3.4.14

Il-Vuċi tar-Raġuni.



1.            L-għażliet li għandu quddiemu l-bniedem mhux dejjem jagħrafhom, u jekk jirnexxilu jagħmel dan, ma hemmx garanzija li jeħodhom tajjeb.  Hemm konfront ta’ ideat, ħsibijiet u prinċipji etiċi li fir-realta’ minflok jassistu fid-dixxerniment ta’ dak li huwa s-sewwa minn dak li m’huwiex.  Kunċetti ta’ ħsieb li jsibu lilhom infushom kull darba marbuta ma kemm huma fil-fatt strumentali sabiex jsarfu fit-tajjeb.  F’kelma oħra dik id-deċiżjoni li meta tħares lejha wara snin tista’ liberament tgħid li kienet waħda li serviet sabiex id-dinja timxi `il quddiem fil-paċi, progress u ġustizzja.

2.            F’din il-gimgħa waslet l-aħbar li Mehmet Ali Agca li fit-13 ta’ Mejju 1981 spara fuq il-Papa Ġwanni Pawlu II fi Pjazza San Pietru, ser jiġi meħlus, għax ser jiskonta l-piena tiegħu fit-18 ta’ Jannar 2010.  Il-bniedem li kien akkuzat fit-Turkija tal-qtil ta’ ġurnalista Abdi İpekçi li seħħ fl-1 ta Frar 1979 u li kien irnexxilu jaħrab mill-ħabs sabiex mar jipprova jelimina lil Karol Wojtyla.  Fortunatament ma rnexxilux iwettaq dak li daħal għalih.  Id-dinja kienet waqfet, tistenna u fl-istess ħin tiskanta kif seħħ dan kollu.

3.            Biss l-istorja ta’ dan l-attakk kompliet tikber u tieħu dimensjoni differenti l-ewwel meta l-Papa fil-frattemp kien irkupra u fis-27 ta’ Diċembru, 1983 mar fiċ-ċella ta’ Agca jkellmu, jaħfirlu u t-tieni, bil-maħfra Presidenzjali ta’ Carlo Azeglio Ciampi sbatax–il sena wara fit-13 ta’ Gunju 2000 u din seħħet fuq l-insistenza ta’ Ġwanni Pawlu nnifsu.  Minn hemm spiċċa t-Turkija fejn jidher li skonta issa l-piena hemm ukoll.  Ġabra ta’ eventi li messew mhux biss il-ħajja ta’ ċerti bnedmin imma lid-dinja kollha.

4.            Il-konfront ta’ ideat, bejn il-Kattoliċeżimu fuq naħa u forom radikali tal-Islam deher mill-iktar ċar.  Qajjem f’moħħ l-istoriċi diversi mumenti tad-dinja fejn il-ġlied ma kienx sempliċiment wieħed ta’ idejat però kien iktar wieħed militari.  Ħafna tilfu ħajjithom f’din it-triq b’kruċjati, fl-art imqaddsa, fit-taqbidiet għall-Kostantinopoli, bil-konflitti ma’ l-Imperu Ottaman, li waslet għas-sitwazzjonijiet tal-lum.  Kien hemm allarm ġenerali u nibtet faċilment it-tejorija li dak li ma seħħx sekli ilu kien issa ser jimaterjaliżża ruħu.  Biss quddiem dan kollu l-Knisja Kattolika għażlet li ssegwi l-vuċi tar-raġuni li tifhem, tgħarbel u toħroġ l-id tal-ħbiberija għax b’dak il-mod wieħed jista’ jimxi l-quddiem.

5.            Agca illum ġie rrapurtat li kkonverta għall-kristjaneżmu mhux biss imma x-xewqa tiegħu hija li jmur lura fuq il-qabar tal-Papa fl-ewwel viżita tiegħu f’Ruma.  Dan ukoll minnu nnifsu jitlob riflessjoni.  Wieħed jinduna kemm huwa importanti li jersaq lejn il-mejda tar-raġuni iktar milli jintilef f’dikjarazzjonijiet bla sustanza u magħmula biss fl-isfond rejazzjonarju mingħajr ma huma marbuta ma proċess ta’ paċi.  L-eżempju li segwa Wojtyla huwa dak li l-knisja qegħdha tipprova tkompli timxi fuqu bħal ma ilha tagħmel dawn l-aħħar sekli.

6.            Dan jidher il-ħin kollu f’dinja fejn in-nies tar-raġuni, ta’ dawk li jridu l-ġustizzja u l-paċi ma jsibux min jifhimhom jew jagħtihom sostenn.  L-aħħar każ li jimmerita attenzjoni rriżulta’ fil-kliem tal-Ministru Roberto Calderoni fuq id-diskors tal-Kardinal Dionigi Tettamanzi.  Hawn ukoll fil-waqt li saru akkużi nfondati fil-konfront tal-Isqof ta’ Milan l-knisja qed tersaq bil-vuċi tar-raġuni.  Il-kundanna hija fis-sustanza li l-Kardinal għandu jibdel dak li jemmen fih għax hemm il-biża ta’ l-Islam.  Fil-kwadru storiku dan joħroġ fil-linja riċenti tar-referendum fl-Isvizzera fejn il-pajjiż ivvota kontra l-bini ta’ minaretti li huma t-torrijiet li minn fuqhom l-Imam issejjaħ lis-segwaċi.  L-akkuża hija li billi l-knisja tesiġi l-vuċi tas-sewwa, tar-raġuni allura marret lejn id-difiża tad-dinja iżlamika.

7.            Tettamanzi għadda u għadu għaddej minn jiem xejn pjaċevoli fil-kitba tal-gazzetti taljani.  Hemm biżgħat li t-tweġiba għalihom għalkemm qegħdha dejjem fl-użu tajjeb tar-raġuni, mhux dejjem tinftiehem.  Biss huwa ċar li meta jispiċċa d-djalogu, flok tinsab soluzzjoni, tikkomplika ruħha aktar l-problema.  Mingħajr tolleranza bbażata fuq l-impenn li wieħed jifhem u mhux sempliċiment jħalli lil ħaddieħor jiġi tollerat ma jirriżulta xejn ħlief inkwiet.  Hemm dejjem iktar bżonn li l-Ewropa tifhem li hemm lok u bżonn sabiex il-bnedmin jgħarblu dak li jirrapreżentaw u ma jattakkawx fix-xejn lil xulxin.  Iċ-ċavetta futura hemm qegħdha li nimxu ‘l quddiem flimkien bl-użu tar-raġuni.


Artikolu li deher fit-13 ta Dicembru 2009 fl-Illum.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...