3.4.14

Repubblika, demokrazija u partit.

1.     Hemm min jipprova jagħmel l-argument żbaljat li l-Partit Nazzjonalista huwa kontra r-Repubblika u ċ-ċelebrazzjoni tat-13 ta’ Diċembru bħala jum nazzjonali.  Ma hemmx falsità ikbar minn din.  M’aħniex u anzi l-istorja tal-partit turi li qatt ma konna monarkiċi.  Ħdimna proprju għax nemmnu li l-pajjiż tagħna ggwadanja bil-Presidenza. Għax għalkemmid-demokrazija teżisti, ma hemmx dubju, sija fejn hemm  il-monarkija parzjali jew  kostituzzjonali, kif ukoll fejn hemm ir-repubbliki xorta hemm vantaġġi kbar f’Repubblika.    L-istorja tagħna  ilha turi b’mod mill-iktar ċar li aħna kapaċi niddeċiedu waħdena u mmexxu lill-poplu taħt din il-forma ta’ l-istruttura kostituzzjonali mingħajr diffikultajiet.

2.     Biex dan il-pajjiż sar repubblika kellu bżonn l-għaqda taż-żewġ partiti fil-Parlament.  Il-maġġoranza kwalifikata ppermettiet li sija l-Partit Laburista kif ukoll dak Nazzjonalista ħadu d-deċiżjoni flimkien f’dik l-istituzzjoni demokratika li jibdlu  il-qafas legali tagħna.  L-Indipendenza ġiet mertu tal-vot popolari, ta’ referendum li permezz tiegħu ddeċidejna bħala poplu li wasal il-mument li mmorru għal rasna, u hekk sar wara kien evidenti li  Il-pass li kien imiss għalina kien li niċċaqilqu għall-Republika sħiħa.

3.     Id-demokrazija tagħna f’dik il-ġurnata tal-vot fil-Parlament issudat lilha nfisha u dan għamlitu għax ħadmet is-sistema li qabel ċaqliq ta’ ċertu piż jsiru diskussjonijiet fit-tul bejn iż-żewg naħat.  Ħadmet ir-rappreżentanza demokratika u ndiretta  tagħna li ma ċekknitx l-ispazju tagħna bħala Maltin u Għawdxin, imma li kompliet  kabbritu.  Dan seħħ ukoll, anzi prinċiparjament għax bqajna għaddejjin b’żewġ partiti b’saħħithom li minkejja d-difetti reċiproċi tagħhom ġiebu stabilità politika.  Dan il-pajjiż mexa ‘l quddiem fl-aspett kostituzzjonali tiegħu b’veloċità ferm aqwa minn ta’ diversi pajjiżi oħra proprju għax  ir-rappreżentanza ma hiex  maqsuma f’iktar biċċiet, ta’ iktar partiti minn tnejn.

4.     Għalhekk ir-Repubblika hija ċelebrazzjoni taż-żewġ naħat, nazzjonali u li turi wkoll li mingħajr il-partiti politiċi ma kienx ikollna dak li għandna llum.  Il-partiti politiċi huma ċwievet importanti sabiex il-pajjiż jikber fl-oqsma tiegħu.  Jiġu kritikati kemm jiġu kritikati, l-partiti għandhom mhux jiġu aboliti imma ssudati sabiex jaqdu aħjar il-funzjoni sħiħa tagħhom u għalkemm għandna ħafna x’nagħmlu, però nerġa’ ngħid li bid-difetti tagħhom huma garanzija tar-rispett lejn id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-funzjoni sħiħa ta’ soċjetà demokratika.

5.     Għalhekk ħabat tajjeb li llum qegħdin mhux biss niċċelebraw din il-ġurnata importanti b’dak li hija titlob, iżda wkoll bil-ġbir ta’ fondi għall-attivitajiet tal-partit niċċelebraw l-eżistenza tagħna.  Huwa essenzjali li partit  ikollu l-fondi neċessarji sabiex imexxi ‘l quddiem il-vuċi tiegħu u jassigura li jista’ jkompli bil-ħidma li tinvolvi.  Meta tikkunsidra li fi ħdanna għandna stazzjon tax-xandir komplut, gazzetti, kotba u ġurnali, wieħed jinduna kemm għandna  bżonn biex immexxuhom  ‘il quddiem.  Partit politiku jiddependi  fuq naħħa fuq l-abbiltà tal-politiċi tiegħu, però fuq l-oħra  hija essenzjali, li  l-magna tal-partit tkun kapaċi twassal il-messaġġ  fit-truf ta’ pajjiżna.

6.     Id-donazzjonijiet li jingħataw mill-qalb ġeneruża ta’ persuni varji li jifhmu l-importanza ta’ partit bħal tagħna  huwa għalhekk importanti.  Il-kelma u l-ħidma kontinwa tagħna għandha bżonn is-sostenn  ta’ ħafna.  Il-pajjiż jissoda dejjem iktar ruħu iktar ma jkollna demokrazija b’saħħitha u l-partiti huma l-pilastri tagħha.  Għalhekk dan il-jum huwa wkoll jum ta’ ċelebrazzjoni doppja: tar-Repubblika u tal-partit tagħna.  Katina vitali għalina lkoll inkella nitilfu mill-valuri demokratiċi u nsara tagħna

Artikolu li deher fit-13 ta Dicembru 2009 fil-Mument.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...