27.1.17

Niftakru u ma Ninsewx


 
1.      Hemm mumenti, eventi uniċi fl-istorja tad-dinja li t-trapass taż-żmien ma jnessix u ma jwennisx bil-balzmu tal-ħajja.  Nafu li l-bniedem, bħal ma jaf ikun strument tas-sewwa, jaf jippresta ruħu biex ikun direttament il-kontra.  Minn ġewwa fih, kif naraw, flok joħorġu sentimenti tajba, joħorġu dawk li jagħmlu l-ħsara.  Flok jaġixxi biex iġib il-ġid, jaġixxi biex jagħmel il-ħsara lill-proxxmu u lis-soċjetà.  Hemm f’din it-triq livelli varji ta’ ħażen u effetti negattivi.  Għalhekk, wieħed f’dan għandu jiddistingwi bejn azzjoni u oħra.  Proprju minħabba dan li, sena wara sena, għandna d-dmir li nfakkru dak li għadda minnu poplu partikolari fl-aħħar seklu.

2.      Għax jgħaddu kemm jgħaddu s-snin, ma hemm xejn li jista’ jħassar mill-memorja tagħha l-atroċitajiet li seħħew fil-kampijiet tal-konċentrament li l-Ġermanja Nażista ħolqot.  Ma nistgħux niddikjaraw li aħna bnedmin f’ċiviltà u ninsew dak li ġie kommess b’tant aġir żbaljat ġewwa Auschwitz u Dachau.  Ma nistgħux indawru wiċċna u ma niftakrux li sitt miljun persuna, nisa, tfal u rġiel inqatlu, akkużati li kienu ulied imwielda minn ġenituri Lhud.  M’għandi ebda dubju f’rasi li għandna d-dmir, bħala ċittadini Ewropej, li niftakru u nfakkru f’dak li seħħ.  L-ewwel għall-memorja u l-imħabba ta’ dawn l-innoċenti li nqatlu b’tant atroċità u krudeltà.  It-tieni sabiex nassiguraw li nkunu parti minn dik il-forza li tassigura li qatt iktar ma jkollna aġir simili.

3.      Iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar wieħed jiskopri dak li l-ġenn ta’ dan il-proġett Nażista Hitlerjan wettaq.  Għax huwa impossibbli u inġustifikabbli li taċċetta li bnedmin għandhom dritt joqtlu oħrajn għax suppost li jappartjenu għal razza differenti minn tagħhom.  Jew li jaċċetta li hemm xi forma ta’ verità f’dak li qalu li, għax kienu Arjani, kienu superjuri.  Il-liġijiet li nbnew minn numru ta’ pajjiżi, fosthom fil-Ġermanja u fl-Italja li fihom ġie dikjarat li għandha tiġi protetta s-suppost “purezza tar-razza” u allura hija ġustifikata l-eliminazzjoni tagħhom huma xhieda għal dejjem li ma tista’ titħassar qatt.  Bħalma l-Għaxar Kmandamenti huma xiehda għal dejjem tas-sewwa, daqshekk ieħor huma in kuntrast għaż-żmien li ġej tal-ħażen.

4.      Daqshekk ieħor huma prova diretta d-diversi dokumenti li waslu għandna, fejn insibu l-fissazzjoni taż-żamma tal-ordni u l-perfezzjoni ta’ kif twettqu dawn id-delitti.  Meta wieħed jaqra kitbet dawk li b’xi mod għaddew minnhom, bħal Primo Levi, jew isibu jaqraw dak li kitbet Hannah Arendt dwar il-proċess ta’ Eichmann jifhem iktar dan.  Wieħed jifhem: l-ewwel kemm hija żbaljata u kontra n-natura tal-bniedem il-forza tal-lemin estrem; u t-tieni kemm in-natura umana tippresta ruħha wkoll li twettaq aġir atroċi u kundannabbli bħal dan.  Ma hemm ebda argument li jista’ qatt jitressaq li bih wieħed jista’ b’xi mod isib xi ħajt ta’ kenn għal dak li seħħ.

5.      Kif jispjega iktar fil-fond il-Professur Lhudi Yehuda Bauer, bniedem li kellu kliem ta’ tifħir għal ħidmet il-Papa Benedittu XVI: “The basic motivation was purely ideological, rooted in an illusionary world of Nazi immagination, when an international Jewish conspiracy to control the world was opposed to a parallel Aryan quest.  No genocide to date had been based so completely on myths, on hallucinations, on abstract non-pragmatic ideology which was then executed by very rational pragmatic means”.  Kliem li għandhom jiftħulna iktar għajnejna fi staġun politiku fejn il-verità titwarrab u l-gidba tinġieb ‘il quddiem biex tfixkel.

6.      Proprju għalhekk li pajjiżna jagħmel sew li llum, il-Ġimgħa 27 ta’ Jannar, jingħaqad mal-pajjiżi oħra Ewropej sabiex ifakkar ix-Shoah.  Iwassal huwa wkoll li aħna qegħdin fuq in-naħa taċ-ċiviltà nisranija.  Jassigura li l-ġenerazzjonijiet li ġejjin f’dawn il-gżejjer jifhmu kemm dan kien ħażin, u kemm huwa perikoluż li wieħed isegwi l-ideat żbaljati li welldu dan il-ġenoċidju.  Ix-Shoah ma tistax titħassar.  Dmirna llum jibqa’ dak li nfakkru u nitkellmu kontra.  Kontra dan il-ġenn uman li ħallsu l-prezz għalih miljuni ta’ ħutna Lhud.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...