3.4.14

Tibdiliet fil-Gvern Ġermaniż.



1.         Wara l-aħħar elezzjoni ġenerali li fiha rajna l-Kanċilliera Angela Merkel tiġi konfermata għal-leġislatura oħra fil-Ġermanja, issa tul din il-ġimgħa qed naraw il-formazzjoni tal-Kabinett il-ġdid.  Ovvjament, il-koalizzjoni l-ġdida, dik bejn is-CDU u l-FDP ser tfisser li l-Ministri tal-partit soċjal-demokratiku ser jispiċċaw nhar it-Tlieta li ġej.  Uħud minnhom kienu ilhom tnax-il sena ministri.  Fl-aħħar laqgħa tal-Ministri tal-Ġustizzja u l-Intern ġewwa l-Lussemburgu kelli l-opportunità li nifhem iktar minn dan fil-viċin.

2.         Fil-fatt, mingħajr ma trid f’dawn il-laqgħat tispiċċa ssir taf numru ta’ ministri fuq livell differenti minn dak tas-soltu, jiġifieri sempliċi ittri u rappreżentanzi normali.  Hemm, fil-laqgħat ikollok ftit tal-ħin, jew sejrin nieklu jew nippreparaw għall-mumenti ta’ nkontri, li fihom tgħid kelma.  Ħafna drabi tibni dawn ir-rapporti ta’ ħbiberija għax tispiċċa tiddiskuti punti li taqbel magħhom.  Ma hemmx dubju li anke hawn, l-affiljament politiku jgħin, però ma jżommx milli tibni dan l-għarfien anki ma’ dawk li tista’ taħseb li mhux ser tara għajn ma’ għajn magħhom.

3.         Fil-Lussemburgu ltqajt ma’ Bridget Zypres, li kienet tokkupa għal dawn l-aħħar snin il-pożizzjoni ta’ Ministru tal-Ġustizzja.  F’diversi laqgħat konna nispiċċaw nagħtu l-opinjonijiet tagħna.  Daqqa naqblu, u daqqa le.  Hija bniedma intelliġenti u waqt li ssoltu nitkellmu fuq dak li jkun qed jokkupa l-aġenda f’dik id-data tal-laqgħa, stajt nara iktar l-aspett uman tagħha.  Waħda mill-osservazzjonijiet li għamlitli kienet li, issa li kienet ser tispiċċa, għall-ewwel darba kienet qed tnaqqas mix-xogħol.  Qaltli li tħossha li tista’ tibda tgawdi ftit mill-ħajja, issa li ma għadhiex ministru wara tnax-il sena kontinwi ta’ ħidma.

4.         Biss, anke mar-rebbieħa tlift ħabib.  Wolfgang Schäuble, li kien Ministru ta’ l-Intern issa ser jiċċaqlaq bħala dak tal-Finanzi.  Kien jimpressjonani fin-numru ta’ drabi li kien jintervjeni jitkellem fuq punt u ieħor.  Dejjem determinat, ċar u preċiż f’diskorsu.  Jaf jikkonvinċi u jżomm il-pożizzjonijiet tiegħu bl-aktar mod sostnut.  U dan huwa iktar u iktar interessanti meta wieħed jikkonsidra li spiċċa ma jistax jimxi għax miġnun snin ilu sparalu tlett tiri.  Kien jiġi għal-laqgħat u rari ħafna kien ikun assenti minnhom minkejja l-pożizzjoni fiżika tiegħu.

5.         Sibtu diversi drabi f’mumenti partikolari u tani appoġġ f’dak li kont qiegħed nipproponi fl-immigrazzjoni.  Imma l-għan prinċipali tiegħu kien marbut ma’ iktar sigurtà fl-Unjoni.  F’waħda minn dawn il-laqgħat kien iddikjara: “We are especially committed to the European Idea.  This also includes our participation in the creation of a European Security Network, for the citizens of Europe can only seize the chances stemming from more freedom, openness and mobility if their security is not afflicted.  Freedom and security therefore are not contrasts, but two sides to a coin”.

6.         Kemm dam jokkupa din il-kariga kellu din bħala prijorità.  Ikabbar il-vantaġġi li sistema bħal dik tas-Schengen sabiex tkompli tissoda aktar ruħha.  Għalhekk il-fruntieri Ewropej kienu għalih importanti li jinżammu tajjeb u proprju għal din ir-raġuni li sibtu kull darba li ġejna biex norganizzaw l-operazzjoni FRONTEX bil-preżenza tal-pulizija Tedeska magħna.  Mhux ser ikun faċli li jkollok persuna li jkollha l-istess kwalitajiet bħalu u min dieħel warajh għandu problemi kbar quddiemu.  Żgur mhux forsi, d-dell ta’ Wolfgang hemm ser jibqa’ għal numru ta’ snin.

7.         Kont qed nittama li jkolli l-opportunità li nerġa’ niltaqa’ miegħu qabel jidħol għall-kariga l-ġdida iżda dan ma kienx possibbli.  Daħal irrankat f’dak tal-Finanzi b’ruħu u ġismu, kif jidher ċar mir-rapporti f’diversi gazzetti finanzjarji.  Tipikament tiegħu ddikjara mill-ewwel (għadu anqas ħa l-ġurament) li s-sitwazzjoni finanzjarja Ġermaniża hija dik li fl-erba’ snin li ġejjin m’huwiex possibbli li l-budget ikun bilanċjat.  Mhux kulħadd ikun ferħan b’dan, però taf li ma hemmx ċajt mal-verità miegħu.  Anzi dejjem emmen li mingħajr il-verità ma tagħmel xejn fil-ħidma kontra d-delinkwenza u fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

8.         Dawn it-tibdiliet fil-Kabinett Ġermaniż ser jaffettwaw mhux biss l-eventi f’dak il-pajjiż imma wkoll dak Ewropew.  M’għandix dubju li l-preżenza ta’ Wolfgang Schäuble ser tkun determinanti fil-politika finanzjarja Ewropea.  Iktar u iktar meta diversi Stati għadhom ma rkuprawx mill-kriżi finanzjarja.  L-eventi futuri jagħtuna parir, però żgur li tlifnih fl-Intern.


Artikolu li deher fl-Illum fl-1 ta Novembru 2009.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...