1. Fid-dinja tagħna, bil-mezzi ta’ informazzjoni sħiħa u qawwija li għandna, xorta hemm bnedmin li ma jingħatawx l-attenzjoni li ħaqqhom. Jibqgħu abbandunati għad-destin tagħhom. Daqqa minħabba aġendi politiċi, ekonomiċi jew soċjali varji. Daqqa wkoll għax ma jiġbdux bnedmin oħra biex ifittxuhom u jaqraw dwarhom. Anki fis-soċjetà tagħna, l-eżempji mhumiex nieqsa. Diversi jgħixu fl-irkejjen siekta tagħhom. Fis-silenzju li jistgħu jaċċettaw bħala l-unika alternattiva fil-protezzjoni tad-dinjità umana li twieldu biha. F’dan, magħna hawn tbatija varja li ma ssibx widnejn jew għajnejn għaliha, imma xorta tinsab hemm. Forsi mhijiex parti mill-aġenda ta’ dawk li jinsabu minn fuq jew li għandhom f’idejhom il-mezzi tal-komunikazzjoni. Forsi wkoll għax irridu nżommu n-narrattiva li ninsabu “fl-aqwa żmien possibbli”, u dan wara “l-aqwa budget li seta’ kellna”. Imma nafu li dan mhuwa minnu xejn f’pajjiżna u barra minnu.
Kemm nammettu
2. F’dan wieħed jistaqsi kemm aħna lesti naċċettaw dan l-istat ta’ fatt. Jekk aħniex kapaċi mmorru kontra l-kurrent u nitkellmu anki jekk jista’ jkun li ma ningħatawx attenzjoni. Li jkollna fina jew nikkoltivaw il-kuraġġ tal-impopolarità. Ġie aktar dan quddiem il-fatt li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet u fil-bidu ta’ din kellna magħna l-Kardinal Pietro Parolin, Segretarju tal-Istat tal-Vatikan. Żjara sabiħa fiha nfisha, markata mill-importanza ta’ sittin sena ta’ relazzjonijiet diplomatiċi. Kliemu ma ġiex irrappurtat kważi xejn. Ħa ngħidu biss, mill-inqas. Mhux għax ma fihx sustanza, imma forsi għax kien hemm min ma fehemx kemm laqatna direttament. Fih kien hemm xi punti sbieħ u ta’ riflessjoni u li jolqtu l-ammont ta’ kuxjenza li għad għandna ħajja.
L-Inviżibbli
3. Il-Kardinal qalilna tant tajjeb li aħna l-Maltin għandna vokazzjoni għall-paċi. Iddikjara hekk: “This vocation resonates deeply with the diplomatic ethos of the Holy See. In a world marked by fragmentation, conflict, and mistrust, both Malta and the Holy See have learned – each in its own way – that peace is built patiently through dialogue, listening, and fidelity to fundamentali values. The Maltese word ‘sliem’ (peace) expresses more than the absence of conflict; it conveys harmony, reconciliation, and goodwill. It is a word that could well serve as a guiding principle for international relations to-day.” (Din il-vokazzjoni tolqot fil-fond fil-prinċipji etiċi tal-ħidma diplomatika tas-Santa Sede. F’dinja markata bi tkissir, kunflitti u fejn ħadd ma jafda lil ħadd, sija Malta kif ukoll is-Santa Sede tgħallmu – fit-toroq tagħhom – li l-paċi tinbena bil-paċenzja permezz tad-djalogu, li wieħed jisma’ u l-lealtà lejn il-prinċipji fundamentali. Il-kelma Maltija ‘sliem’ (paċi) tfisser iktar minn sempliċi nuqqas ta’ ġlied; fiha armonija, rikonċiljazzjoni, rieda tajba. Hija kelma li tista’ sservi ta’ gwida fir-relazzjonijiet internazzjonali tal-lum.)
Kemm għandu raġun
4. Għandna verament vokazzjoni, missjoni, li pajjiż bħal tagħna jista’ jwettaq b’iktar faċilità minn oħrajn. Dik li jinsisti li jitkellem dwar il-paċi fis-sliem. Missjoni unika li tista’ ssir, u anzi tista’ ssir, b’doża iktar qawwija milli hija. M’hemmx dubju li ma sirniex belliġerenti, u nkunu tlifna rasna jekk insiru. Wisq inqas m’aħna nżommu ma’ naħa kontra oħra. Irridu nkunu dawk, però, li jibqgħu jistinkaw favur dinja fejn hemm l-ordni fil-paċi. Fejn il-prinċipji tas-sewwa, dawk fundamentali, jirbħu. Mhux ser jirnexxilna, u wisq anqas nippretendu li ser ikollna xi saħħa biex inġibu l-partijiet f’kunflitt bilfors fejn għandhom ikunu. Nistgħu, u anzi għandna nsemmu aktar leħinna biex il-kuxjenza ta’ oħrajn tintmiss. Anki jekk nidhru differenti jew mhux skont kif qed jgħidu oħrajn, xorta għandna nibqgħu ninsistu.
F’dan nistgħu
5. Dan jgħidu aktar għax waqt li wħud f’pajjiżna kienu qed jaraw u jisimgħu lill-Kardinal Parolin, diversi bnedmin oħra kienu qed ibatu mill-ħruxija tal-gwerra. Dak li għaddej bħalissa fl-Ukrajna, fil-belt kapitali ta’ Kiev, qabeż kull limitu. L-attakk mhuwiex wieħed militari, imma huwa manifestament dirett fuq ħajjet il-poplu. Ix-xitwa hija partikolarment kiefra, iktar f’din is-sena, bit-temperaturi li niżlu taħt l-għoxrin. Bnedmin varji, nisa, ulied, trabi, anzjani qed jgħixu f’kundizzjonijiet mill-iktar koroh mas-silġ fil-bard. Dan ġej għax l-attenzjoni tal-attakk tal-Federazzjoni Russa mhijiex fuq il-forzi militari imma fuq is-sistema enerġetika tal-pajjiż. Dik li żżomm u tippermetti li anki fil-gwerra jgħixu f’forma ta’ dinjità umana dawk l-iktar vulnerabbli. Aġir li għandu jkun ikkundannat u fl-istess ħin isir l-appell għar-raġuni u l-loġika sabiex ma jibqax isir.
Fis-silġ
6. The Economist ftit ilu ddeskriva dan hekk: “Putin is trying even harder to freeze Kyiv into submission.” (Putin qiegħed jipprova kemm jista’ jiffriża lil Kiev filli ċċedi.) Kemm dan qed jirnexxilu jagħmlu ma nafx, imma l-impatt hemm qiegħed. Hemm lezzjonijiet varji li permezz tagħhom l-ispirtu ta’ poplu jissoda, iktar milli jċedi. Dawk diretti li huma fil-memorja kollettiva ta’ dawn iż-żewġ popli. Stalingrad mhux tant ’il bgħid mit-tnejn, kif ukoll diversi battalji li seħħew fuq u madwar dik l-art ifakkruna li kienet kemm kienet kiefra l-ħruxija Nażista, il-poplu rebaħ. Infakkru forsi wkoll fl-eventi li seħħew tlieta u tmenin sena ilu. Dawk li wasslu sabiex Friedrich Paulus, il-kmandant Tedesk, fi Frar 1943 isir priġunier.
Pajjiżna
7. Imma anki jekk hemm min irid ikompli jinfliġġi din il-linja politika, nistgħu nfakkruh biss li s-sofferenza hija kbira wisq. Hija waħda li titlob li wieħed jitkellem, kif kważi sejħilna direttament Parolin biex nagħmlu. Aktar u aktar fejn nafu kif jinsabu dawn il-bnedmin, jgħixu fis-silġ f’darhom. It-tbatija qawwija fuq il-poplu titlob mingħandna li nsemmu iktar leħinna favur il-paċi u s-sliem. Forsi f’dan nassiguraw sostenn akbar lill-vuċi tas-Santa Sede, u wkoll sabiex ma naqtgħux qalbna milli nwettqu s-sewwa. Ma naħsbux li l-kelma m’għandhiex saħħa: għandha iktar milli naħsbu. Forsi f’dan ukoll nistgħu nibgħatu aktar mill-miljun ewro li bagħtna s-sena li għaddiet f’għajnuna umanitarja. Inkunu hemm għall-bnedmin li jinsabu fil-ġenb tal-eventi tad-dinja. Għax fil-fatt dawn huma bnedmin li jixirqulhom il-vuċi u l-appoġġ umanitarju tagħna. Nittama li dak li qalilna l-Kardinal Pietro Parolin nifhmuh u nwettquh.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
PAROLIN JGĦIDILNA
1. Fid-dinja tagħna, bil-mezzi ta’ informazzjoni sħiħa u qawwija li għandna, xorta hemm bnedmin li ma jingħatawx l-attenzjoni li ħaqqh...
-
10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin...
-
9944. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid ke...
-
27921. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputa...
No comments:
Post a Comment