15.1.15

Fejn sejra d-dinja.



1.      Dak li ġara f’dawn il-jiem ġewwa Pariġi għandu jżommna naħsbu u nirriflettu fuq dak li għaddej bħalissa fid-dinja.  Il-qtil ta’ persuni, bnedmin bħalna kiesaħ u biered, f’attakk terroristiku motivat fuq il-premessi żbaljati jitlob li nieqfu aħna wkoll.  Franza il-Ħamis li għadda waqfet f’jum ta’ luttu.  Jum fejn il-pajjiż waqaf jara, jirrifletti ujaħseb x’għandu jkun l-aġir ta’ bnedmin li ma jaqblux ma’ dan.  Kif għandu jwieġeb il-bniedem demokratiku, in-nisrani quddiem attakki barbari li huma daqqa ta’ ħarta.  Daqqa għas-sewwa li lkoll naħdmu għalih, fil-Parlament Ewropew tal-pajjiżi membri.  Id-dritt li wieħed jikteb l-opinjoni tiegħu, li jesprimi f’dak li huwa d-dritt tal-espressjoni huwa fundamentali bħala pediment ta’ dak li aħna u ta’ dak li rridu nkomplu nkunu.

2.      Ma hemm ebda raġuni taħt il-kappa tax-xemx li xi ħadd jista’ qatt iressaq biex jipprova, b’xi mod, jiġġustifika dan l-att ta’ krudeltà, ta’ barbariżmu.  Il-ħażen, ħażen jibqa’.  Min jipprattikah ma jistax jiġġustifikah.  Minnu ma jitwieled assolutament xejn, ħlief xewk u tbatija għall-oħrajn.  Ir-realtà li għaddejjin minnha llum nafuha lkoll.  Nafu kemm hija diffiċli u kkumplikata.  Biss, il-bilanċ bejn is-sigurtà u l-libertà jrid jibqa’ jiġi miżmum hawn ukoll.  Bnedmin aħna u f’dan m’aħniex invinċibbli.  Nagħmlu minn kollox biex inżommu sitwazzjonijiet bħal dawn, biss m’għandniex b’xi mod niċħdu dak li aħna.  Ma nistgħux insiru bnedmin jgħixu fi stat fejn il-libertà tagħna tintilef lejn toroq li pajjiżi dittatorjali għandhom.  Il-qafas demokratiku hemm huwa.  Huwa l-itjeb li nistgħu nibnu bħala bnedmin, però nafu li huwa faċli li tabbuża minnha.

3.      Dak li ġara f’Pariġi, ma nilludux lilna nfusna, jista’ jiġri f’kull belt, f’kull raħal fit-territorju Ewropew, b’mod partikolari f’dawk fl-Unjoni Ewropea.  L-aġir estremista ta’ bnedmin għax jimmaġinaw li għandhom dritt li jaġixxu b’dan il-mod insibuh imferrex.  Ir-radikaliżmu u l-fundamentaliżmu ta’ kull forma u tip, ġej min fejn ġej, huwa żbaljat.  Żgur mhux forsi jkun żball tagħna li nħawdu l-affarijiet.  Li nħawdu l-kunċetti bejn dak li hija l-verità u dik li hija l-perċezzjoni huwa f’din it-triq.  Minn jiddikjara ruħu parti  mill-Iżlam f’din id-direzzjoni huwa proprju ‘l-kontra.  Kull min jaf il-fatti u jagħraf il-messaġġi jaf li l-Iżlam m’huwiex kif qiegħed jiġi mġinġi.  Il-messaġġ m’huwiex dak li qiegħed jidher.

4.      Hemm differenzi fil-kredu, f’dak li jingħad bejn dak li ilhom sekli twal dawn iż-żewġ reliġjonijiet.  Bejn dik nisranija u dik musulmana, però dan ma jfissirx li ma għandniex u anqas ma aħna kapaċi ngħixu fl-istess territorju Ewropew.  Illum ilkoll nafu li hemm min kien musulman u sar nisrani, u min ‘il-kontra.  Biss dan ma jfissirx li għandha tkun kaġun ta’ qtil, ġlied u konflitti.  Kull persuna, ġej min fejn ġej, għandu dritt li jgħix u li jipprattika r-reliġjon li jħaddan.  Ħadd ma għandu d-dritt li jiċħad dritt li jgħix u jipprattika r-reliġjon li jħaddan.  Ħadd ma għandu d-dritt li jiċħadlu dan id-dritt fundamentali.  Ħadd ma għandu d-dritt li jiċħdu minn din l-arja essenzjali għal diversi fl-eżistenza tagħhom.  Iktar u iktar ġewwa art tant mimlija tolleranza bħal dik Franċiża.

5.      F’dan il-Ħadd partikolari rridu nirriflettu żgur fuq li seħħ, fuq dak li huwa għaddej, però iktar minn hekk fuq dak li ser isir.  Pajjiżna huwa parti mit-territorju Ewropew.  Huwa parti mir-riskji sħaħ li jgħaddu minnhom l-oħrajn u m’għandniex xi protezzjoni speċjali li oħrajn m’għandomx.  Għandna għalhekk nirreġistraw iktar li nifhmu x’inhuma r-raġunijiet li jwasslu għal dawn l-atti diżumani.  Nifhmu iktar ir-realtà, l-ideat tal-oħrajn u nassiguraw iktar diskussjoni u iktar djalogu fuq dan is-suġġett.  Pajjiżna għandu komunità li qegħda tinbidel, però xorta jibqa’ wieħed sod mal-valuri nsara.  Jibqa’ wieħed li jidentifika ruħu ma’ dak li ħallew missirijietna. Jibqa’ wieħed li huwa marbut u jemmen li mhux li jkun ateju.  Iċ-ċentralità tal-pedamenti nsara jibqgħu f’diversi bnedmin li qed jgħixu f’dawn il-gżejjer.  Biss dan ma jfissirx li jiċħddu l-preżenza u l-ħidma tajba ta’ persuni u fidijiet oħra.

6.      Id-dinja qabdet triq diffiċli u komplikata, żgur mhux forsi.  Biss dan ma jfissirx li għandna nitilfu dak li aħna biex inwieġbu għall-aġir żbaljat ta’ ħaddieħor.  Aħna nibqgħu pajjiż demokratiku, nibqgħu nies li nagħtu iktar importanza lil-libertà milli r-restrizzjonijiet tagħha, nibqgħu dawk li jemmnu u jħaddnu l-valuri nsara.  Ikun żball jekk aħna wkoll immorru lejn xi forma ta’ estremiżmu u niċħdu jew inbiddlu dan kollu.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...