3.4.14

Inwieġbu għar-Realtà.



1.            Il-poplu li sema’ jew qara d-diskors tal-Budget induna mill-ewwel li l-Gvern, għal darba oħra, irnexxielu jiżviluppa pjan ta’ strateġija ekonomika u soċjali li jwieġeb għar-realtà.  Anzi, kien mill-iktar ċar li minkejja d-diversi messaġġi ta’ dlam u pessimiżmu, il-Ministeru tal-Finanzi ffoka fuq miżuri li jagħmlu sens u li jistgħu jitwettqu.  Il-pajjiż, żgur mhux forsi, skanta kif bil-maltemp kollu li d-dinja hija għaddejja minnu xorta ġie ppreżentat pakkett ta’ ħidma li ser ikompli jassigura li noħorġu minnha kemm jista’ jkun malajr.  Dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba.

2.            Ħadd ma jista’ jiċħad li daħal ħafna ħsieb u l-politika tal-Gvern li jiftaħ għad-diskussjoni dak li jkun ser jiġi propost hija triq eċċellenti.  Ma hemmx dubbju li r-responsabilità tad-dokument hija tagħna, biss fih hemm kwantità kbira ta’ suġġerimenti, ideat u programmi li ġew mill-pajjiż kollu.  Ma hemmx fejn wieħed jista’ jiftaħ iktar l-impenn tal-Prim Ministru li flimkien ma’ l-eletturi tiegħu jimxi ‘l quddiem.  Id-djalogu qiegħed isir bil-fatt fuq l-għola livelli.

3.            Il-kredibiltà tal-Eżekuttiv kibret ferm aktar milli wieħed jaħseb b’dawn il-passi.  L-ewwel, għax il-pajjiż fehem li ersaqna bi proċessi li jħarsu l-prijoritajiet ewlenin tagħna: f’kelma oħra x-xogħol, l-investiment, it-turiżmu, t-toroq, Għawdex, l-edukazzjoni, s-saħħa u l-ambjent; it-tieni, li għażilna bil-għaqal fejn għandna nikkonċentraw l-isforzi tagħna sabiex nassiguraw verament li x-xenarju li ġie fuqna neħilsu minnu kemm jista’ jkun malajr u t-tielet, li ma qagħdniex imorru għall-proposti bla sens, bżar fl-għajnejn u li minnhom il-pajjiż jitlef.  Strateġija politika u ekonomika diretta għal fejn hemm verament il-bżonn tagħha.  Sinjal ċar u evidenti li nafu sew x’qed nagħmlu.

4.            Mhux biss, imma naqas iktar il-piż li wieħed għandu jagħti lill-Oppożizzjoni f’sitwazzjonijiet simili.  Tant bħas-soltu mxew fuq il-linja li għandhom ibeżżgħu lill-eletturi li sabu ruħhom għal darb’oħra “off-side”.  Kien ikun aħjar għalihom u għall-pajjiżna li kieku ma qagħdux jimlew moħħ in-nies li dan id-dokument ħlief beraq u sajjetti ma kienx ser ikollu.  Ma hemmx wisq x’wieħed jgħid, salv li l-fatti juru li bejn l-Oppożizzjoni u l-Gvern, huwa dan ta’ l-aħħar li għandu l-aqwa linja politika, ekonomika u soċjali.  F’dawn il-jiem il-pajjiż qabbel naħa u oħra u minkejja kull manuvrar fehem li l-Gvern għandu l-aqwa ideat.

5.            Il-fatt li l-Gvern ippreżenta numru konsiderevoli ta’ proposti sabiex iżid ix-xogħol billi jassisti l-industrija, l-intrapriżi, dawk li jaħdmu għal rashom u n-negożji żgħar u medji juri appuntu li ma rmejniex, f’ebda mument, il-valur tal-ġustizzja soċjali.  Il-miljuni li qed inressqu sabiex nonfqu, sabiex nissudaw dan is-settur determinanti għad-demokrazija tagħna, juri biċ-ċar li l-prinċipji demokratiċi Nsara m’humiex parti minn ebda pakket konservattiv.  Anzi waqt li taqra u tifhem l-istrateġija, tapprezza aktar li aħna progressivi, nħarsu lejn kif irridu nibdlu.  Nassiguraw suq ħieles minn xkiel bla sens, però mhux meħlus mir-responsabbiltà tal-ġustizzja soċjali. B’dak li qed jitressaq quddiem il-Parlament, il-Gvern qiegħed jerġa’ jafferma ruħu bħala l-protagonist ta’ dan l-istaġun politiku.  Juri li għadu mimli b’ideat li m’humiex fl-arja, li qatt ma jistgħu jinqabdu, imma li jitwettqu fir-realtà.  Il-pożizzjoni hija ċara, inwieġbu għar-realtà ekonomika u fl-istess ħin ma ninqatgħux mill-prinċipji tagħna.  Parti mill-passi tagħna.  Dan fil-kuntest ta’ leġislatura diffiċli.  Waħda li fiha l-poplu qed  jerġa’ jqiegħed il-fiduċja tiegħu fina sabiex nibqgħu nimxu ‘il quddiem u ma mmorrux lura kif irid ħaddieħor bil-politika antikwata li jħaddan.

Artikolu li deher fil-Mument fil-15 ta Novembru 2009.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...