27.5.15

Il-Persuni f'Riskju ta' Faqar żdiedu u l-Prekarjat baqa' b'saħħtu. Rapport Nazzjon minn Alex Attard.

Il-Gvern irnexxielu joħloq leblieba biex persuni jidħlu fid-dinja tax-xogħol iżda b'impjieg mal-Gvern.

L-istatistika qed turi li l-persuni f'riskju ta' faqar fl-aħħar xhur żdied u mhux naqas, u li tul din l-aħħar is-sena l-persuni li jinsabu fiz-zona tal-prekarjat baqa' fl-istess livell, b'saħħtu u ma naqasx.
Dan iddikjarah id-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici meta fil-Parlament ta ħarsa dettaljata dwar is-settur tax-xogħol f'pajjiżna u rrimarka li minkejja li l-istatistika qed turi tnaqqis fil-qgħad f'Malta u żieda fil-qgħad f'Għawdex, il-Gvern irnexxielu joħloq leblieba biex persuni jidħlu fid-dinja tax-xogħol iżda b'impjieg mal-Gvern.
Fid-dibattitu dwar ir-rapport ta' ħidma tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC), Carmelo Mifsud Bonnici qal li ħ r-rapport jindika  żieda ta' Direttorati minn tlieta għal sebgħa, u qal li dan għandu jwassal biex il-Korporazzjoni timxi 'l quddiem.
Irrifera għall-istatistika dwar ix-xogħol u qal li llum l-istatistika qed turi li hi  pożittiva. Fisser li trid issir il-mistoqisja, iżda, jekk dan ir-rapport ippreżentat illum dwar ix-xogħol tal-ETC, jirriflettix dak li qed jiġri fis-soċjetà.
Semma l-politika li qal li għandu l-Gvern biex jara li jagħti l-inċentivi meħtieġa biex in-nies jinqalgħu mill-benefiċċji soċjali u jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Irrimarka li l-istatistika qed turi li l-persuni f'riskju ta' faqar fl-aħħar xhur żdied u mhux naqas, u li tul din is-sena l-persuni li jinsabu fiz-zona tal-prekarjat baqa' fl-istess livell, b'saħħtu u ma naqasx.
Irrimarka li fl-istess Ministeru tax-Xogħol u l-Edukazzjoni hemm kuntratti mġedda kull sitt xhur u staqsa jekk l-ETC hix qed tagħmel is-sehem tagħha biex tiġġieled il-prekarjat.
Staqsa xkien l-effett tan-numru kbir ta' nies li daħlu f'impjieg mal-Gvern. Il-Partit Laburista kien ta l-impressjoni li dawk li qed jaħdmu b'kundizzjonijiet prekarji kienu se jiddaħħlu b'kundizzjonijiet xierqa mal-Gvern, u rrimarka li dan ma seħħx.
Carmelo Mifsud Bonnici qal li hu fatt li fl-aħħar sentejn daħħlu kwantità kbira ta' nies jaħdmu mal-Gvern u ħolqu vakum fis-settur privat, b'numru ta' kumpaniji jilmentaw li telquhom impjegati li kienu ilhom jagħtuhom servizz, biex bdew jaħdmu mal-Gvern.
Fisser li l-Gvern irnexxielu joħloq leblieba biex persuni jidħlu fid-dinja tax-xogħol iżda b'impjieg mal-Gvern.
Innota wkoll li l-istatistika dwar ix-xogħol ma tindikax ir-rata tat-tkabbir ekonomiku f'pajjiżna u appella biex dan ukoll jiġi diskuss fil-Parlament.
Semma wkoll it-talbiet li kellha l-ETC mill-privat li laħħqu l-ammont ta'  17,052 persuna, u li minnhom kien hemm biss 3,277 każ li l-ETC sabitilhom replacement – 20% tat-talba li kellha mill-industrija.
B'rabta max-xogħol prekarju, Carm Mifsud Bonnici semma li l-part-timers żdiedu bi 8%, u b'9% żdiedu wkoll il-part-timers li x-xogħol hu l-uniku impjieg tagħhom – kważi 36,000. Dan, saħaq id-Deputat Nazzjonalista, ukoll jitlob riflessjoni.
Staqsa wkoll jekk in-nisa li qed jiċċaqilqu fid-dinja tax-xogħol hux qed jispiċċaw fis-settur tal-part-timers. Appella wkoll għal aktar strateġija  għall-qasam tal-agrikoltura biex dan ukoll jiġi megħjun mill-ETC.
Filwaqt li f'Malta qed jonqos il-qgħad, semma li f'Għawdex qed jiżdied, minn 730 għal 765. Appella lill-ETC tanalizza dan b'eżerċizzju biex jiġi assigurat li Għawdex jingħata wkoll attenzjoni akbar u biex l-ETC taħdem aktar biex issib aktar xogħol f'Għawdex.
Għalkemm fil-Baġit rajna li kien hemm proposti biex jattakka l-prekarjat, il-proposti għadhom qed isibu diffikultajiet.
Irrifera għad-dikjarazzjoni li għamel dan l-aħħar is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM, fejn qal li s-sitwazzjoni tal-prekarjat ma ġiet bl-ebda mod indirizzata u li bħala union qed tappella għal miżuri li jassiguraw kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema.
Appella li l-kuntratti tax-xogħol għandhom jiġu reġistrati fl-ETC biex jiġu kontrollati l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tiġi miġġielda l-problema tal-prekarjat li qed tibqa' tgħolli rasha hekk kif l-għajta hi li hawn ħafna li qed jaħdmu fil-prekarjat.
Staqsa x'inhi l-viżjoni tal-Gvern għall-ETC u x'qiegħed jipproponi biex jiġu indirizzati l-isfidi fil-qasam tax-xogħol u t-taħriġ
Semma r-rapport tal-Organzzazzjoni Internazzjonali dwar ix-Xogħol (ILO) u qal li l-Gvern għandu jimxi fuq dak li qed jiġi rakkomandat biex l-ETC ma tibqax tagħmel affarijiet li kienu jsiru, u jibqgu jsiru bl-istess mod u tevalwa x'tip ta' programmi ta' taħriġ huma meħtieġa.
Semma punti oħrajn ta' nkwiet dwar kemm u b'liema mod persuni nqatgħu mir-reġistrar meta rrimarka li r-rapport tal-ETC jagħti tliet verżjonijiet ta' kif persuni nqatgħu mir-reġistrat.
Ta' nkwiet ukoll huma n-numru ta' spezzjonijiet li saru fejn kienu identifikati immigranti irregolari jaħdmu f'pajjiżna irregolarment, numru ieħor kbir ta' barranin mill-Ewropa li nqabdu wkoll jaħdmu b'mod irregolari.
Carm Mifsud Bonnici talab lill-Gvern jispjega n-nefqa akbar fl-office supplies li minn €90,000 fl-2013 telgħet għal €120,000 is-sena li għaddiet. Kien hemm ukoll żieda qawwija f'marketing u advertising, filwaqt li l-ispiża fis-servizzi legali żdiedet minn ta' €83,900 għal €145,000 – €61,000 aktar. Staqsa jekk dawn iż-żidiet humiex ġustifikati.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...