27.5.15

Proposti mill-Gvern kontra l-espressjoni libera f'demokrazija. Rapport tad-diskors tieghi dwar il-Kunsilli Lokali.


Il-Gvern li tela' bl-għajta li għandu roadmap fuq kollox, illum qed nirrealizzaw li ma kellux roadmap għall-Kunsilli Lokali ħlief dik li  ma jkunx hemm elezzjonijiet lokali

Bil-proposta li jiġu posposti u ma jsirux l-elezzjonijiet lokali li jmiss tal-2017, il-Gvern qiegħed jaħrab mill-poplu, qed jaġixxi b'mod arroganti, antidemokratiku, jagħlaq ħalq in-nies u qiegħed isir vittma tas-sistema ta' klijenteliżmu li tmur kontra l-espressjoni libera f'demokrazija.
Dan sostnih fil-Parlament id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici fid-dibatitu dwar l-emendi li qiegħed iressaq il-Gvern biex ma jsiru l-elezzjonijiet lokali tul iż-żmien ta' din il-kumpalment tal-leġiżlatura.
Spjega wkoll li l-elettorat qed jara wkoll il-periklu tas-sitwazzjoni li qed jippreżenta l-Gvern li għax għandu maġġoranza ta' disgħa fil-Parlament, qed jikkunsidra ferm anqas il-vuċi tal-Oppożizzjoni milli kif kien isir minn gvernijiet preċedenti. Dan ukoll hu att antidemokratiku.
M'għandux lanqas ikun li l-elezzjonijiet isiru għal pjaċir tal-Prim Ministru tal-ġurnata u appella lill-Gvern jieqaf u jiddiskuti mal-Oppożizzjoni għal kunsens ġenerali.
Carm Mifsud Bonnici qal li l-Kunsilli Lokali huma realtà qawwija f'pajjiżna fuq diversi livelli differenti, u kellhom sehem importanti fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta' pajjiżna.
B'riferenza għad-dibattitu fil-Parlament dwar l-iżvilupp demokratiku tal-Kunsilli Lokali, Carm Mifsud Bonnici fisser li dan hu punt marbut mal-fatt li f'kull leġiżlatura taħt gvernijiet Nazzjonalisti saru riformi b'diversi emendi li bihom il-Kunsili Lokali mxew 'il quddiem.
L-Oppożizzjoni stenniet pakkett ta' emendi li janalizza l-liġi tal-Kunsilli  u jaraw dak li mhux qed jiffunzjona biex jinbidel.
Minflok, qal id-Deputat Nazzjonalista, il-Gvern ra biss li jipposponi l-elezzjoni għall-Kunsilli Lokali  ta' sentejn oħra.
Quddiem ir-realtà li l-Kunsilli Lokali daħħlu kunċett ta' demokrazija amministrattiva li rnexxiet f'pajjiżna, dan il-Gvern li tela' bl-għajta li għandu roadmap fuq kollox, illum qed nirrealizzaw li ma kellux roadmap għall-Kunsilli Lokali ħlief dik li  ma jkunx hemm elezzjonijiet lokali.
Appella għal riflessjoni dwar iż-żminijiet li fihom għandhom isiru l-elezzjonijiet lokali. Fakkar li kien hemm żminijiet fejn il-ħsieb kien li l-elezzjonijiet lokali jsiru fi gruppi differenti kull sena, kif  kien sar, u aktar tard l-elezzjonijiet inqasmu f'żewġ żminijiet matul leġiżlatura.
Bl-emendi proposti llum, fisser Carm Mifsud Bonnici, il-Gvern qiegħed jipposponi l-elezzjonijiet għall-2019, jagħti lill-Prim Ministru l-fakultà li jista' jipposponi l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, u li jemenda l-liġi wkoll fir-rigward tas-sigurtà soċjali għas-Sindki.
Il-Gvern hu ċar li qed jibża' mill-elettorat u dan  għaliex il-Gvern qed jibni l-politika fuq sistema ta' klijenteliżmu li qed iġġib lill-Gvern f'pożizzjoni li jipposponi dawn l-elezzjoniijet. Dan għaliex il-Kunsilli Lokali ma baqgħux strument biex jittellgħu l-aħjar nies fil-lokalitajiet.
Irrimarka li l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali llum qed isiru f'kuntest ta' politika nazzjonali fejn l-aktar ħaġa importanti hi kemm partit lokali kapaċi jġib voti.
Carm Mifsud Bonnici qal li b'dak li qed jiġi propost lill-Parlament, il-Gvern se jkun għamel dawn it-tliet snin li ġejjin mingħajr elezzjoni tal-Kunsilli Lokali u dan hu ħażin għaliex il-Gvern ikun qed jagħmel użu mill-għodda li taħdem kontra d-demokrazija.
Fisser il-vot bħala l-aktar espressjoni qawwija li permezz tagħha l-poplu jagħmel għażliet. Hu l-vot li jiddetermina t-triq politika ta' pajjiżna. Bl-emendi tal-lum il-Gvern qed jagħlaq ħalq il-poplu biex ma jesprimihx fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Dan imur kontra  dak li jemmen fih u li wettaq il-PN fil-Gvern – dak li rnexxielu jagħti vuċi li jagħżel l-amministraturi tiegħu fil-lokalità.
Appella lill-Prim Ministru jipposponi l-elezzjonijiet lokali biss wara li jikkonsulta mal-Kap tal-Oppożizzjoni, għaliex l-emendi tal-Gvern illum huma punti li qed jattakkaw l-aspett demokratiku tal-Kunsilli Lokali.
Emendi li huma wkoll ta' nkwiet u tħassib, hu ta' żball prinċipali, hu t-tibdil fil-perjodu ta' żmien li fih isiru l-elezzjonijiet lokali. Saħaq li ż-żmien tal-elezzjonijiet irid ikun preċiż u ċar.
Semma li b'dak li qed jipproponi l-Gvern, se joħloq sitwazzjoni li fiha l-kunsilliera se jkunu qed iservu għal perjodu itwal li għalih l-elettorat ma vvutax dwaru. Bil-posponiment tal-elezzjonijiet lokali mingħajr konsultazzjonijiet li jwasslu għal qbil, il-Gvern qed jimponi nies biex iservu fil-lokalitajiet għal perjodu itwal.
L-elezzjonijiet lokali, saħaq Carm Mifsud Bonnici, saru apposta biex il-poplu jeleġġi n-nies u mhux biex il-Gvern jagħżel in-nies hu biex imexxu fil-loaklitajiet.







No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...