19.1.15

Elezzjonijiet Griegi determinanti.



1.      Fl-aħħar tas-sena li għaddiet ġraw eventi li minnhom l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari ż-Żona Ewro, ser ikollhom konsegwenzi.  F’Diċembru li għadda, il-Prim Ministru attwali Antonis Samaras iddeċieda li jċaqlaq ‘il quddiem il-vot għall-President tar-Repubblika Grieg.  Fi tlett laqgħat tal-parlament, il-maġġoranza mitluba mill-kostituzzjoni ma ntlaħqitx.  Il-kandidat Stavros Dimas kellu l-appoġġ ta’ żewġ partiti fuq iċ-ċentru, wieħed in-ND (Demokrazija Ġdida), partit fuq iċ-ċentru lemin parti mill-Partit Popolari Ewropew u l-PASOK (Partit Soċjalista), partit fuq iċ-ċentru xellug parti mis-Soċjalisti Ewropej.  Minkejja dan l-appoġġ, in-numri ma kienux biżżejjed u fid-29 ta’ Diċembru 2014 il-maġġoranza ma ntlaħqitx.

2.      L-effetti immedjati u diretti ta’ dan huma differenti u varji.  Il-pajjiż ser imur għall-elezzjonijiet ġenerali.  Dan fih innifsu ma għandux jinkwetana, meta nafu li l-Greċja huwa pajjiż fl-Ewropa li jħaddan l-istess liġijiet u garanziji demokratiċi li aħna lkoll għandna.  Biss, din id-darba l-affarijiet juru lihemm riskji akbar li jħarsu u jolqtu l-istabilitajiet politiċi preżenti, kif ukoll li jattakkaw dik ekonomika.  L-istabilità politika għax jidher li l-poter miċ-ċentru moderat ser imur lejn l-estremiżmu.  Ser imur l-ewwel lejn ix-xellug, għax il-partit magħrufa bħala “Syriza” immexxi minn Alexis Tsipras qiegħed fuq quddien tal-kunsens elettorali bi kwazi 25%.  Mhux biss, imma anki fuq il-lemin estrem, ix-XA (Sebħ Ġdid) tielgħa huwa wkoll minkejja li diversi mill-mexxejja tiegħu jinsabu l-ħabs akkużati b’reati.

3.      Għall-aħbar li l-partit Syriza ser ikollu f’idejh il-possibiltà tal-poter u li jifforma Gvern ġieb u għadu qiegħed iġib inkwiet kbir.  Dan huwa marbut mal-fatt li dan il-partit ilu jitkellem kontra l-miżuri ta’ awsterità eknomika li dan il-pajjiż ilu għaddej bihom għal dawn l-aħħar ħames snin.  Diversi persuni tilfu jew ras inqas fil-pensjoni tagħhom u dan apparti lista ta’ miżuri li wasslu għal iktar kumplikazzjonijiet fil-ħajjiet tal-bnedmin.  Hemm min qata’ qalbu, diversi għaddejjin minn pożizzjonijiet fejn il-faqar laħaqhom.  Reazzjonijiet simili wieħed jistenna, speċjalment meta nafu lkoll li l-figuri ekonomiċi, diversi drabi jinjoraw il-fattur uman.  Ħafna, li bħali qraw il-kotba ta’ Joseph Stigliz, jafu kemm id-dinja rat minn dawn il-programmi li huma mfassla mhux għall-bnedmin iżda għal magni.

4.      Biss, il-bnedmin ma humiex, ma jistgħux isiru magni.  Imperfetti jibqgħu, bil-bżonnijiet u  n-neċessitajiet partikolari tagħhom.  Kif nafu dejjem, dak li jsir ma jolqotx lil kulħadd l-istess.  Hemm min jibqa’ għaddej.  Is-soċjetà tibqa’ tiġi maqsuma f’biċċiet varji u differenti.  Dak li jidher li qiegħed jieħu post il-partit tax-xellug moderat, li issa niżel viċin il-5% biss qiegħed iwieġeb għall-għajta ta’ dawk li jridu jittamaw li l-pożizzjoni tagħhom ser tinbidel u ma jibqgħux fejn huma.  Huwa ċar li l-PASOK, anki bid-dħul lura tal-veteran George Papandreou, li għandi opinjoni tajba u li kelli x-xorti li niltaqa’ u nkellem fit-tul, mhix sejra tibdel wisq is-sitwazzjoni.  Il-pajjiż sejjer lejn tmexxija politika li l-Ewropea ilha ħafna snin ma tara.

5.      L-Ewropa prinċipalment immexxija mill-Ġermanja tidher li qed issabbat diġà l-kotba.  Diġà hija ċara li l-mewġa ta’ solidarjetà u appoġġ li rajna ftit snin ilu meta pajjiżi varji, fosthom tagħna, ħarġu u għamlu tajjeb għalihom. Il-klima ekonomika hija li issa wasal iż-żmien li l-azzjoni tajba li saret fil-passat bi prezz għoli tiġi mħallsa lura.  Dan ma jidhirx li jista’ jew ser isir b’bidla ta’ poter fil-Greċja.  Għalhekk beda diskors li ma hemmx triq oħra għal dak il-pajjiż ħlief li jara x’ser jagħmel.  Joħroġ miż-Żona Ewro, li lkoll nafu li ma jistax isir.  Dan il-kliem qiegħed iħawwad ulterjorment il-pożizzjoni.  Id-dinja taf li pożizzjonijiet estremi iktar estremiżmu jġibu u ma jwasslux għat-toroq fin-nofs.  Dħalna f’nofs konfużjoni ta’ ħsieb u direzzjoni li ma hi tajba għal ħadd.

6.      Diġà l-Ewropa għaddejja minn perjodu twil fejn l-inflazzjoni hija negattiva u l-pronostiċi huma li sejrin lejn iktar.  Dan bil-Bank Ċentrali Ewropew, immexxi mill-president intelliġenti mario Draghi f’pożizzjoni ta’ kważi statiċità ma jurux ħafna tamiet għall-futur.  L-elezzjonijiet griegi ser isiru fil-25 ta’ Jannar.  L-Ewropa għandha aktar ħin f’idejha li tifhem li trid tara dak li ġej għal fuqha u tipprova taħirbu jew tnaqqsu.  Bl-Unjoni u biż-Żona Ewro nafu li  hemm konsegwenzi li fihom il-pajjiżi għandhom idejhom marbuta ma’ xulxin.  Jinżel wieħed, jiġbed dejjem lill-ieħor miegħu.  Iktar minn diskors iebes, jaf ikun aħjar li nħarsu lejn iktar djalogu u diskussjoni.  Il-forzi politiċi, ġejjin minn fejn ġejjin, iridu jifhmu li kull azzjoni tagħhom iġġib magħha l-konsegwenzi.  Jekk ikunu raġjonevoli, allura l-pożizzjoni tippreċipita.  L-istabilità li għandna u rbaħna taf tintilef.  Nittama li fil-jiem li ġejjin il-pożizzjoni tinbidel u ma narawx dak li kellna ma’ wiċċna fl-aħħar ħames snin.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...