Ma nistgħux inħallu lill-Gvern jisraq lin-nies kull darba
li jmorru jagħtu l-petrol jew id-diesel lill-karozza u jħallsu għall-falliment
ta’ Muscat. Din xi ħaġa li tolqot il-but tal-familji Maltin u Għawdxin u
l-Oppożizzjoni mhix se toqgħod kwieta sakemm tara dan is-serq sfaċċat jispiċċa.
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil
waqt laqgħa tradizzjonali li jorganizza l-Partit Nazzjonalista fil-bidu ta’
kull sena f’Għawdex.
Simon Busuttil tkellem ukoll dwar is-settur tas-saħħa u
qal li minkejja li Muscat qed jiġi jaqa u jqum mid-dinjità tal-pazjent,
l-Oppożizzjoni se tkompli taħdem biex dan is-settur jiġi ndirizzat mill-aktar
fis possibli, u titkellem ukoll dwar stili ta’ ħajja b’saħħithom u prevenzjoni.
Fuq dawn l-oqsma diġà hemm ix-Shadow Ministers li nħatru
fil-jiem li għaddew li qed jaħdmu biex il-politika tal-Partit Nazzjonalista
tinħass aktar fil-ħajja tan-nies. Dwar ir-reshuffle, Simon Busuttil qal li dan
sar bil-ħsieb li l-ħidma tal-Oppożizzjoni tkun iffukata u kkordinata tajjeb.
Dwar ir-referendum tal-kaċċa, Simon Busuttil reġa’ spjega
l-pożizzjoni tiegħu u fakkar li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jieħu pass
lura mid-diskussjoni biex ikunu n-nies li jiddeċiedu l-vot tagħhom. Hu sostna
li hu se jkun qed jivvota favur id-deroga li nkisbet mill-Gvern Nazzjonalista
għaliex huwa konsistenti. Minn naħa l-oħra, Joseph Muscat se jivvota favur
id-deroga li tant xewwex kontriha għaliex huwa opportunist.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar
l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali li se ssir fil-11 ta’ April u filwaqt li sostna
li diġà bdew jiġu approvati l-kandidati, bdiet il-ħidma wkoll fuq it-tfassil
tal-programmi elettorali għal-lokalitajiet. “Minkejja li l-Gvern Laburista jrid
li joħnoq il-Kunsilli Lokali, aħna rridu nispjegaw lir-residenti x’beħsiebna
nagħmlu fil-lokalitajiet,” sostna Simon Busuttil.
18.01.15
No comments:
Post a Comment