1. Il-bniedem, tul triqtu, ftit drabi jista’ jsib kejl, jew aħjar jaqta’, fejn ser jispiċċa f’ħajtu. Jibda biss jaf, xejn iktar. Jimxi fil-passi tal-ħajja. Daqqa naħa u daqqa oħra, ifittex li jkun għal, u lejn dak li jara ’l quddiem. Mhux dejjem fil-ferħ li wieħed jixtieq. Forsi aħjar li jittama li jkollu imma fid-dmir li jkun dak li ġie maħluq għalih. Kemm, f’dan, il-bniedem jistaqsi tant domandi lilu nnifsu u lill-ħajja stess sabiex jifhem aktar. Daqqa jaħseb li qabad tarf sew ta’ dak li għaddej minnu u daqqa inqas, imma bil-paċi f’qalbu forsi jħossu li miexi lejn dak li jara li jwettaqlu l-ġid. Proprju għalhekk il-qari fih valur, għax jgħinek tgħarbel, anki meta kollox jidher ikkumplikat. Daqshekk ieħor il-kitba li kull nhar ta’ Tlieta tmexxina, daqqa għalikom u daqqa aktar għalija, imma f’din l-eżistenza personali nammetti li hi ta’ saħħa.
Romano Guardini (1885-1968)
2. Filosfu, teologu, saċerdot Ġermaniż u kittieb ta’ diversi kotba mill-isbaħ li qrajt. Fost dawn id-diversi, fl-introduzzjoni tal-ktieb tiegħu The Conversion of Augustine (1960) jikteb, b’tant sens, hekk: “Books do not come into existence as their authors want them to, but rather as they want to.” (Il-kotba ma jiġux fl-eżistenza kif l-awturi tagħhom iriduhom li jiġu, imma iktar kif jiddeċiedu huma stess li jiġu.) Naħseb f’dan daqshekk ieħor il-bniedem u daqshekk ieħor l-artikli li nikteb. Hemm parallelliżmi ta’ livelli varji. Min ħalaqna, min rabbiena, forsi xtaqna naqbdu triq u niżviluppaw il-kitba tal-ħajja tagħna mod u morna ieħor. Inkella aħna stess irridu triq u nsibu li minflok qbadna, mingħajr ma nafu oħra, jew aħjar, naħsbu li sejrin tajjeb u niskopru aktar tard li forsi mhuwiex proprju l-każ. Imma hekk hu għalija u għal kulħadd.
Gianfranco Carofiglio (1961)
3. Forsi aktar determinanti u li fil-fatt ispirani jinsab f’dan il-ktieb ta’ dan l-awtur, ex-maġistrat u ex-politiku Taljan bit-titlu Elogio dell’ignoranza e dell’errore (2024). Ktieb li diġà, mit-titlu tiegħu, wieħed isib li jrid jikkonfronta iktar lilu nnifsu. F’dak li huwa u f’dak li jixtieq għalih innifsu bħala l-bniedem. Dak li fi ktieb mimli b’ideat, mhux neċessarjament kollha li wieħed jaqbel magħhom, imma tajba. L-awtur f’mument, waqt li jfakkar f’dak li l-isportiv u atleta Dick Fosbury (1947-2023) irnexxilu jibdel kif jaqbeż u b’hekk rebaħ, jgħid li huwa fil-fatt tana: “Una grande lezione sul cambiamento: quando hai un problema che non riesci a risolvere, prova a fare esattamente il contrario di come si è sempre fatto. Ignorando l’opinione degli altri, esperti inclusi.” (Tana lezzjoni kbira fuq il-bidla: meta għandek problema li ma jirnexxilekx issolvi, ipprova agħmel eżattament il-kontra ta’ dak li qabel dejjem għamilt. Warrab l-opinjoni tal-oħrajn, anke ta’ dawk li huma kkunsidrati bħala esperti.) Ideat diretti għal min, bħali, jrid li sseħħ il-bidla t-tajba.
Vuċi qawwija
4. F’dan iktar wieħed iħares sabiex jifhem jekk huwiex il-fatt li l-bniedem irid jirrepeti dak li dejjem wettaq biex fil-fatt jibqa’ fejn hu. Hemm diversi li jixtiequ l-bidla, imma jippreferu jibqgħu kif inhuma. Hemm iktar dawk li ma jridux jisimgħu kritika u oħrajn li jridu biss lil dawk li jibqgħu jxommu l-inċens li jingħatalhom. Iktar ma jgħaddi żmien iktar nagħraf kemm huma ftit dawk li huma ppreparati sabiex ikun hemm tibdil. Ngħid li draw kif inhuma u jidentifikaw ruħhom f’dak li jibqgħu jirrepetu aktar mill-kapaċità tagħhom li jinbidlu. Pajjiżna qisu hu aktar immexxi f’dan. Aktar ma nisimgħu l-kliem “progress”, “riformi” u “t-teħid ta’ deċiżjonijiet”, aktar nara li kollox ser jibqa’ l-istess. F’dan proprju għax qiegħed jiġi ttraskurat element essenzjali tal-ħajja.
David Petraeus (1952)
5. F’dan hemm l-element mhux apprezzat, imma neċessarju, tal-kritika. Dak li għal xi wħud hija żejda jew negattiva, però fil-verità hija importanti u essenzjali sabiex tmexxi ħajtek u pajjiżek. Veru li hemm min ma tantx togħġbu u kull ma twettaq għalih hu ħażin, imma hemm ukoll oħrajn li jridu li l-affarijiet ikunu aħjar u li jsiru proprju hekk, u jitkellmu għax iridu l-ġid. Min huwa fil-poter, xi drabi jippreferi biss lil dawk li jinċensawh. Imma tgħallimt nammira l-kontra. Carofiglio jgħidilna li Petraeus, li kien kmandant militari Amerikan importanti, meta kien iżgħar kien nominat bħala assistent tal-Ġeneral Jack Galvin (1929-2015). Hemm jingħad li ntqal hekk: “Costui, nel loro primo incontro, gli spiegò che la parte più importante del suo lavoro sarebbe stata criticare il suo capo. Petraeus protestò, in chiaro imbarazzo, ma Galvin fu irremovibile: “Il mio compito è comandare la divisione, il tuo è criticare me.” (Dan, fl-ewwel laqgħa li kellhom, spjegali li l-iktar parti importanti tal-ħidma tiegħu kienet dik li jikkritika l-kap tiegħu. Petraeus ipprotesta, imbarazzat kif kien, imma Galvin kien ċar u qallu: “Il-ħidma tiegħi hi li nikkmanda d-diviżjoni, tiegħek hi li tikkritikani.) Hemm l-awtur jgħid li dan il-messaġġ għaddielu t-tagħlima li mhuwiex biżżejjed li tittollera d-dissens, imma huwa ħafna iktar importanti li tesiġih. Parir uniku għalina.
Wara sittin sena
6. Ideat interessanti għalija, imma Carofiglio ma jafx li f’dan, illum nagħlaq madwar sittin sena espost fil-politika ta’ pajjiżna. Dan minn meta missieri ġie elett għall-ewwel darba fil-Parlament fl-1966. Ninsab magħkom f’dan il-proċess twil ta’ għarfien u esperjenzi varji li servewni sabiex nifhem iktar dak li l-bnedmin iridu f’dawn il-gżejjer. Kemm aktar huwa ċertament importanti u ta’ valur li taħdem u tistinka fil-politika għall-oħrajn. Kemm, ferm iktar, li tisma’ l-kritika li tingħadlek minnhom u tassigura li tibgħat il-messaġġ ċar li inti miftuħ għaliha. Missejt aktar magħha, bi pjaċir, is-Sibt li għadda f’tieġ, fejn min ġie jkellimna fehemnix, fl-awtentiċità tiegħu, kemm dan huwa minnu u kemm huwa neċessarju. Fakkarni f’dak li sar u dak li għad fadal xi jsir. F’dan għaraft iktar li sa issa wasalt fejn naħseb li naf. Però nagħraf iktar li fejn ninsab li sejjer, bħal dejjem, huwa biss iż-żmien li għad jurini. Nafda f’dak li tissudawni fih, u iktar nista’ nsellem u nirringrazzja lil dawk li jifhmu dan kollu u li jsostnu din il-linja politika li ħaddant u li għadni nħaddan.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
IL-FGURA - KUNSILL LOKALI - RIVISTI PPUBBLIKATI
33544. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rivi...
-
10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin...
-
9944. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid ke...
-
27921. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputa...
No comments:
Post a Comment