23.1.17

Messaġġi Diretti.


 
1.      Fid-dinja politika tagħna hemm min ikun mimli qlubija u hemm min ikollu bżonn min jagħmillu l-kuraġġ.  Hemm ukoll, fost dawn, dawk li jafu fejn iridu jaslu u dawk li għandhom bżonn jimxu wara ħaddieħor.  Uħud f’din il-linja jkollhom fihom boxxla normali u  mmirata għat-tajjeb.  Oħrajn ikunu mħawda bi prijoritajiet żbaljati.  Terġa, uħud ikollhom preparazzjoni politika u ideoloġika, oħrajn le.  Oħrajn iridu jaslu bit-toroq id-dritti, onesti u trasparenti; oħrajn jafdaw fit-taħwid u t-tgħawwiġ.  Dawn il-fatturi fil-bnedmin joħolqu bilanċi, u fl-istess ħin ikunu forza li tiġġenera ruħha minn dawn l-elementi lejn direzzjonijiet varji.

Linja ċara

2.      Partit politiku għandu varjetajiet kbar fil-karattri li jikkomponuh.  Biss il-linja politika tiegħu, dejjem jekk irid jirbaħ il-kunsens popolari trid tkun waħda, u din ċara.  Waħda: l-ewwel fil-proċess tad-deċiżjonijiet.  Fejn wieħed jiddiskuti, jaqbel u jivvota.  L-oħra, u t-tieni, fuq l-ideoloġija politika li jħaddan.  Jekk ma jkunx ċar fuq dan, jekk ma jkunx hemm qbil jew messaġġi konfużi, allura l-elettorat jintilef huwa wkoll.  Partit irid jirbaħ billi l-ewwel jirbaħ lilu nnifsu.  Billi jassigura li dan il-proċess intern iseħħ u konsegwentement, ċertament u naturalment, jimmanifesta ruħu barra.

Nagħrfu ż-żmien

3.      Il-pajjiż jitlob mingħandna li dan nassigurawh, u aħna hekk qegħdin nagħmlu.  Il-mument attwali jibqa’ dejjem, f’ħafna sens, wieħed storiku.  Jibqa’ hekk għax il-Partit Nazzjonalista għandu storja li fiha, f’diversi sitwazzjonijiet, kien kapaċi jissielet għall-poplu li jrid is-sewwa.  Kapaċi jagħraf iż-żminijiet, imiss il-polz tal-elettorat u jikkumbatti dak li m’huwiex dritt u żbaljat.  Proprju għalhekk li għal darb’oħra li qiegħed iwieġeb għas-sejħa li jkun forza li ma jċedix għall-arroganza politika li qegħda tiġġenera mewġa mill-iktar kontinwa ta’ korruzzjoni.

Kwistjoni morali

4.      Fil-politika hemm dak li Enrico Berlinguer kien isejjaħ “il-kwistjoni morali”.  F’dak iż-żmien, għal min kien isegwih u forsi jammirah ukoll, kien jiddikjara li: “La questione morale non si esaurisce nel fatto che, essendoci dei ladri, dei corrotti, dei concussori di altre sfere della politica e dell’amministrazione bisogna scovarli, bisogna denunciarli e bisogna metterli in galera”.  F’dawk iż-żraben jidħlu dawk kollha li l-politika jarawha bħala servizz, vokazzjoni li jaġixxu fiha skont il-prinċipji demokratiċi.  Skont il-metodoloġija demokratika li tkun trasparenti, tassigura kontabilità u tirreżisti influwenzi u tentazzjonijiet differenti.  F’dan ma hemmx dubju li l-Partit Nazzjonalista afferma ruħu u huwa vuċi li ssegwi t-tagħlim tal-kwistjoni morali.

Responsabbiltà u libertà

5.      Dan huwa importanti, vitali u ċertament jinfluwenza elettoralment.  Biss, m’huwiex u ma jistax ikun mezz uniku.  Iċ-ċittadin f’dan il-pajjiż li huwa msejjaħ biex ikun parti attiv fil-ġid komuni jara ħwejjeġ oħra ta’ kull ġurnata.  Id-dinja ekonomika f’dan ħakmet u trid tipprova tnessina mill-aspett soċjali tagħna.  Hemm id-dimensjoni soċjali tal-bniedem, kif jispjegaw u jiggwidaw tant tajjeb l-enċikliċi soċjali tal-papiet, li hija ferm iktar importanti.  Id-dinjità umana u l-bilanċ bejn ir-responsabbiltà u l-libertà fil-komunità huma elementi essenzjali biex iressquna lejn l-iskop veru tad-demokrazija rappreżentattiva tagħna.

Rappreżentanza popolari

6.      Il-Partit Nazzjonalista, f’dawn l-erba’ snin resaq ferm iktar f’din il-linja sabiex ikun ir-rappreżentant veru tal-poplu.  Sabiex jibni l-prijoritajiet tal-azzjoni politika tiegħu mhux fuq dak li jagħżel li jintilef fih huwa imma f’dak li qiegħed jolqot lill-bniedem fir-realtà tal-ħajja ta’ kuljum.  Is-sejħa tagħna trid dejjem tkun waħda: li tħares u tipproteġi l-futur tal-partijiet, klassijiet kollha tas-soċjetà.  Ovvjament, però, dawk li huma minn taħt għandhom bżonn ta’ iktar direzzjoni u attenzjoni minn min kapaċi jfendi għal rasu.  Anzi, kif iktar u iktar qed naraw, illum hemm bżonn protezzjoni aqwa lejn min m’għandux minn min għandu.

Inwieġbu għar-realtà

7.      Aħna fil-politika biex inwieġbu għal din ir-realtà.  Biex naraw kif ngħinu lil min qiegħed f’kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi iebsa.  Ngħinu lil min għandu xogħol fil-prekarjat, part-time b’salarji baxxi biex jitla’ ‘l-fuq.  Il-mira nazzjonali m’għandhiex tkun marbuta ma’ kemm l-istituzzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji jagħtuna ċertifikati ta’ eċċellenza, imma lejn dawn in-nies.  Lejn dawk li qed jippruvaw irabbu familja kontra l-kurrent, lejn dawk li jinsabu abbandunati fil-marġini tagħha, lejn dawk li qed ibatu biex isibu saqaf fuq rashom li jifilħu jħallsu l-kera għalih.

Fiduċja u kunsens

8.      F’dawn iż-żminijiet l-ekonomija tidher li hija wkoll ward.  Biss, taħt dik l-istampa hemm diversi li qegħdin f’kundizzjonijiet diffiċli.  Sitwazzjoni li qegħda hemm oġġettivament u independentement mir-responsabbiltà o meno politika.  Waħda li  mhix qegħda tara min-naħa tal-klassi politika preżenti rimedji, soluzzjonijiet li jneħħuha.  Il-messaġġi diretti minn naħa tal-poplu lejna huma hemm, dejjem jekk irridu nwieġbu għalihom.  F’dan il-kuntest, ninkwieta iktar fl-inevitabilità li l-Presidenza Ewropea qegħda ġġib magħha.  Ma nistgħux niskartaw li l-attenzjoni tal-Gvern preżenti f’dawn is-sitt xhur ser tkun lejn dan, u mhux lejn il-problemi soċjali u nazzjonali.  Proprju għalhekk li ħidmet il-Partit Nazzjonalista qegħda tikber.  Proprju għalhekk li ser ikompli jisma’ u huwa stess iwassal il-messaġġi ċari tiegħu li qegħdin iżidulu l-fiduċja u l-kunsensi.




No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...