4.4.14

Il-Milied u l-Politika.



1.         Tul il-ġimgħat li jwasslu għall-festa tal-Milied u l-bidu tas-sena l-klima fil-pajjiż tinbidel ta’ taħt fuq.  Iqum ċertu spirtu li permezz tiegħu bnedmin jitkellmu b’ferħ ikbar u b’inqas għebusija mis-soltu.  Ċerti drabi wieħed jgħid: mank dawk li jinbidlu mal-miġja ta’ Sidna Ġesù Kristu jibqgħu hekk mibdula.  Jonqos kieku d-diskors żejjed, l-atrit fix-xejn u l-livell xejn pjaċevoli ta’ kif wieħed jagħmel il-kritika.

2.         Ix-xenarju politiku huwa wkoll jgħaddi minn dan.  Anzi, nagħmlu tajjeb ħafna li ningħalqu fis-silenzju u ma ngħidu assolutament xejn.  Ovvjament, l-ispirtu tal-Milied, b’xi mod jew ieħor jagħmel differenza bejn il-membri parlamentari li jsibu ruħhom jiltaqgħu fid-diversi okkażjonijiet soċjali.  Daqqa każin tal-banda, daqqa tal-ballun u ħafna marbuta ma’ soċjetajiet filantropiċi sabiex jinġabru fondi daqqa għal raġuni u daqqa għal oħra.  Però, bejn grokk u ieħor nispiċċaw fuq linji familjari, nitkellmu fuq il-ħajjiet tagħna u dak li rridu niffaċċjaw.

3.         Dan iż-żmien jagħmel tajjeb għax iġib lil kulħadd lura lejn il-verità u l-bogħod mill-bużżieqa u r-regalità li l-politika taf iddaħħlek fihom.  Hemm wisq persuni li jaħsbu li fil-politika kull aġir żleali huwa aċċettabbli f’isem it-teħid jew iż-żamma tal-poter.  Jingħad diskors żejjed, jiġi mputat ħsieb fuq naħa li ma tkunx teżisti, tinqabad kampanja li permezz tagħha tipprova tqatta’ biċċiet lil dawk li jsiru avversarji jew li trid tagħmilhom għedewwa fix-xejn. 

4.         L-eventi ta’ din il-ġimgħa fix-xenarju politiku Taljan huma wkoll parti minn din it-tastiera.  Id-daqqa li qala’ Silvio Berlusconi ma kenitx u mhix b’xi mod aċċettabbli.  Anzi, kundannabbli għall-aħħar għax il-politiku, taqbel jew ma taqbilx miegħu m’għandek qatt tmissu b’xi mod.  Però qiegħed iservi żgur sabiex iġib għarfien akbar li dak li jingħad mill-politiċi mhux neċessarjament jinftiehem tajjeb u fl-ispirtu li għandu.  Il-poplu qiegħed kull darba jsib ruħu maqsum b’akkużi reċiproċi li jweġġgħu u ma jħallu ebda effett pożittiv salv milli ta’ spazju fil-gazzetti jew fuq l-aħbarijiet.

5.         Il-politiku, bħal kull bniedem għandu lsien bejn snienu biex jigdem.  Iżommu lura milli jagħmel akkużi bla qies, irresponsabbli u li jweġġgħu lil dak li jkun fix-xejn għax l-effett finali huwa velenu mhux biss lejn il-parti l-oħra, iżda lejn il-politika sħiħa.  Huwa dejjem bla sens li nweġġgħu lil xulxin fix-xejn.  Naslu biss biex indaħħlu lill-familji tagħna f’sitwazzjonijiet ta’ angeriji inutili.  Il-politika mhux dejjem hija pjaċevoli, però ma hemmx bżonn nagħmluha iktar ta’ dwejjaq.  Iktar u iktar jekk irridu noħorqu l-aqwa elementi mit-talenti tagħna fil-Parlament u li jkollna aktar persuni li jitħajru jidħlu fix-xenarju tas-servizz politiku.

6.         Il-politika hija strument għas-sewwa u dan għandu jfisser li ma għandniex nirredikolawha aħna stess b’għemilna.  L-attakk lejn Berlusconi ġej fi ħdan dak ix-xenarju u rridu noqogħdu dejjem iktar attenti li ma nwasslux l-affarijiet fuq l-istess livell hawn.  Mhux ser nivvinta xi ħaġa ta’ barra minn hawn jekk nirrikonoxxi li hawn attakki sproporzjonati u li huma kkargati minn diskors deskrittiv iżżejjed.  Ċerti ministri, u drabi wkoll kollha kemm aħna, niġu mpinġija bħala li m’għandniex qalb meta dan m’huwiex minnu.  M’għandux ikun li nattakkaw politikament lil xulxin biex nisfugaw jew nuru kemm aħna bravi fix-xejn.

7.         Il-Milied jasal u għandu jibqa’ magħna.  Għandna nibqgħu nippruvaw neżerċitaw fuqna nfusna l-awto-dixxiplina u kritika biex inżommu l-affarijiet fil-perspettiva.  Ir-riflessjoni, s-sens ta’ paċi u trankwillità li għandna f’dawn il-jiem għandhom jakkumpanjawna tul is-sena kollha, ix-xhur kollha.  Biss dan irid sforz, u wieħed kbir.  Dan huwa indispensabbli għalina lkoll.  Is-soċjetà tippretendi dan minna lkoll, anki dawk bħali li nhar ta’ Ħadd niktbu fil-gazzetti.  Il-politika u l-Milied iridu jimxu flimkien għax hekk nuru li aħna poplu li jaħkmu fuqna r-raġuni u l-paċi, mhux il-ġenn u l-vjolenza.

8.         Nawgura l-Milied it-Tajjeb lil kulħadd fil-politika, u barra minnha.


Dan l-artikolu deher fl-20 ta Dicembru 2009.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...