5.1.17

Lejn l-Aħħar tas-Sena


 
1.      F’ħidmieti nammetti li niltaqa’ ma’ ċertu pessimiżmu dwar l-operat u l-kwalità tal-politiċi tallum.  Hemm min iħares lejn il-passat b’ċertu nostalġija.  Hemm min iqabbel il-politiċi ma’ oħrajn li ġew qabel.  Iħarsu lejn dak li għadda bħala l-aqwa u dak ta’ issa bħala l-agħar.  Hawn verament min qiegħed jilmenta żżejjed fuq dan, mingħajr ma neċessarjament jifhem l-ispazju u l-elementi li jrid jaffronta politiku nisrani u wieħed demokristjan.  Mingħajr ma jkun jista’ japprezza li għad hemm politiċi b’dawn il-valuri li qed jikkumbattu fl-ispazju u fil-metodu li jistgħu.

2.      Verament dan huwa suġġett li fi ħdan il-knejjes insara, u b’mod partikolari dik Kattolika, qiegħed jiġi diskuss u dibattut.  Hemm vojt li tħalla fix-xenarju Ewropew minn politiċi bħal Alcide de Gasperi, Konrad Adenauer, Robert Schumann, Aldo Moro u diversi oħrajn.  Biss, ir-realtà hija li dawn kienu ġejjin minn xenarji u trobbijiet kompletament differenti minn dawk ta’ issa.  Diffiċli li treġġa’ lura l-arloġġ.  Tista’ tfakkarhom.  Taqra kitbiethom u tara kif tista’ tispira ruħek minn dak li qalu għas-sitwazzjonijiet li tkun qiegħed tiffaċċja.

3.      Hemm diffikultajiet, intoppi, kumplikazzjonijiet li ġejjin ukoll mill-fatt li l-vuċi nisranija fis-soċjetà naqqset mis-saħħa, frekwenza u attenzjoni.  Dawn il-fatturi kollha, għal dawk li huma nsara fil-politika, ma jfissrux li għandhom iwaqqfuhom minn ħidmiethom.  Iktar u iktar meta wieħed jagħraf l-istorja ta’ diversi partiti demokristjani li għaddew minnha.  Proprju għalhekk li f’dan il-kuntest żdiedu l-isfidi għal dawk li jħarsu lejn il-politika bħala vokazzjoni qawwija fejn parti sostanzjali minn ħinhom huwa dedikat għall-proxxmu.  Minn nies li jagħrfu li mhux ser jiġu mogħtija xi rdoss, anzi ser ikunu suġġetti ta’ kritika minn dawk stess li qegħdin jiddefendu.

4.      Wieħed isib ruħu proprju f’din il-pożizzjoni minkejja li jkun għadu nisrani impenjat fil-politika.  U f’dan xejn ma nbidel.  Jekk wieħed jaqra jsib li Luigi Sturzo, De Gasperi, Dossetti u ħafna oħrajn kienu ikkritikati, disprezzati u mormija mill-istess bnedmin li kkumbattew għalihom.  Għalhekk id-demokristjan illum għadu jeżisti, huwa ġenwin u m’huwiex il-persuna li jħares lejn butu.  Kull min qiegħed fil-politika, anzi jaf li diversi mill-elettorat tiegħu jaħsbu li jekk jibqa’ hemm ser jiġi kontaminat u assoċjat ma’ oħrajn li, sfortunatament, waqgħu f’linji li m’għandhomx.  Dawk li huma fil-professjonijiet tradizzjonali jagħrfu li jitilfu ekonomikament u anzi jġorru magħhom stigma soċjali.  Ħafna ma jersqux lejk, u oħrajn jarawk bħala problema.

5.      Proprju għalhekk li llum huwa ferm iktar diffiċli milli wieħed jaħseb li tkun demokristjan konvint u prattikanti.  Biss, bnedmin bħal dawn hemm u huma attivi f’pajjiżna u barra.  Għandhom tentazzjonijiet quddiemhom u jagħrfu dejjem iktar il-metodu ta’ kif issir il-politika, li qegħda tinbidel veloċement.  Wieħed jifhem u japprezza iktar f’dan il-kuntest il-kliem li jikkjarifikaw il-pożizzjoni li fl-24 ta’ Ottubru il-Papa Franġisku, f’parti mid-djalogu mal-ġiżwiti fil-kongregazzjoni ġenerali tagħhom qal.

6.      Il-kliem tiegħu kienu: “In generale, l’opinione che sento è che i politiċi sono caduti in basso.  Mancano quei grandi politici che erano capaci di mettersi sul serio in gioco per i loro ideali e non temevano né il dialogo, né la lotta, ma andavano avanti, con intelligenza e con il charisma proprio della politica.  La politica è una delle forme più alte della carità.  La grande politica.  E su questo credo che le polarizzazioni non aiutino; invece ciò che aiuta nella politica è il dialogo”.  Partikolarment nagħrfu iktar kemm dan għandu valur, l-iktar li l-politika hija l-iktar forma għolja li biha twettaq il-karità.

7.      Politiċi kbar kif kien hemm qabel, illum naqsu f’għajnejn in-nies.  Biss dan ma jfissirx li min qiegħed iwettaq dan id-dmir m’huwiex iservih bl-aħjar mod li l-abbiltajiet tiegħu jippermettu.  Għax min jagħraf il-politika u x’sagrifiċċji jridu jsiru fiha, f’ħafna mumenti jsib ruħu jipprova jżomm il-bgħid il-kalċi tal-imrar li jrid jixrob.  Iktar u iktar meta l-esperjenza politika tkun parti mill-ħajja tal-familja u tkun missejtha direttament b’idejk u ġarrabtha wkoll.  B’dan però, f’din l-esperjenza diffiċli, ma ssirx la razzist u anqas xi difensur agħmi ta’ patrijottiżmu jew nazzjonaliżmu tal-lemin estrem.  Tibqa’ biss politiku skomdu u tikkumbatti għas-sewwa.

8.      Politiku komunist, Giorgio Amendola kien qal: “L’autocritica deve essere l’elemento permanente di un’azione politica ragionevole”.  Għax trid tibqa’ tfittex li tagħti ruħ, qalb, skop u direzzjoni bażati fuq il-valuri nsara f’soċjetà li fiha l-materjaliżmu qiegħed quddiem.  Tikteb, taħseb, taqra u tipprova tidħol fi djalogu ma’ min irid jiddjaloga u jifhem.  Mhux faċli.  Anzi, ikkumplikat ħafna.  It-tentazzjonijiet biex tieqaf jitressqulek f’forom varji.  Biss, li tkompli huwa parti  mis-sagrifiċċju u l-impenn li nisrani f’kull settur irid iwettaq u jagħti xiehda għalih.  Kif, jekk tippermettuli, kien qal Antonio Gramsci: “Ogni uomo e ogni classe devono sapere che posto occupano nella storia, quali sono stati i loro precedenti e dove vogliono arrivare”.  Dawk li huma fil-politika jagħrfu dan.





No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...