3.4.14

It-tmiem li jitlob riflessjoni.



1.         Meta l-President Amerikan John F. Kennedy fil-11 ta’ Ġunju, 1963 kien mar Berlin u kellem lill-poplu, f’diskors storiku u mqanqal kien qal: “You live in a defended island of freedom, but your life is part of the main.  So let me ask you as I close, to lift your eyes beyond the dangers of to-day to the hopes of tomorrow, beyond the freedom merely of this city of Berlin and all your country of Germany to the advance of freedom everywhere, beyond the wall to the day of peace with Justice, beyond yourselves and ourselves to all mankind.”  Għażilt dawn il-kliem proprju għax minnhom wieħed jista’ jara li Kennedy kien qiegħed iħares sew ‘il quddiem.  Dan għax fih dan id-diskors hemm, l-ewwel, messaġġ ta’ tama li l-futur ser jinbidel, kif fil-fatt ġara; t-tieni li l-Ġermanja ser terġa’ tkun magħquda; u t-tielet li s-soluzzjoni għall-problemi tad-dinja jinsabu fil-paċi u l-ġustizzja.  It-tlieta pilastri ta’ ideat li ġew fis-seħħ illum.

2.         Minn kien sema’ dak id-diskors, magħruf aħjar bħala “Ich bin ein Berliner”, kien apprezza l-kuraġġ u l-korrettezza ta’ President Amerikan li mar fuq il-parti l-iktar taħraq tal-Gwerra Bierda.  Fuq dik il-fruntiera, f’dik iż-żona libera li żammet lilha nnifisha hekk mertu ta’ l-ajruplani Alleati li baqgħu jfornu lill-parti mhux Sovjetika tal-belt ta’ Berlin, ħadd qabel ma kien mar bħal ma għamel huwa.  F’dik il-ġurnata d-dinja baqgħet tħares lejn x’seta’ jseħħ konsegwenza ta’ dak id-diskors qawwi, aktar u aktar meta x-xenarju kien imħawwar iktar bil-kwistjoni Kuba fl-arja.

3.         L-att fih innifsu ġabar ferm iktar attenzjoni mill-kliem li, għal xi wħud, seta’ kien jidher bħala retorika, dikjarazzjonijiet f’ritwal li ħadd ma kien ivvinta qabel, però naħseb li llum, wara dawn is-snin kollha, hemm lok għal rivalutazzjoni.  Ngħid dan għax l-estremi f’din is-sitwazzjoni kienu u jibqgħu mill-iktar interessanti.  Meta konna taħt it-theddida Sovjetika kollox kien dlam u d-diffikultà, issa li l-ħajt waqa’ u l-Unjoni Sovjetika ġiet maħlula, spiċċat kollha.  Qabel kien hemm ħafna attenzjoni, illum spiċċa kollox.

4.         Id-diskors f’dik il-ġurnata miss numru ta’ punti li s-sistema nervuża tal-politika Ewropea kienet u għadha dejjem iktar tibbaża ruħha fuqhom.  Il-prinċipji tal-paċi u l-ġustizzja fir-realtà huma għodda indispensabbli għal min irid jibni qafas ta’ Stat fuq pedamenti sodi.  Dan huwa, fir-realtà, l-punt determinanti ta’ kull soċjetà demokratika, jiġifieri li għandha tinbena fuq qafas ta’ valuri, ideat li jkollhom prinċipji etiċi fundamentali li kontinwament jiggwidaw u awtomatikament jikkontrollaw, inkella tkun sistema li hija reazzjonarja u taħdem għax imbuttata f’direzzjoni mingħajr ma hija tanalizza lejn fejn sejra sewwasew.  U hawn il-konsegwenzi huma imprevedibbli u anki żbaljati.

5.         Dawk il-kliem: “To the day of peace with Justice, beyond yourselves and ourselves to all mankind” jixhdu li bil-kritika kollha li l-familja Kennedy għaddiet u tgħaddi minnu kellha formazzjoni ta’ ideat u prinċipji li joħorġu f’diversi drabi.  Il-kunċetti nsara ta’ l-Istat, tas-soċjetà, tal-komunità huma gwida għal kulħadd u jistgħu jiġu liberament skartati, però jkun żball li wieħed lanqas biss jikkunsidrahom.  Ngħid dan għax ninnota li ħafna drabi l-impostazzjoni hija li hemm xi impożizzjoni ta’ ideat, biss fir-realtà hija fonti ta’ għerf, ta’ ħsieb u esperjenzi li qegħda għad-disposizzjoni ta’ l-umanità.

6.         Inqajjem dan għax wieħed mill-effetti negattivi tal-waqa’ tal-ħajt ta’ Berlin kien li l-kuntrast bejn il-marxiżmu u l-ideat politiċi l-oħra spiċċa b’tali mod li kull ideoloġija naqsilha l-valur.  Wasalna fil-punt li ma għandniex bżonn ta’ dawn u allura billi ma hemmx lok għal “rabtiet” ideoloġiċi, dan għandu jfisser iktar libertà u flessibilità.  Fir-realtà dan sarraf sabiex ma ssirx politika tajba u anzi mbuttatna iktar biex ngħarfu li mingħajr il-valuri tal-paċi u l-ġustizzja ma nimxux.  Il-kriżi ekonomika li żviluppat fil-każ tal-Lehman Brothers hija proprju l-prova.  Ir-reazzjoni għaliha qegħda prinċipalment fl-għarfien li mingħajr ġustizzja soċjali l-Istat jiżbalja u dan l-għarfien, terġa’, wassal sabiex il-kunċett tal-ġustizzja jerġa’ jiġu valutat u dibattut kif inhuwa qiegħed illum.  Hemm iktar x’jingħad, żgur mhux forsi, però għoxrin sena wara l-waqa’ ta’ dan il-ħajt għandna iktar minn qabel niddibattu u nirriflettu fuq l-effetti sħaħ politiċi, soċjali u ekonomiċi li ġieb.


 Artikolu li deher fl-Illum tas-6 ta Dicembru 2009.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...