19.5.15

DIRETTORAT GĦAT-TAGĦLIM TUL IL-ĦAJJA – ĊERTIFIKATI RETROATTIVI.


15749. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn mhux qed jinħarġu ċertifikati retroattivi fejn meħtieġ mid-Direttorat għat-Tagħlim tul il-Ħajja wara assessjar formali li sar suġġett għar-regolamenti tal-Malta MQF? Jista’ jindika jekk hemmx ilmenti jew każijiet f’dan is-sens in kwantu ta’ stennija għal ċertifikati formali wara tkomplija ta’ korsijiet? Jekk dan huwa l-każ, jista’ l-Ministru jgħid għalfejn mhux qed jinħarġu dawn iċ-ċertifikati?

17/04/2015

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ninsab infurmat li rigward din il-kwistjoni hemm ilment wieħed biss dwar suġġett li kien ġie provdut mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja u Studenti li jħallu l-iskola kmieni. 

Fis-sena tat-tagħlim 2011-2012 id-Direttorat kien fi ħsiebu joffri kors imsejjaħ Bavarian Monastery Work fil-livell MQF1.  Madankollu wara li beda l-kors u bdiet ukoll timtela l-applikazzjoni għall-akkreditazzjoni ta’ dan il-kors biex tingħadda lill-NCFHE, id-Direttorat ingħata parir espert li s-suġġett Bavarian Monastery mhuwiex sostanzjalment differenti mis-suġġett imsejjaħ Monastery Works u li għalih ukoll kien inbeda l-proċess tal-akkreditazzjoni.  

Għaldaqstant il-proċess għall-akkreditazzjoni tas-suġġett Bavarian Monastery Work twaqqaf filwaqt li l-proċess għall-akkreditazzjoni tas-suġġett Monastery Works tkompla u sal-aħħar tas-sena tat-tagħlim imsemmija, l-NCFHE approvat is-suġġett Monastery Works bħala suġġett akkreditat fil-livell MQF1.  Dawk l-istudenti li kienu għamlu l-assessment tal-kors Monastery Works kif ukoll dawk l-istudenti li oriġinarjament kienu applikaw għas-suġġett Bavarian Monastery Work u li għamlu x-xogħol kif meħtieġ fl-assessment ingħataw ċertifikat akkreditat li jiddikjara li dawn l-istudenti attendew b’suċċess kors fil-Monastery Works fil-livell MQF1.  Mis-sena ta’ wara ’l quddiem is-suġġett Bavarian Monastery Work ma baqax jitniżżel fil-prospett tal-korsijiet offruti mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja u Studenti li jħallu l-iskola kmieni imma baqa’ jiġi offrut biss il-kors Monastery Works.
Id-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja u Studenti li jħallu l-iskola kmieni ma jistax joħroġ ċertifikati retroattivi fil-livell MQF1 għall-Bavarian Monstery Works għax dan is-suġġett qatt ma ġie akkreditat u lanqas ma kienet teżisti l-bażi għall-akkreditazzjoni tiegħu.

Seduta  265

19/05/2015

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...