7.4.14

Il-Partit Nazzjonalista jniedi l-Forum Opportunitajiet Indaqs.



Il-Partit Nazzjonalista jaspira għal soċjetà li fiha kulħadd ikollu opportunitajiet indaqs biex jirnexxi u li fiha kull forma ta’ diskriminazzjoni tiġi eliminata. Anke mill-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista jrid jaħdem sabiex jara li kulħadd jingħata l-aqwa opportunità jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu, jgħix ħajja ġusta u mingħajr theddid lil-libertà u d-drittijiet tiegħu.

Dan stqarru l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil dalgħodu waqt it-tnedija ta’ organu ġdid fi ħdan il-Partit Nazzjonalista: il-Forum Opportunitajiet Indaqs Partit Nazzjonalista. Dan l-organu ġdid hu frott l-emendi li saru fl-Istatut tal-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Ġenerali li sar fi Frar li għadda, u huwa intiż biex ikompli jressaq lill-Partit viċin in-nies b’mod konkret.

Simon Busuttil spjega kif il-Partit Nazzjonalista mill-Oppożizzjoni diġà wettaq numru ta’ inizjattivi prattiċi biex iħares id-drittijiet u l-opportunitajiet tal-membri kollha tas-soċjetà tagħna. Ewlenin fosthom, l-Oppożizzjoni ressqet Private Members’ Bill fil-Parlament biex il-Kostituzzjoni ta’ Malta tagħraf, fost l-oħrajn, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali. Din il-mozzjoni issa waslet fi stadju fejn tidħol fis-seħħ u ssir liġi, u l-Partit Nazzjonalista b’din l-inizjattiva wera bl-aktar mod ċar li huwa impenjat bis-sħiħ li jaħdem għad-drittijiet ta’ kulħadd fil-fora l-aktar b’saħħithom ta’ pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li bħal kull organu li qed jintroduċi fi ħdanu l-Partit Nazzjonalista, dan l-organu se jkollu rwol fl-istrutturi kollha tal-Partit, inkluż fil-fergħat tal-Amministrattiv u tal-Eżekuttiv. Dan se jwassal biex il-ħidma tal-Forum Opportunitajiet Indaqs tingħata l-importanza li jistħoqqilha, u jgħin biex ikompli jagħmel lill-Partit Nazzjonalista l-veru Partit tan-nies, li jimxi maż-żminijiet u l-isfidi tas-soċjetà tal-lum, u jkun il-vuċi ta’ kull ċittadin Malti u Għawdxi.

Simon Busuttil spjega li l-Forum Opportunitajiet Indaqs se jkollu parteċipazzjoni wiesgħa ta’ nies minn kull qasam tal-ħajja, fejn kulħadd huwa mistieden jinvolvi ruħu u jagħti s-sehem tiegħu biex l-għanijiet u l-iskopijiet ta’ dan l-organu importanti jintlaħqu u jkunu ta’ suċċess.

--
Uffiċċju Informazzjoni
Partit Nazzjonalista


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...