3.4.14

Pajjiż f’fażi ta’ progress.



1.         Dan l-aħħar ġie f’idejja librett maħruġ mill-Università tagħna, stampat minn Fakultà partikolari, li fih kien hemm artikolu li janalizza x’sehem għandhom pajjiżi bħalna fi ħdan l-Unjoni Ewropea.  Kemm aħna kapaċi ninfluwenzaw l-opinjonijiet u l-aġenda ser ikun suġġett ta’ studju separat.  Hemm żgur lok għal din l-attenzjoni minn dawk li qegħdin fl-akkademija, però kif u b’kemm ser jirnexxilhom jidentifikaw, din hija ħaġa oħra.  Pajjiż ġdid li jsib ruħu ma’ oħrajn irid l-ewwel jifhem x’qed jiġri u kif jaħdem il-mekkaniżmu intern u wara jista’ jiċċaqlaq.

2.         Hemm proċess ta’ għarfien ta’ tagħlim fuq kif jaħdmu numru ta’ organizzazzjonijiet.  Uħud huma kajmani, jdumu sabiex jiċċaqilqu u oħrajn huma dinamiċi, trid tlaħħaq ma’ l-abbiltà tagħhom.  Uħud għandhom din il-veloċità minnhom infushom, oħrajn il-qafas ta’ l-istruttura organizzattiva u legali tagħhom jiddependu fuq min imexxihom aktar milli fuqhom stess.  Għalhekk, kull min iħares lejn organizzazzjoni jrid jara jekk iridx li tiċċaqlaq ‘il quddiem jew le billi jagħżel persuni li jidħlu fiha bil-qalb u mhux sabiex sempliċement jagħmlu karriera.

3.         Ġewwa l-Unjoni Ewropea, bil-poteri li għandha għandek sitwazzjoni li f’ebda għaqda oħra fid-dinja ma hemm bħalha.  Dan għax hija struttura organizzattiva u dinamika, kif ukoll hemm dejjem iktar persuni li jokkupaw il-pożizzjonijiet determinanti li huma mimlija ħeġġa u inizjattivi.  Tiskanta, imma dak li jista’ jidher kumplikat b’regoli li mhux dejjem faċli sabiex wieħed jifhem issibu jitħaddem b’mod effikaċi u, sa ċertu grad, effiċjenti wkoll.  Pajjiżna sab ruħu f’dan il-kurrent qawwi, jaħdem u jifhem kif irid jindirizza l-problemi.

4.         Dan ma kien faċli xejn fil-bidu, però llum irridu nirreġistraw li rnexxielna naslu fuq diversi punti sabiex nagħtu l-kontribut tagħna fid-deċiżjonijiet u, t-tieni, ninfluwenzaw lill-oħrajn.  Din il-gżira rnexxielha ġġib fuq l-aġenda Ewropea punti li ħadd ma kien ġieb qabel.  Mhux biss, imma ħaddimna ferm iktar minn ħaddieħor il-possibilità li nwasslu messaġġi u tibdil fl-impostazzjoni li kellna.  Ovvjament, il-ħidma sabiex iġġib din il-bidla mhix faċli li tirreġistraha b’dokumentazzjoni jew provi, imma dan xorta jsir.
5.         Il-vantaġġ li tkun mal-mejda tad-diskussjoni, li tista’ titkellem u titħaddet ma’ min imexxi pajjiżi oħra ma jistax jiġi kkalkulat.  Tant hemm possibilità li tersaq bil-kelma t-tajba, bl-użu tar-raġuni, li tibdel il-fehma ta’ l-oħrajn, li ħafna drabi aħna stess ma nindunawx kemm din hija qawwija.  Tgħallimt li ma tridx toqgħod lura, imma trid taffronta anki lil dawk li jistgħu jidhru bħala l-aktar “ostili”.  Dak li tkun qed timmira għalih mhux dejjem jiġik żewġ, imma l-effett huwa kumulattiv.  L-użu ta’ l-Unjoni Ewropea huwa għodda li ħadd ma jagħraf biżżejjed jekk mhux b’iktar impenn, snin u esperjenza.

6.         Ovvjament, pajjiżna ser jidħol fi proċess ieħor.  Għax issa li bdejna nidraw dak li għandna preżentement ser nidħlu issa fit-Trattat ta’ Lisbona.  Huwa ċar li llum jew għada dan ġej fis-seħħ u l-oppożizzjonijiet li kien hemm ser jispiċċaw.  Din hija sfida politika ġdida li ser nidħlu għaliha.  Ma hemmx dubju li ser jirnexxilna nimxu ‘l quddiem.  Fortunatament aħna m’aħniex nieqsa mill-intelliġenza.  Għall-kuntrarju ta’ dak li ħaseb ħaddieħor, il-pajjiż ħa diversi opportunitajiet, avvanza ‘l quddiem u żamm lura numru ta’ impatti negattivi milli jseħħu fuqna.  L-effett tagħna fl-Unjoni jrid jiġi mistħarreġ fid-dettall, ma hemmx dubju, biss kien ikun żball kbir wisq kieku ma dħalniex.


Artikolu li deher fil-25 ta Ottubru 2009 fl-Illum.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...