

Konferenza tal-aħbarijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil dwar ir-referendum tal-kaċċa Is-Sibt 17 ta’ Jannar 2015.


“Se nivvota favur id-deroga li ġibna aħna stess” - Simon Busuttil 

Hekk kif tħabbret id-data tar-referendum dwar il-kaċċa, nhar it-Tnejn li għadda, jien tajt struzzjonijiet sabiex l-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista jibdew minnufih jiddiskutu r-referendum dwar il-kaċċa. L-istrutturi tal-partit iltaqgħu u ttieħdet deċiżjoni li se nħabbar illum. 

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ r-referendum għax jemmen fid-demokrazija

Aħna nilqgħu r-referendum bħala l-għola forma ta’ espressjoni demokratika. Ir-referendum huwa possibbli għaliex f’pajjiżna għandna liġi - li daħħalha l-Partit Nazzjonalista - li tagħti d-dritt lill-poplu Malti jiddeċiedi jekk iridx ineħħi liġi tal-pajjiż. Dan id-dritt se jintuża għall-ewwel darba fil-11 t’April fir-referendum dwar il-kaċċa.

Għaliex se jsir referendum?

Il-kaċċa fir-Rebbiegħa tista ssir hawn Malta għaliex il-Partit Nazzjonalista innegozja mal-Unjoni Ewropea biex, permezz ta’ deroga mil-liġi Ewropea, il-kaċċa tkun tista titħalla ssir fir-Rebbiegħa għal perjodu limitat u b’mod kontrollat. Dan ġie negozjat qabel sħubija u ddefendejnih anki wara sħubija, saħansitra fil-Qorti Ewropea li qatgħhetha li f’Malta tista’ ssir kaċċa fir-Rebbiegħa sakemm tkun limitata u kontrollata. 

Għaliex innegozjajna d-deroga?

Għamilna dan biex meta pajjiżna jiddeċiedi jridx jissieħeb fl-Unjoni Ewropea, fir-referendum li sar tnax-il sena ilu, ma nħallu lil ħadd barra - lanqas lill-kaċċaturi. Ejja ma ninsewx li Joseph Muscat u l-Partit Laburista kienu kontra sħubija u r-referendum għadda bi ftit - 54% biss. Jien nistaqsi: kieku ma ġibniex din id-deroga, konna nkunu fl-Unjoni Ewropea? Jista jkun. Imma r-riskju li nibqgħu barra, kif ried Joseph Muscat, kien riskju kbir wisq, li ma ridniex nieħduh. Għalhekk innegozjajna biex il-kaċċa fir-Rebbiegħa tibqa’. 

Innegozjajna wkoll għal raġuni oħra, li hija daqstant importanti: ridna nsibu bilanċ bejn il-ħarsien tal-ambjent u kaċċa limitata għax nemmnu li fis-soċjetà tagħna m’għandux kollox ikun jew estrem jew ieħor, jew ħafna jew xejn, iżda bilanċ bejn l-interessi differenti ta’ dawk favur l-ambjent u dawk li għandhom id-delizzju tal-kaċċa. Għalina, kulħadd għandu jkollu l-possibilità li jipprattika d-delizzju tiegħu, sakemm ma jiksirx il-liġi u b’rispett lejn l-ambjent. U l-bilanċ sibnih. Tant sibna bilanċ li ħadd ma qatt qajjem ir-referendum dwar il-kaċċa taħt Gvern Nazzjonalista - għax kien hemm bilanċ ġust.

Jien kont parti mill-Grupp ta’ Negozjaturi li nnegozjajna biex inkunu nistgħu nużaw id-deroga. U wara li dħalna, insistejt mal-Gvern Nazzjonalista li dak li wiegħed lill-kaċċaturi għandu jwettqu - għax għalija meta tagħti kelma, iżżommhaDin hija s-sitwazzjoni kif ħallejniha aħna.

Allura għaliex wasalna għal dan ir-referendum? 

Ma kellniex ghalfejn naslu s’hawn. Ir-referendum tqajjem biss taħt Gvern Laburista - għax Joseph Muscat kisser il-bilanċ li kellna, sempliċement biex jirbaħ il-voti u l-elezzjoni, għall-opportuniżmu politiku tiegħu. Dan ir-referendum se jsir għaliex Joseph Muscat użu lill-kaċċaturi kif użu ħafna setturi oħra biex jirbaħ il-voti, inkluż lill-ambjentalisti. Għal bosta snin, il-Partit Laburista xewwex lill-kaċċaturi kontra d-deroga li ġibna aħna u allura kontra l-Partit Nazzjonalista. Dan wassal biex ħafna kaċċaturi vvutaw għall-Partit Laburista u malli tela’ numru żgħir minnhom ħassew li issa jistgħu jagħmlu li jridu - għax issa hawn il-Labour. Terġa, il-Gvern Laburista kisser is-sistema ta’ infurzar billi sparpalja l-ALE - it-taqsima tal-infurzar tal-Pulizija - u b’hekk ta lok għal ħafna abbużi li ma kienux jitħallew taħtna. Din hi l-verità sagrosanta. Għalhekk inġabru l-firem li wasslu għar-referendum tal-11 t’April. Għax Joseph Muscat uża lill-kaċċaturi, xewwixhom kontra d-deroga, ħadilhom il-vot u issa se jmur jivvota għall-istess deroga li ġibna aħna. Joseph Muscat se jivvota għad-deroga li ġibna aħna. U llum il-kaċċaturi mhux talli mhux se jagħtihom aktar, talli jistgħu jitilfu dak li għandhom. 

Il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista

Fuq talba tiegħi, din il-ġimgħa il-Partit Nazzjonalista laqqa’ l-istrutturi tiegħu biex jiddiskutu u jiddeċiedu dwar ir-referendum. Aħna m’aħniex partit komunista fejn jaqbad u jiddeċiedi l-Kap għal kulħadd. Aħna l-ewwel niddiskutu u wara niddeċiedu, kif wieħed jistenna minn partit tassew demokratiku. 

Il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista hija li, la darba id-deċiżjoni fir-referendum hija f’idejn il-poplu u mhux f’idejn il-politiċi, għandu jkun il-poplu li jiddeċiedi b’mod liberu mingħajr ma jiġi influwenzat mill-partit politiċi. 

Għaldaqstant il-Partit Nazzjonalista se jħalli lil kulħadd liberu jivvota kif jixtieq. Dan ifisser li l-Partit Nazzjonalista mhux se jikkampanja f’dan ir-referendum u se jagħti spazju anki fuq il-mezzi tax-xandir tiegħu lil kull min irid jesprimi ruħu, jew naħa, jew oħra. 

La darba l-aħħar kelma issa hija f’idejn il-poplu, il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-poplu sabiex jeżerċita d-dritt u l-obbligu ċiviku tiegħu u jivvota fir-referendum, kif jixtieq. 

Dan id-dritt għandu jingħata wkoll liż-żgħażagħ kollha li għalqu s-sittax-il sena għaliex iż-żgħażagħ se jkunu hawn warajna. Jekk Joseph Muscat tassew jemmen li ż-żgħażagħ ta’ sittax-il sena huma kapaċi jivvutaw fil-Kunsilli Lokali, allura suppost li m’għandu jkollu l-ebda raġuni għaliex ma jagħtihomx il-vot ukoll fir-referendum. Imma kemm Joseph Muscat tassew jemmen fil-vot 16 għad irridu naraw.

Irrid nagħmilha ċara minn issa li l-Partit Nazzjonalista se jirrispetta d-deċiżjoni tal-poplu, tkun xi tkun, kemm issa kif ukoll meta jkun fil-Gvern.

Il-pożizzjoni tiegħi bħala Kap tal-Partit

La darba din hi l-pożizzjoni tal-partit, tqum il-kwistjoni ta’ kif jien, il-Kap tal-Partit, se nivvota personalment. 

Jiena nemmen li anki meta l-partiti jieħdu pass lura, il-poplu għandu dritt ikun jaf x’naħseb jien u kif se nivvota, għaliex jien mhux ċittadin kwalunkwe imma Kap ta’ partit u kulħadd għandu jkun jaf fejn qiegħed miegħi. 

Il-pożizzjoni tiegħi hija din: Jiena mhux kaċċatur u nħobb l-ambjent u l-annimali. Imma jien kont personalment involut fin-negozjati. Jiena kont involut biex pajjiżna jakkwista d-dritt li nużaw id-deroga. Din id-deroga ma ġabiex Joseph Muscat. Din id-deroga ġibniha aħna. Ġibtha jien ukoll - għax kien hemm bżonnha. Wara li ġibniha jiena ddefendejtha għal snin twal, kemm hawn Malta kif ukoll fi Brussell. Għamilt dan għax għalija il-kelma hija kelma u ma tmurx lura minnha - u meta ngħid li l-politika għandha tkun politika onesta, dan hu dak li nfisser.

Għaldaqstant, b’konsistenza ma dan, fir-referendum, jiena se nivvota FAVUR id-deroga li tippermetti kaċċa b’mod limitat u kontrollat fir-Rebbiegħa. 

Jien se nivvota favur id-deroga li ġibna aħna stess, għaliex konsistenti. Joseph Muscat se jivvota favur id-deroga li ġibna aħna, wara li tant xewwex kontriha, għaliex huwa opportunist. 

Il-fatt li jien se nivvota favur id-deroga ma jfissirx li jiena favur l-abbużi. Bil-maqlub: jiena favur id-deroga proprju għaliex irrid staġun limitat u kontrollat u mhux kaċċa bla kontrolli. Il-kaċċaturi li jagħmlu l-ħniżrijiet mhu se jsibu l-ebda kenn mingħandi: la llum u lanqas meta nkunu fil-Gvern. 

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...