5.3.24

JISTA' JGAWDI AKTAR

1. Nikteb għax irrid il-ġid u nemmen ukoll li bil-kelma miktuba taf twassal, mhux neċessarjament, messaġġ aħjar. Ma tagħmilx ħoss estern imma drabi tasal direttament u bi ftit iktar razzjonalità u preċiżjoni. Fl-aħħar tal-ġimgħa li għaddiet il-Prim Ministru, b’ġabra tajba ta’ ministri u uffiċjali għamel żjara fil-Kottonera. Dar numru ta’ postijiet fejn hemm xogħol għaddej u oħrajn fejn huwa lest. Pass li wieħed jistenna, iktar u iktar issa li ġejjin l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew. Il-pożizzjoni m’għadhiex l-istess, u m’hemmx dubju li parti mill-moviment tat-tgergir li qiegħed jirriżulta mill-istħarriġ ħiereġ mit-Tlett Ibliet, il-Kalkara u x-Xagħjra. Dak li jakkumpanja normalment Govern li jkun daħal fit-tielet leġiżlatura tiegħu.

Almenu

2. Biss wieħed ma jistax ma jarax li hemm reazzjonijiet differenti li qed joħorġu u jiżviluppaw. Il-Gvern qiegħed jifhem il-pożizzjoni u jirreaġixxi għaliha. Forsi ta’ min wieħed jifhem aktar, u fil-Partit Nazzjonalista wieħed jieħu direzzjoni aħjar. Jifhem fejn irid jikkonċentra verament il-kritika tiegħu. Fejn il-poplu ta’ veru, dak li jmiss mal-problemi tal-ħajja u mhux dak apparenti jħares li jitlob attenzjoni min-naħa tagħna. Nittama li fil-grupp ta’ strateġija l-passi politiċi tal-Gvern qed jingħataw il-piż u mhux jiġu injorati. F’dan, il-Kottonera tista’ qed tidher fuq il-karta li qegħda tgawdi minn investiment u proġetti varji, imma kemm dawn qed jolqtu effettivament il-bnedmin u kemm huma diretti għal dak li l-post issa għandu bżonn, dik ħaġ’oħra. Imma almenu, il-mossa politika ġiebet lura l-Kottonera fl-attenzjoni u l-prijorità nazzjonali.

Tul dawn l-aħħar snin

3. Sakemm wieħed ma jridx jibbanalizza l-argument, il-pożizzjoni ilha tiżviluppa biċċa biċċa tul dawn l-aħħar snin. Ebda gvern ta’ ebda partit ma jista’ jiddikjara li kollox sar b’mertu uniku jew assolut tiegħu. Il-post inbidel fis-snin għax saru ħafna proġetti miż-żewġ partiti. Tajjeb li wieħed, però, jfakkar li mill-1987 ’l hawn il-post ingħata lura dinjità u rispett li qabel ma tantx kien qiegħed igawdi. Saru diversi proġetti bħall-Mużew Marittimu, li għadu jopera u għadu ġojjell ta’ kultura li għandna. Minn dak iż-żmien stajna nħarsu sabiex il-ħajt ta’ dak li kien jissejjaħ id-‘Dock Number One’ jaqa’ u l-arja tinfetaħ. Sija l-Birgu, kif ukoll l-Isla u Bormla sabu l-ambjent tagħhom jiċċaqlaq ’il quddiem. Mhux neċessarjament fejn xtaqna, imma mexa. Bħalma kien ukoll b’mod partikolari dak li sar wara l-1998 meta ġie varat proġett iktar ambizzjuż. Wieħed li fetaħ il-post sabiex aktar bnedmin jiġu u jgawduh. Hemm settur kummerċjali li ħoloq ix-xogħol u fl-istess ħin għolla l-livell tal-akkwati.

Hemm iktar

4. Il-post inbidel u s-sabiħ tiegħu hu proprju li hemm ferm iktar fejn jimxi ’l quddiem. Għalkemm għandi fiduċja f’dan il-proċess, f’mument nibża’ li l-ideat nixfu u li dak li huwa ovvju li għandu jsir jibqa’ ma jsirx. Nittama li fil-postijiet li ttieħed il-Prim Ministru sab bnedmin li qalulu l-verità u mhux ikkonċentraw f’eżerċizzju ta’ inċensar. Nittama li seta’ jara kemm hemm x’jista’ jsir li jwettaq minnu aktar ġid. F’dan naħseb li diversi kienu qed jistennew li jkun hemm dikjarazzjoni ċara dwar dak li ser iseħħ minn dak li kien magħruf qabel bħala l-‘Casino di Venezia’. Ilna issa madwar erba’ snin minn mindu l-Gvern rebaħ il-kawża li kellu kontra tagħhom u li fihom seta jiċċaqlaq. Il-post, għal min jgħaddi bil-mixi quddiemu u jieqaf jarah, jagħraf x’ġerħa hu. Abbandunat biż-żewġ binjiet ta’ ħdejn wieqfa. B’palazz ieħor mitluq u bil-bini ta’ lukanda wieqfa wkoll jiġbru l-ħmieġ, is-sadid u t-telqa.

Pontijiet

5. Iktar ma ndumu aktar ser ikollna kumplikazzjonijiet. Naħseb li wieħed għandu jagħti prijorità assoluta biex ma jibqgħux iktar kif inhuma. Biss jidher li m’hemmx strateġija fit-tul. Kif f’dan, l-idea li tibni post sabiex in-nies li jkunu sejrin lejn il-Fortizza ta’ Sant’Anġlu jkollhom passaġġ għal rashom hija tajba kunċettwalment. Biss, meta tmur fuq il-post u tara dak li qiegħed jinbena tifhem li l-kunċett mhuwiex sħiħ u jrid l-attenzjoni sabiex estetikament jinbena aħjar. Kif, f’ħafna, hija wkoll indikazzjoni li l-affarijiet ma jiġux maħsuba sewwa mill-bidu. Passi naħa u oħra, imma m’hemmx pjan wieħed dirett u ċar. Għax wieħed għandu wkoll jirrimarka kif il-bnedmin fil-Kalkara u l-madwar ilhom dawn is-snin jaraw it-toroq jinqalgħu u jerġgħu jsiru. Jew fil-mod xejn ippjanat kif jinfetaħ ċentru kummerċjali fi Smart City u ħadd ma jaħseb kif dan ser jeffettwa lill-bnedmin hemm. B’eluf ta’ karozzi li daħlu u marru fil-post b’kaos totali u mingħajr ebda forma ta’ direzzjoni jew kontroll. Jew bħal dawk fix-Xgħajra li wara li saru diversi toroq tlett snin ilu b’miljuni minfuqa li qed jerġgħu jarawhom maqlugħa biex jgħaddu servizzi li setgħu ġew maħsuba qabel.

Aktar kordinazzjoni

6. Dan kollu huwa indikattiv li mhux biżżejjed li wieħed jiddikjara kemm qiegħed jonfoq jew li qiegħed jassigura l-preservazzjoni tal-post, imma li juri li dan qiegħed isir b’intelliġenza u viżjoni vera. Għax dak li ma jingħadx biżżejjed huwa f’kemm flus jintefqu biex jiġu rranġati dak li ma tteħidx inkonsiderazzjoni qabel. Flus biex jirranġaw dak li ma sarx tajjeb qabel. Bħal, per eżempju, dak li ġara fil-Pjazza Antoine de Paule f’Raħal Ġdid. F’dak il-proġett li ħames snin ilu sew tlett miljun ewro, li sar ħażin u li issa reġa’ nqala’ biex bi flus oħra, b’eluf oħra, jiġi rranġat dak li ċeda u nkiser mill-bidunett tiegħu. Il-fondi nazzjonali jimmeritaw dan, ċertament. Imma iktar minn hekk, il-bnedmin li jgħixu fil-Kottonera u fl-ambjent ta’ madwarha. Ma jixraqx li nibqgħu fuq din il-linja. Jixraq aktar attenzjoni u rispett veru. Għax hemm il-post ikun qiegħed verament f’pożizzjoni li ngħidu li jista’ jgawdi aktar.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...