31.1.17

Prijoritajiet Nazzjonali


 
1.      Il-pedament tas-sistema demokratiku fih, fuq kollox, il-prinċipju li l-Gvern huwa l-poter tal-pubbliku li jrid jiġi mħaddem fil-pubbliku.  Li ma għandux ikun hemm atti li jsiru mill-amministrazzjoni li m’humiex miftuħa u magħrufa.  Il-poter jiġi mħaddem favur dawk li vvutaw u eżerċitaw id-dritt tagħhom li jagħżlu min imexxihom.  Min, għalhekk, jiġi fdat bit-tmexxija ta’ poplu għandu d-dmir li jaġixxi fil-parametri tal-liġi, tal-istituzzjonijiet demokratiċi.  Dan huwa dmir, u fl-istess ħin garanzija li dak li qiegħed isir qiegħed jassigura li s-sistema tibqa’ taħdem u titħaddem kif għandha.

Konvinzjoni falza

2.      Min jiġi elett fil-poter ma jsirx il-proprjetarju tiegħu.  Jidħol biss bħala amministratur temporanju li għandu f’idejh il-futur soċjo-ekonomiku ta’ poplu sħiħ.  Ħafna jinħakmu mill-konvinzjoni falza li huma ser ikunu permanenti u li xejn ma huwa ser ineħħihom.  Ma jagħrfux li kull leġislatura għandha arloġġ “bioloġiku” speċjali tagħha.  Kif tidħol fis-siġġu jibda l-final countdown.  Jibda għaddej it-terminu qasir ta’ ħames snin li fil-bidu jista’ jidher twil, imma meta taqbeż ċertu snin ikun diġà wasal biex jispiċċa.

Kunfidenza mal-poter

3.      Din il-linja politika twassal sabiex il-politiċi jwettqu dak li ma għandhomx iwettqu.  Jimxu f’direzzjonijiet li minnhom faċli tinduna li r-rabta tagħhom mal-poter hija ikbar milli għandha tkun.  Fejn il-ħsieb li wieħed irid jagħti rendikont politiku u jkun ukoll kapaċi jispjega għala ħa deċiżjoni u mhux oħra jintilef.  Il-problema preżenti f’dawn il-gżejjer iddur ma’ dan prinċipalment.  Hawn wisq aġir li jidħol b’rasu u b’ġismu fil-linja tal-abbuż tal-poter politiku.  Hemm wisq kunfidenza mal-poter u mal-ħsieb li ħadd ma huwa sejjer, għada pitgħada, jinduna b’dak li qiegħed isir ħażin illum.  Dan huwa żbaljat u għandu bżonn jiġi kontrollat.

Opinjoni furmata

4.      Il-figuri li ħarġu tul din il-ġimgħa minn Transparency International fir-rapport tagħha “Corruption Perception Index 2016” juru, u anzi jippruvaw iktar din il-linja politika bażata fuq l-abbuż u l-klijenteliżmu.  Ikun żball jekk ma nieqfux u ma nirriflettux li, f’sena, pajjiżna niżel ‘l isfel mis-37 skala għas-47 waħda.  Kien hemm tibdil fil-pussess, però sa issa qatt ma kellna qabża daqshekk qawwija ‘l isfel.  Din l-istatistika fil-perċezzjoni, f’din l-opinjoni li ġiet iffurmata mill-poplu fuq dak li qiegħed jara u jmiss b’idejh m’għandhiex tgħaddi qisu ma hija xejn.  Id-diversi każijiet li smajna bihom tul dawn l-aħħar erba’ snin ta’ din il-leġislatura ngħaqdu ma’ dak li l-poplu qiegħed imiss miegħu.  Il-bnedmin jindunaw, ferm iktar milli l-politiċi jaħsbu, ma’ min isiru l-preferenzi u min jiggwadanja fuq ħaddieħor jew a skapitu tiegħu.

Mument delikat

5.      L-effett ta’ dan ir-rapport huwa, f’dan il-mument, doppju.  L-ewwel, għax mhix perċezzjoni waħedha li kif nafu tista’ tiġi minn ħafna fatturi, imma hawn għandek ukoll ir-realtà.  It-tieni, għax l-immaġini ta’ pajjiżna ser tiġi minsusa direttament.  F’din il-linja mhux ħafna qed jindunaw kemm il-mument huwa delikat u wieħed irid jimxi b’attenzjoni.  Ngħid dan għal numru ta’ raġunijiet.  L-ewwel għax is-settur ekonomiku tagħna jiddependi ħafna minn dak finanzjarju.  Wieħed li tul dawn l-aħħar għoxrin sena nbena u ġie sostnut b’diversi miżuri li saħħewh u żammewh kompetitur tajjeb.

Ninqabżu fit-trasparenza

6.      B’dak kollu li sar għandna suq li qiegħed jagħmel differenza għal din is-soċjetà.  Mhux biss, imma sar determinanti bħal parti minn ġebla tax-xewka li daqshekk kemm kienet diffiċli biex tinbena, daqshekk ieħor faċli li tiġi żarmata.  Il-linja internazzjonali sejra dejjem iktar lejn aktar trasparenza u garanziji fejn l-aġir korrott jiġi kkontrollat u attakkat bl-għeruq u x-xniexel.  Fil-klima preżenti tagħna, il-ħeġġa li aħna wkoll insegwu dak li għaddej waqfet kważi kompletament.  M’aħniex aktar tlett passi qabel l-oħrajn imma qed nippermettu li ninqabżu.  B’dan għalhekk qegħdin nibgħatu l-messaġġ li jew tlifna l-interess, inkella ma jaqblilniex nikkontrollaw u neradikaw il-korruzzjoni.

Ftit jistgħu jbassru

7.      Dan huwa diskors iktar rilevanti fil-mument meta r-Renju Unit qiegħed iqis u jikkalkula kif u meta sejjer joħroġ barra mill-Unjoni Ewropea.  Id-dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru Theresa May fis-17 ta’ Jannar li għadda jkun żball jekk jiġi njorat, minna partikolarment.  Hemm, fost l-oħrajn, qalet espressament li ser tara li twettaq tibdil skont kif inhuwa l-iktar vantaġġjuż għalihom: “about the future and legal and regulatory framework for financial services”.  X’ser jiġri ftit jistgħu jbassru.  Però jkolli ngħid dak li l-poplu jaf kemm huwa importanti għalih dan is-settur, speċjalment f’Londra, u huwa determinat li ma jitilfux u lanqas l-impjiegi li jġib miegħul.  M’huwiex ser jitlaq xejn minn idu, anzi fil-mument dgħajjef tagħna jaf ikun hemm proċess kuntrarju għal dak li ħaddieħor basar.

Jitolbu attenzjoni

8.      Pożizzjonijiet li jitolbu attenzjoni.  Iktar u iktar meta ġewwa l-Unjoni Ewropea hemm forzi u proċessi oħra li m’humiex bażati fuq il-prinċipju li dak li għandna ma jintmessx.  Ilna snin nikkumbattu, daqqa fuq front u daqqa fuq ieħor.  Issa bil-ħruġ tar-Renju Unit u l-pożizzjoni iktar aggressiva tagħhom f’dan is-settur, il-linja Ewropea ser tinbidel hija wkoll.  Jekk qabel stajna nsalvaw u nżommu l-affarijiet għaddejjin, hemm iktar sitwazzjoni fejn bieb miftuħ jingħalaq għalina.  Jekk dan ma nifhmuhx u ma nibdewx inġibu l-ordni ma nkunux nistgħu nżommu u niddefendu dak li għandna.  Dawn huma prijoritajiet nazzjonali li jekk ma nagħrfuhomx ser nitilfu iktar milli aħna.  Prijoritajiet li dan il-poplu jixraqlu li jiġu affrontati, illum qabel għada.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...