7.4.14

Il-kultura u l-moderazzjoni.



1.         Reċentement ġie għall-attenzjoni tiegħi artikolu verament tajjeb miktub mill-Ambaxxatur Franċiż għal pajjiżna, Daniel Rondeau bit-titolu “Culture et diplomatie Françaises” stampat fil-ġurnal “Mondes”.  Fih l-Ambaxxatur jagħmel diversi osservazzjonijiet interessanti u li, mingħajr ma trid, imexxuk ‘il quddiem sabiex taħseb u tirrifletti fuq is-soċjetà Ewropea u Maltija.  Id-domanda li trid bilfors titqiegħed f’moħħna hija kemm qegħdin nassiguraw li hemm dibattitu kulturali.  It-tieni, x’livell ta’ konsiderazzjonijiet kulturali qegħdin nieħdu f’dan il-proċess.

2.         F’dan l-artikolu maħruġ reċentement huwa jgħid hekk: “La culture est le moyen le plus natural de nous anacher à nos maladies mortelles et de faire exister notre influence, de l’etendre ou de la fortifier.”  Il-kultura hija mekkaniżmu mill-iktar naturali li tagħtina biex naffrontaw il-ħajja tagħna u tissudana ‘l quddiem.  Naqbel ħafna ma’ dak li Daniel Rondeau qiegħed jaħseb u nsostnuh f’dak li qed jingħad.  L-iktar għax, kif jindika hu, għandna għad-disposizzjoni tagħna varjetà kbira ta’ materjal li qiegħed jistenna li jiġi utilizzat mill-bnedmin, però sfortunatament m’huwiex.

3.         Il-verità tal-ħajja hija li, indipendentement minn dak li nistgħu ngħidu, mhux kull opra ta’ l-arti hija l-istess, anqas kull ktieb tal-letteratura, anqas kwalunkwe forma oħra ta’ l-espressjoni tal-kultura ma hija.  Hemm differenzi kbar – uħud tħosshom jispirawk, jistimulawk, iġagħluk tirrifletti u ssib li kbirt fl-għerf u fil-konoxxenza, u oħrajn assolutament le.  M’għandux x’jaqsam la l-kredu politiku, lanqas dak reliġjuż jew filosofiku dak li huwa mimli sens u sustanza – hemm jibqa’, waħdu, jixgħel u jagħti direzzjoni.  Tista’ taqbel jew le ma’ dak li jinkiteb jew jingħad jew jiġi espress, però meta jkun tajjeb iservik sabiex timxi ‘l quddiem u tagħraf aktar il-pjaċir ta’ l-eżistenza u l-iskop tal-ħajja.

4.         Hemm livelli varji ta’ kultura u wieħed jifhem li f’soċjetà fejn it-tagħlim għadu lura jew il-mezzi għad-disposizzjoni m’humiex hemm, allura ma tistax tippretendi għarfien ta’ dak li fih iktar.  L-agħar, u li ma nistax nifhem biżżejjed huwa kif f’din is-soċjetà tagħna, li hija magħmula b’aktar persuni li japprezzaw il-kultura fejn il-mezzi finanzjarji m’humiex anqas nieqsa, li żbaljatament nibqgħu nwaħħlin ma’ tip wieħed u b’espressjoni unika ta’ ideat.  Hemm nuqqas ta’ divulgazzjoni u interazzjoni f’pajjiżna ta’ dak li l-kulturi Ewropej għandhom u qed jagħtu.  Ċerti drabi nieħu l-impressjoni li għadna marbuta wisq ma’ dak li huwa għaddej f’ċerti teatri ġewwa Londra milli qed niftħu ruħna għal oħrajn li hemm ġewwa bliet kapitali oħra.

5.         L-artikolu fih punt verament interessanti li jimmerita ftit aktar attenzjoni meta jiddikjara li “il n’y a pas de politique française sans culture” – ma hemmx politika Franċiża mingħajr kultura.  Dan ir-rapport bejn il-kultura u l-politika jrid jibqa’ quddiem għajnejna, li hija ta’ l-ewwel li tagħmel minn tat-tieni għodda u strument effettiv.  Mingħajr kultura tajba ta’ sustanza, allura ma nistgħux nagħtu kontribut qawwi u sod lill-eventi tal-pajjiż.  Is-sabiħ ta’ Daniel Rondeau huwa li qiegħed anzi jinsisti li l-politika Franċiża mhux is-sempliċi politika imma għandu jkun fiha aktar.  M’hijiex hekk jekk m’għandhiex kultura.  F’kelma oħra, il-politika meta tiġi espressa u mxandra ssir hija wkoll mezz ta’ kultura.


6.         Nemmen li dan huwa possibbli anki għalina li naraw u nġibu l-kultura tas-sustanza lura b’mod sħiħ fil-ħajja tagħna.  Mhux biss, imma rridu nifhmu aktar minn qabel li l-kultura hija indispensabbli sija għas-soċjetà kif ukoll għall-politika.  Naqbel miegħu meta jkompli jiddikjara “Il faut donc remettre la culture au centre et ne plus la considerer comme un superflu, un luxe ou un divertissement.”  Hemm bżonn li nerġgħu nġibu l-kultura fiċ-ċentru u ma nikkonsiderawhiex aktar bħala superfluwa, lussu jew sempliċement mezz ta’ divertiment.  Din il-linja politika trid tittieħed għax hemm bżonn li l-ġlieda għall-politika t-tajba ssir, dik li tgħolli d-dinjità tal-persuna umana u mhux tiddenigraha.

Artikolu li deher fil-Mument tal-31 ta Jannar 2010.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...