7.4.14

Riformi neċessarji



1.         Il-pajjiż, għalkemm jista’ jiġi aljenat minn ħaġa u minn oħra, ma jistax ma jirrikonoxxix l-impenn tal-Gvern li jwettaq il-programm elettorali tiegħu.  Id-diversi punti ta’ riforma li tħabbru li ser isiru numru ta’ drabi jispiċċaw jintilfu fost aħbarijiet oħra.  Id-dinja hija dinamika iktar bil-mezzi tax-xandir li għandna llum u dan, jekk ma toqgħodx attent, inessik u jtellfek minn dak li jkun qed isir.  Il-passi t-tajba jintilfu fost id-diversi punti ta’ eventi li jseħħu ma kull jum.

2.         F’dan ix-xahar kif kien ippjanat, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, taħt id-direzzjoni tas-Segretarju Parlamentari Mario de Marco, daħal għall-proċess tar-riforma fil-MEPA.  Issa, għalkemm wieħed irid jgħid li saru passi f’leġislaturi oħra għal bidliet, qatt ma kien hemm sforz daqshekk qawwi sabiex minn dak li għandna llum nimxu ‘l quddiem.  Mill-esperjenza, Irrid ngħid li mhux faċli tasal għal soluzzjonijiet bilanċjati li jassiguraw li tibdel dak li ma jaħdimx mingħajr ma titlef it-tajjeb li hemm.

3.         Għalhekk kien fiha biċċa xogħol sew sabiex jiġu identifikati punti li qed iżommu lura lil din l-organizzazzjoni milli taħdem kif għandha għas-servizz tal-poplu.  Dan però sar u sar fi żmien qasir, wara proċess delikat u laborjuż ta’ diskussjoni u djalogu.  Illum il-pajjiż għandu għad-disposizzjoni tiegħu abbozz ta’ liġi li daqt ikun diskuss fil-Parlament pilotat minnu.  Il-linja tar-riforma hija bażata fuq erba’ pedestalli importanti: il-konsistenza, l-effiċjenza, il-kontabilità u l-infurzar.

4.         Dawn huma l-linji gwida li fuqhom għandna nassiguraw ħidma aħjar ġewwa l-MEPA.  Kollha għandhom l-importanza, ibda mill-effiċjenza li numru ta’ drabi tispiċċa u ma tibqax tidher bil-konsegwenza li dak li jista’ jinħeles malajr idum għaddej u kompli bil-kontabilità.  L-akkontabilità hija determinanti, kif ingħad.  Importanti għax minnha jibda u jispiċċa ħafna minn dak li jsir.  Sfortunatament hemm perċezzjoni li nbniet f’dawn is-snin li l-affarijiet ma jsirux kif għandhom, b’dewmien u nuqqas ta’ trasparenza.  Din trid tiġi kumbattuta b’kif ingħad tajjeb, “sens qawwi ta’ etika msaħħa minn proċess ta’ skrutinju.”
5.         Ma hemmx dubju li l-linja tal-Gvern hija waħda li tmexxina, li tagħti riżultati iktar diretti u li jinħelsu malajr l-applikazzjonijiet mingħajr dilungar jew tfettiq żejjed.  Għalkemm ma ngħadx, però huwa ċar u ovvju li l-aktar li hemm lok għalih huwa l-użu tas-sens komun.  Għalhekk, meta taqra ħafna mill-artikoli ta’ l-abbozz ta’ liġi tinduna li l-miżuri proposti huma diretti lejn iktar sempliċità, loġika u eliminazzjoni ta’ prattiċi kumplikati li bdew joqtlu l-iskop tal-liġi nnifisha.

6.         L-abbozz lest.  Issa tibda t-triq li taf tkun twila fil-Parlament tagħna sabiex jiġi trasformat fil-liġi tal-pajjiż.  Jekk dan isir bl-inqas atrit fil-Kamra u b’aktar kunsens inkunu qed nagħtu messaġġ ċar li l-pajjiż kollu għandu bħala prijorità din ir-riforma.  Nittama li l-moderazzjoni, l-ideat progressivi u, fuq kollox, is-sens komun iwasslu lill-Oppożizzjoni sabiex tipparteċipa favur dan l-abbozz u l-prinċipji importanti li fih.  Jiġri x’jiġri, din hija riforma neċessarja għall-poplu tagħna – waħda li għandha tkompli tissoda s-sewwa, it-trasparenza u l-effiċjenza kontra l-egħdewwa tagħha.


 Artikolu li deher fil-Mument fil-21 ta Jannar 2010.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...