7.3.24

RAĦAL ĠDID - SIĠAR TAŻ-ŻEBBUĠ

16567. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15624 rigward siġar taż-żebbuġ li jinsabu f’żoni pubbliċi f’Raħal Ġdid, jista’ l-Ministru jgħid jekk inżabrux jew le, u jekk ma jarax li huwa iktar għaqli li dawn jiġu enumerati billi huma parti mill-patrimonju nazzjonali?

 

20/02/2024

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li fejn ikun hemm il-b¿onn, is-sigar jinżabru.

Infurmat ukoll mill-istess Kunsill li prezentament hemm materji ohra li jieħdu preċedenza fuq l-eżerċizzju tal-innumerar tal-imsemmija siġar.


Seduta  215

04/03/2024

WIED IL-GĦAJN - SIĠAR TAŻ-ŻEBBUĠ

16566. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15627 rigward siġar taż-żebbuġ li jinsabu f’żoni pubbliċi f’Wied il-Għajn, jista’ l-Ministru jgħid jekk inżabrux jew le, u jekk ma jarax li huwa iktar għaqli li dawn jiġu enumerati billi huma parti mill-patrimonju nazzjonali?

 

20/02/2024

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li s-siġar ma n¿abrux minħabba li l-istess Kunsill Lokali jinsab f’fażi li jbiddel il-kuntrattur.  Infurmat ukoll li meta jibda l-kuntrattur il-ġdid, il-Kunsill lokali se jevalwa u jagħti prijorità skont il-ħtieġa.

Infurmat ukoll mill-istess Kunsill li prezentament hemm materji ohra li jiehdu preċedenza fuq l-eżerċizzju tal-innumerar tal-imsemmija siġar.


Seduta  215

04/03/2024

SANTA LUĊIJA – TRIQ IL-ĠNIEN – XOGĦLIJIET FUQ BLOKK TA’ APPARTAMENTI

16565. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli: Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-appartament li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament, huwiex previst li fi żmien qasir isirulu tiswijiet urġenti u neċessarji?

 

20/02/2024

 

ONOR. RODERICK GALDES:  Ninforma lill-Onor.Interpellant li x-xogħlijiet huma pjanati li jibdew fi żmien qasir hekk kif issir ir-riallokazzjoni temporanja tal-inkwilin.


Seduta  215

04/03/2024

GĦAJNUNA LIL GAZZETTI

16564. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ngħatat għajnuna lill-gazzetti stampati tul dawn l-aħħar sentejn, liema għajnuna kienet intenzjonata biex tagħmel tajjeb għaż-żieda fil-prezz tal-karta fis-suq internazzjonali? Jista’ jgħid ukoll għaliex il-gazzetta li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li hija l-eqdem gazzetta f’Malta, (l-ewwel edizzjoni ħarġet f’Settembru tal-1928) li fuq skala nazzjonali għandha udjenza akbar minn uħud mill-gazzetti li ħadu l-għajnuna, qatt ma gawdiet minn dawn l-għotjiet?

 

20/02/2024

 

ONOR. SILVIO SCHEMBRI:  Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

 

Seduta  215

04/03/2024

GĦAJNUNA LIL GAZZETTI

16563. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ngħatat għajnuna lill-gazzetti stampati tul dawn l-aħħar sentejn, liema għajnuna kienet intenzjonata biex tagħmel tajjeb għaż-żieda fil-prezz tal-karta fis-suq internazzjonali? Jista’ jgħid ukoll għaliex il-gazzetta li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li hija l-eqdem gazzetta f’Malta, (l-ewwel edizzjoni ħarġet f’Settembru tal-1928) li fuq skala nazzjonali għandha udjenza akbar minn uħud mill-gazzetti li ħadu l-għajnuna, qatt ma gawdiet minn dawn l-għotjiet?

 

20/02/2024

 

ONOR. JONATHAN ATTARD:  Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  215

04/03/2024

5.3.24

JISTA' JGAWDI AKTAR

1. Nikteb għax irrid il-ġid u nemmen ukoll li bil-kelma miktuba taf twassal, mhux neċessarjament, messaġġ aħjar. Ma tagħmilx ħoss estern imma drabi tasal direttament u bi ftit iktar razzjonalità u preċiżjoni. Fl-aħħar tal-ġimgħa li għaddiet il-Prim Ministru, b’ġabra tajba ta’ ministri u uffiċjali għamel żjara fil-Kottonera. Dar numru ta’ postijiet fejn hemm xogħol għaddej u oħrajn fejn huwa lest. Pass li wieħed jistenna, iktar u iktar issa li ġejjin l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew. Il-pożizzjoni m’għadhiex l-istess, u m’hemmx dubju li parti mill-moviment tat-tgergir li qiegħed jirriżulta mill-istħarriġ ħiereġ mit-Tlett Ibliet, il-Kalkara u x-Xagħjra. Dak li jakkumpanja normalment Govern li jkun daħal fit-tielet leġiżlatura tiegħu.

Almenu

2. Biss wieħed ma jistax ma jarax li hemm reazzjonijiet differenti li qed joħorġu u jiżviluppaw. Il-Gvern qiegħed jifhem il-pożizzjoni u jirreaġixxi għaliha. Forsi ta’ min wieħed jifhem aktar, u fil-Partit Nazzjonalista wieħed jieħu direzzjoni aħjar. Jifhem fejn irid jikkonċentra verament il-kritika tiegħu. Fejn il-poplu ta’ veru, dak li jmiss mal-problemi tal-ħajja u mhux dak apparenti jħares li jitlob attenzjoni min-naħa tagħna. Nittama li fil-grupp ta’ strateġija l-passi politiċi tal-Gvern qed jingħataw il-piż u mhux jiġu injorati. F’dan, il-Kottonera tista’ qed tidher fuq il-karta li qegħda tgawdi minn investiment u proġetti varji, imma kemm dawn qed jolqtu effettivament il-bnedmin u kemm huma diretti għal dak li l-post issa għandu bżonn, dik ħaġ’oħra. Imma almenu, il-mossa politika ġiebet lura l-Kottonera fl-attenzjoni u l-prijorità nazzjonali.

Tul dawn l-aħħar snin

3. Sakemm wieħed ma jridx jibbanalizza l-argument, il-pożizzjoni ilha tiżviluppa biċċa biċċa tul dawn l-aħħar snin. Ebda gvern ta’ ebda partit ma jista’ jiddikjara li kollox sar b’mertu uniku jew assolut tiegħu. Il-post inbidel fis-snin għax saru ħafna proġetti miż-żewġ partiti. Tajjeb li wieħed, però, jfakkar li mill-1987 ’l hawn il-post ingħata lura dinjità u rispett li qabel ma tantx kien qiegħed igawdi. Saru diversi proġetti bħall-Mużew Marittimu, li għadu jopera u għadu ġojjell ta’ kultura li għandna. Minn dak iż-żmien stajna nħarsu sabiex il-ħajt ta’ dak li kien jissejjaħ id-‘Dock Number One’ jaqa’ u l-arja tinfetaħ. Sija l-Birgu, kif ukoll l-Isla u Bormla sabu l-ambjent tagħhom jiċċaqlaq ’il quddiem. Mhux neċessarjament fejn xtaqna, imma mexa. Bħalma kien ukoll b’mod partikolari dak li sar wara l-1998 meta ġie varat proġett iktar ambizzjuż. Wieħed li fetaħ il-post sabiex aktar bnedmin jiġu u jgawduh. Hemm settur kummerċjali li ħoloq ix-xogħol u fl-istess ħin għolla l-livell tal-akkwati.

Hemm iktar

4. Il-post inbidel u s-sabiħ tiegħu hu proprju li hemm ferm iktar fejn jimxi ’l quddiem. Għalkemm għandi fiduċja f’dan il-proċess, f’mument nibża’ li l-ideat nixfu u li dak li huwa ovvju li għandu jsir jibqa’ ma jsirx. Nittama li fil-postijiet li ttieħed il-Prim Ministru sab bnedmin li qalulu l-verità u mhux ikkonċentraw f’eżerċizzju ta’ inċensar. Nittama li seta’ jara kemm hemm x’jista’ jsir li jwettaq minnu aktar ġid. F’dan naħseb li diversi kienu qed jistennew li jkun hemm dikjarazzjoni ċara dwar dak li ser iseħħ minn dak li kien magħruf qabel bħala l-‘Casino di Venezia’. Ilna issa madwar erba’ snin minn mindu l-Gvern rebaħ il-kawża li kellu kontra tagħhom u li fihom seta jiċċaqlaq. Il-post, għal min jgħaddi bil-mixi quddiemu u jieqaf jarah, jagħraf x’ġerħa hu. Abbandunat biż-żewġ binjiet ta’ ħdejn wieqfa. B’palazz ieħor mitluq u bil-bini ta’ lukanda wieqfa wkoll jiġbru l-ħmieġ, is-sadid u t-telqa.

Pontijiet

5. Iktar ma ndumu aktar ser ikollna kumplikazzjonijiet. Naħseb li wieħed għandu jagħti prijorità assoluta biex ma jibqgħux iktar kif inhuma. Biss jidher li m’hemmx strateġija fit-tul. Kif f’dan, l-idea li tibni post sabiex in-nies li jkunu sejrin lejn il-Fortizza ta’ Sant’Anġlu jkollhom passaġġ għal rashom hija tajba kunċettwalment. Biss, meta tmur fuq il-post u tara dak li qiegħed jinbena tifhem li l-kunċett mhuwiex sħiħ u jrid l-attenzjoni sabiex estetikament jinbena aħjar. Kif, f’ħafna, hija wkoll indikazzjoni li l-affarijiet ma jiġux maħsuba sewwa mill-bidu. Passi naħa u oħra, imma m’hemmx pjan wieħed dirett u ċar. Għax wieħed għandu wkoll jirrimarka kif il-bnedmin fil-Kalkara u l-madwar ilhom dawn is-snin jaraw it-toroq jinqalgħu u jerġgħu jsiru. Jew fil-mod xejn ippjanat kif jinfetaħ ċentru kummerċjali fi Smart City u ħadd ma jaħseb kif dan ser jeffettwa lill-bnedmin hemm. B’eluf ta’ karozzi li daħlu u marru fil-post b’kaos totali u mingħajr ebda forma ta’ direzzjoni jew kontroll. Jew bħal dawk fix-Xgħajra li wara li saru diversi toroq tlett snin ilu b’miljuni minfuqa li qed jerġgħu jarawhom maqlugħa biex jgħaddu servizzi li setgħu ġew maħsuba qabel.

Aktar kordinazzjoni

6. Dan kollu huwa indikattiv li mhux biżżejjed li wieħed jiddikjara kemm qiegħed jonfoq jew li qiegħed jassigura l-preservazzjoni tal-post, imma li juri li dan qiegħed isir b’intelliġenza u viżjoni vera. Għax dak li ma jingħadx biżżejjed huwa f’kemm flus jintefqu biex jiġu rranġati dak li ma tteħidx inkonsiderazzjoni qabel. Flus biex jirranġaw dak li ma sarx tajjeb qabel. Bħal, per eżempju, dak li ġara fil-Pjazza Antoine de Paule f’Raħal Ġdid. F’dak il-proġett li ħames snin ilu sew tlett miljun ewro, li sar ħażin u li issa reġa’ nqala’ biex bi flus oħra, b’eluf oħra, jiġi rranġat dak li ċeda u nkiser mill-bidunett tiegħu. Il-fondi nazzjonali jimmeritaw dan, ċertament. Imma iktar minn hekk, il-bnedmin li jgħixu fil-Kottonera u fl-ambjent ta’ madwarha. Ma jixraqx li nibqgħu fuq din il-linja. Jixraq aktar attenzjoni u rispett veru. Għax hemm il-post ikun qiegħed verament f’pożizzjoni li ngħidu li jista’ jgawdi aktar.

X'INBIDEL F'MOĦĦ IL-ĦALLIEM?

1. Fis-soċjetà hemm dejjem il-bżonn ta’ dawk li jħarsu ’l quddiem. Dawk li għandhom il-kuraġġ li joħolmu b’dinja aħjar fejn jgħixu. Dawk li jfittxu li jaraw pajjiż mibni fuq is-sewwa. Mibni fuq il-valuri fundamentali tal-ħajja. Dawk li jħarsu lejn iktar ġustizzja u iktar ugwaljanza. Dawk li jagħrfu l-abbużi li bnedmin varji, fil-moħħ mhux iggwidat tajjeb tagħhom, jieħdu. Dawk li huma kostantement konxji tal-banalità tal-ħażen. Dawk li jridu jmorru kontra l-kurrent u f’dak li qiegħed jiġri jaffermaw lura li fid-dlam li qegħdin ngħixu hemm dawl qawwi u sod li jiggwidana. Nibqa’ nħares lejn dawn il-vuċijiet bil-fiduċja li t-tajjeb jeżisti fil-bniedem. Fil-konvinzjoni li mertu tagħhom id-dinja tkun post aħjar fejn tgħix.

X’ideat

2. Il-ħalliem huwa dak li joħlom. Dak li jista’ jitqiegħed fil-ġenb tas-soċjetà għax mhuwiex mar-realtà li l-oħrajn jaħsbu li huma. Imma kif nafu, mill-ħolm jitwieldu ideat li jistgħu jitwettqu. Xewqat, aspirazzjonijiet li jmexxuna fil-fond ta’ qalbna u moħħna biex nimxu ’l quddiem. Fejn, għaliex xejn m’huwa jżommna, kapaċi nibnu strutturi u proposti li jwettqu ferm iktar ġid. Iġibu fis-seħħ dak li m’aħniex naraw jitħaddem. Dawk li kapaċi li fid-deżert li ninsabu għaddejjin fih jifhmu u jwieġbu għas-sejħa li joħorġuna minnu. F’soċjetà li qed issir iktar impersonali fejn il-bniedem, fid-dinjità sħiħa tiegħu, qiegħed jitqies aktar bħala oġġett milli suġġett. F’soċjetà fejn id-demokrazija tagħha saret issa iktar waħda ekonomika u m’għadhiex aktar waħda soċjali.

Ċentri kummerċjali

3. Filwaqt li qabel kien hemm ċentri varji fejn il-bniedem kien jaspira li jkun u fejn iħossu parti. Fejn l-ideat ikunu parti minn proċess kulturali u soċjali. Fejn il-bnedmin jiltaqgħu biex jiddiskutu u jifhmu aħjar lil xulxin. Fejn id-dinjità tal-persuni miġbura kellha valur. Mentri f’dawn iż-żminijiet, l-affarijiet inqalbu fil-kontra. Il-bniedem sar importanti skont kemm huwa kapaċi jonfoq flus. Id-dinjità tiegħu hija ikkalkulata biss skont kemm jiflaħ butu. Għandu valur biss jekk għandu ħafna flus fil-kaxxa. Mhux biss, imma issa biż-żieda li għandna fil-popolazzjoni ġie li flok għandna ideat politiċi li jikkumbattu, l-importanza hija meħuda fil-kompetizzjoni qawwija ta’ fejn jonfqu. Kull sitt xhur nisimgħu b’ċentri kummerċjali ġodda li jiftħu fejn il-mudell huwa ripetut. L-istess ħwienet, l-istess prodotti u fuq kollox fejn l-impersonali jrid jidfen il-personali.

Parti mill-mużajk maqlugħ

4. Il-bniedem, fis-sħiħ tiegħu, jikkomponi dan il-poplu, dan il-pajjiż. Meta jkun imwaħħal kollu, il-biċċiet jiffurmaw is-sabiħ ta’ stampa li għandu jkollna u li tkun tixirqilna. Meta jkun hemm dawk li jinqalgħu, u kif qegħdin naraw, ma jitwaħħlux lura, nitilfu minn dan. Fis-soċjetà li sejrin aktar fiha m’hemmx iktar il-prijorità li ġġib lil kulħadd lura f’postu. Hemm, anzi, l-aċċettazzjoni jew ir-rassenjazzjoni li kull bniedem irid ifendi tant għal rasu li ma jistax jistrieħ fuq għajnuna mingħand oħrajn. Fejn it-traġedji umani li jaħkmu fil-perkors tal-ħajja, f’dawk mediċi, f’dawk soċjali, f’dawk li l-oħrajn iservuhom, flok hemm bżonn l-għajnuna hemm l-abbandun. Pajjiżna ma kellux dawn l-ideat, u l-prinċipji etiċi tiegħu żammewh sabiex jaqbeż għal dawk li huma f’pożizzjoni xejn tajba. Pajjiż li bit-tajjeb u bil-ħażin tiegħu assigura li dawn il-persuni jinġiebu lura fit-triq biex jiffurmaw ruħhom lura fil-mużajk.

X’sustanza politika?

5. F’dan proprju ma nistax ma niddikjarax li mingħajr boxxla politika, is-soċjetà ser tibqa’ destinata taqa’ fl-abbiss tal-vojt. Min jidħol fil-politika u jiddikjara li ma jemminx fl-importanza tal-ideoloġiji jġib dak li għandna. Soċjetà li fl-impersonali tagħha issa tixbaħ lil dawk li jsibu t-triq bil-mezzi elettroniċi. Li l-vettura tagħhom isuquha mhux jagħrfu t-triq, imma għax jgħadduhom min-naħa għal-oħra. Fejn moħħ il-bniedem, flok jintuża kif għandu biex ifittex huwa d-direzzjoni, isib ruħu ipparkjat. Il-politika titlob ideat, u dawn għandhom ikunu ta’ gwida għalik u għal dawk li jridu jagħżlu jekk jivvutawlekx. Meta titmexxa, flok taħseb u tfittex iktar li tgħarbel, teħel fil-ħitan. Mhux biss, imma jekk tkun dħalt fihom, flok tirriversja tispiċċa tkompli tagħfas il-gass biex twaqqa’ aktar knaten fuqek u mal-art.

Imħuħ vojta?

6. Għandna llum forma ta’ politika li taħseb li huwa tajjeb li ma jkollhiex dak li żbaljatament tara bħala forma ta’ “irbit” ideoloġiku. Bnedmin li jaħsbu li huwa ta’ xi vantaġġ meta jiddikjaraw li effettivament m’għandhomx formazzjoni u kultura politika u għalhekk, kull min jiġi b’ideat lejhom, huma x’inhuma, jirkbu fuqhom għax jaħsbu li bihom ikunu ser jirnexxu. Il-politiku għandu jmexxi għax għandu l-ideat hu, u mhux jitmexxa naħa jew oħra minn oħrajn. Wieħed ifittex li jiġi ispirat minn bnedmin li jmexxu l-Istat, li għandhom viżjoni u li għandhom il-ħolm tagħhom. Meta tmiss ma’ dawk li jinsabu fix-xejn ma tistax tippretendi dan. Issib aktar il-periklu li mill-poter li għandhom f’idejhom, flok passi tajba jittieħdu dawk li mhumiex. Mhux biss, imma tiftaħ iktar il-bieb tal-populiżmu qawwi li jieħdok lejn it-truf tal-estremiżmi.

Aldo Moro

7. Waqt li sejrin lejn is-sitta u erbgħin anniversarju minn meta ġie maħtuf dan il-politiku Taljan mill-Brigate Rossa, waqt li mmorru lura lejn dawk il-jiem koroh li bdew fis-16 ta’ Marzu 1978 inġibu quddiemna dak li irrappreżenta u qal. Fit-28 ta’ Frar 1978 kien qal hekk: “Io credo che dobbiamo domandarci sempre, anche di fronte ai grandi fatti politici che non sono regolati dalla pura convenienza, e io non credo che la politica sia pura convenienza, ha coefficienti di convenienza, ma non è pura convenienza; la politica è anche ideale.
 (Quddiem l-isfidi kbar tal-politika li mhumiex regolati mill-konvenjenza pura għandna dejjem nistaqsu lilna nfusna; u jiena ma nemminx li l-politika hija pura konvenjenza. Għandha ċertu rilevanza, imma m’hijiex konvenjenza pura, għaliex il-politika hija wkoll ideal.)

Dak li huwa nieqes

8. F’dan huwa iktar evidenti li dan huwa li hu nieqes fis-soċjetà preżenti tagħna. Min jitkellem kontra l-ideali politiċi, kontra l-ideoloġji tagħha, kontra l-ħolm li twelled ikun qiegħed jiddikjara ruħu nieqes. Jikkonferma li billi m’għandux kultura jew qari politiku mhuwiex kapaċi jagħraf id-direzzjoni ’l quddiem. Jaħseb biss li bil-konvenjenza politika ser jasal biex jibqa’ fil-poter. Imma fit-trapass twil taż-żmien jikkonferma li ma wettaq xejn ħlief ħsejjes f’kamra li dak il-ħin ma tispirax. Pajjiżna jrid jagħraf aktar dan sabiex jibni politika għas-snin li ġejjin. Jagħti spazju għal dawk li joħolmu f’futur aħjar. Jifhem iktar li dawn il-bnedmin tiegħu huma rilevanti u importanti u f’dan, għalhekk, jistaqsi dejjem aktar x’inbidel f’moħħ il-ħalliem.

KWISTJONI TA' DINJITA

1. Bħalissa l-aġenda tad-dinja hija mimlija b’tip, metodu ta’ politika barranija li m’aħniex imdorrijin biha. Konfrontattiva flok ibba...