3.4.14

Id-demokrazija mhix perfetta.



1.         Il-parlament tagħna huwa ħaj u għaddej b’diversi mozzjonijiet, liġijiet u dibattiti.  F’dawn is-snin kollha li ilna indipendenti, fortunatament għalina qatt ma kien hemm waqfien fil-proċess sabiex wieħed janalizza u jżid mal-liġijiet li hemm bżonn.  F’kull liġi li tersaq, illum-il ġurnata tara li fuq l-aġenda hemm valur aqwa fil-kwalità ta’ l-artikoli.  Attenzjoni ikbar għal dak li s-soċjetà tagħna titlob u fl-istess ħin konsiderazzjoni ta’ kif wieħed għandu jersaq sabiex tinġieb ir-riforma li wieħed ikun jixtieq li ssir.

2.         Pass li żied fil-kwalità u fil-ħidma tal-Kamra tad-Deputati seħħ meta ġew imwaqqfa numru ta’ Kumitati Permanenti.  Quddiem dawn il-Kumitati, li l-poplu isegwi permezz ta’ l-internet, hemm il-possibilità li nlaħħqu ferm iktar mal-volum ta’ xogħol li aħna qegħdin il-ħin kollu naffrontaw.  Naraw fil-fatt li l-Kumitat għall-Kunsiderazzjoni ta’ l-Abbozzi ta’ Liġi jiltaqa’ regolarment u fih hemm il-proċess li bih nidħlu f’diskussjoni, artikolu wara artikolu, ta’ dak li jkun hemm fl-abbozzi.  F’dan il-Kumitat, li jirċievi huwa wkoll l-attenzjoni tal-medja, saru kwantità kbira ta’ liġijiet li qabel kienu jdumu wisq billi kienet tkun il-Kamra kollha li tieħu ħsieb dan ix-xogħol.

3.         Il-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali huwa ieħor li jiltaqa’ regolarment u jiddiskuti f’dettall diversi suġġetti li huma marbuta mal-familja, mal-immigrazzjoni irregolari, mal-protezzjoni tal-embrijun u l-faqar f’pajjiżna.  Dan huwa Kumitat ieħor li rnexxielu jieħu ħafna importanza, sija minħabba n-natura tas-suġġetti trattati, kif ukoll għax il-medja tal-pajjiż jagħtuh importanza.  L-istess għandu jingħad fil-Kumitat ta’ l-Affarijiet Barranin u dak li huwa marbut mal-kontroll tal-finanzi.  Dawn il-Kumitati huma strumenti, illum indispensabbli, għall-ħidma intensiva li ssir ġewwa l-Parlament tagħna.

4.         Ma hemmx x’wieħed jiddibatti fuq kemm kienet u għadha deċiżjoni għaqlija li wieħed imexxi ħidmet din l-istituzzjoni demokratika bl-użu tal-kumitati.  Dan għax l-istituzzjonijiet demokratiċi jridu jkomplu jiġu ssudati.  Bir-rispett lejn min jaħseb li ma hemmx trasparenza, kontroll, mekkaniżmi li jżommu l-ordni, d-dixxiplina jew li jieħdu passi kriminali jew amministrattivi, ir-realtà hija l-kontra.  Illum il-ġurnata jsiru diversi dikjarazzjonijiet mingħajr ħsieb biżżejjed fil-fond.  Mingħajr ma dak li jkun jieqaf jirrifletti fuq kemm għandna mekkaniżmi legali u demokratiċi intenzjonati sabiex jikkontrollaw kontra kull forma ta’ illegalità.

5.         Sfortunatament, f’dan ix-xenarju nsibu li hemm wisq dikjarazzjonijiet li ma jagħmlux ġieħ lil min ikun qed jagħmilhom.  Pereżempju hemm liberalità fl-użu tal-kelma “korruzzjoni”.  Ngħid dan għax meta taqbad il-Kodiċi Kriminali ssib li hemm żieda verament qawwija ta’ artikoli li jindirizzaw il-possibilità li din isseħħ.  Anzi, jekk wieħed jidħol f’iktar dettall isib li dan ma sarx darba, sporadikament, iżda kontinwament.  Ma waqafniex naġġornaw il-leġislazzjoni tagħna proprju għax bħala partit, aħna konna, għadna u nibqgħu kontra l-korruzzjoni u l-illegalità.  Għandna l-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni li tul is-snin kellha diversi drabi l-opportunità teżamina numru ta’ allegazzjonijiet.  Ġew preżentati kwantità kbira ta’ rapporti fuq dak li ngħad.

6.         Biss li ma jingħadx huwa li l-illegalità, dak li jiġi faċilment denominat bħala “korruzzjoni”, l-Korp tal-Pulizija u l-Uffiċċju ta’ l-Avukat Ġenerali jinvestigawh u fejn ikun hemm l-elementi, jipproċessaw.  Ma hemm ebda każ li mar għand dawn l-istituzzjonijiet li ma ġiex ittrattat bis-serjetà li ħaqqu.  Dan isir fl-illegalità li tirriżulta lill-forza ta’ l-ordni u wara jitressaq għall-analiżi legali quddiem il-Qrati tagħna.  Jekk dak li jkun mhux jallega biss imma jressaq il-każ, allura jsir il-proċess kollu kemm huwa.  Huwa għal kollox żbaljat li wieħed imur jieħu l-impressjoni, l-ewwel, li l-Korp tal-Pulizija tagħna mhuwiex tajjeb ħafna u ferm iktar aħjar minn ta’ diversi Stati oħra; it-tieni, li ma hemmx mekkaniżmi legali li huma kapaċi jinvestigaw u t-tielet, li l-Qrati tagħna għandhom xi problema sabiex jisimgħu l-provi u jiddeċiedu.

7.         Huwa żball politiku ta’ l-Oppożizzjoni li tkompli tattakka fuq din il-linja, proprju għax ilha għaddejja b’dan għal żewġ leġislaturi u kull darba l-poplu ma tax kredibilità lill-attakk li sar.  Kull leġislatura hija fil-fatt miżgħuda b’tixħit ta’ tajn intenzjonat biss sabiex jagħti l-impressjoni li hemm stat ta’ illegalità, mingħajr ma hemm prova.  Biss, aħna li smajna tant u ġejna akkużati iktar, minkejja dak li ħafna ġew assoġġettati għalih, sibna ruħna għal darb’oħra ivvutati lura fil-Gvern.  Il-poplu jara dak li jingħad mill-Oppożizzjoni u wara jkejjel fejn u sa fejn għandu jemmen jew jagħti affidament.

8.         Dan xorta waħda ma jfissirx li l-Gvern mhuwiex b’xi mod impenjat li jeradika kull attentat lejn aġir ta’ korruzzjoni vera.  Sistematikament żidna fil-mekkaniżmu, u ser inkomplu nżidu għax aħna stess jinteressana li ma jkollniex min jista’ jitnawwar fl-Istat.  Illum il-ġurnata, mill-esperjenza diretta, kull allegazzjoni li ssir tiġi riferita għall-investigazzjoni.  Ix-xenarju, kuntrarjament għal dak li jingħata, huwa li anke jekk ikun hemm biss id-duħħan u ma jkunx hemm in-nar, jiġi mogħti l-attenzjoni.  Kemm ilni ministru ġew numru ta’ każijiet quddiemi u mhux biss irreferejt, anzi ordnajt ukoll inkjesti indipendenti sabiex naċċerta dak li ngħad.  Dan sar u ser jibqa’ jsir.

9.         Għal dan il-pajjiż huwa importanti li nibqgħu għaddejjin nissudaw l-istituzzjonijiet demokratiċi tagħna għax mingħajrhom nistgħu mmorru lura.  F’moħħi, li sfortunatament huwa kundizzjonat minn dak li rajt isir taħt amministrazzjoni laburista, nfittex dejjem iktar li nagħti s-sehem tiegħi biex nagħti lil pajjiżna mekkaniżmi legali li jaħdmu hawn.  Dak li f’soċjetajiet ikbar ħadem, ma jfissirx neċessarjament li ser jaħdem f’tagħna.  Trid issir bil-kejl l-analiżi li qed indaħħlu mhux dak li jidher li huwa tajjeb, imma li effettivament jaħdem.  Il-Gvern impenja ruħu fil-programm elettorali tiegħu li jsaħħaħ il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni u li jdaħħal liġi li hija bbażata fuq il-kunċett tal-whistleblowing.  Dan ser isir.  Biss ser isir għax aħna rridu nkomplu nissudaw iktar id-demokrazija.  Ngħarfu u nirreaġixxu għal dak li kien qal John F. Kennedy f’Berlin nhar il-11 ta’ Ġunju 1963: “Freedom has many difficulties and democracy is not perfect.



 Artikolu li deher fil-gurnali fis-19 ta Novembru 2009.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...