13.3.24

VUĊI BIS-SENS

1. Kemm huwa diffiċli li ssib bnedmin li jitkellmu u jressqu ideat u argumenti tajba. Dawk li, trid jew ma tridx, tispiċċa tieqaf tisma’ għax taf li fihom hemm x’tifhem. Hemm dak li tħoss li fil-fatt għandek bżonn tagħhom. Dawk li jmexxuk ’il quddiem u jagħtuk ferm iktar skop. Anzi aħjar, jiggwidawk bl-aħjar mod fid-direzzjoni li trid taqbad, jew aqwa, li inti msejjaħ li tieħu. Ftit huma dawn, u fid-dinja mħawda iktar mis-soltu tallum anqas fuq il-ponot ta’ subgħajk ma tgħoddhom. Jum wara jum tisma’ dak li ma tixtieqx u tara dak li kont tittama li ma tarax. Mexxejja vvutati bl-eluf, u f’każijiet bil-miljuni, jgħidu kliem li mhux talli ma jkunx hemm sens fih imma iktar issibu mimli bil-kontra. Nuqqas ta’ għerf, nuqqas ta’ direzzjoni, nuqqas ta’ kultura, u fuq kollox, nuqqas ta’ għarfien tal-lezzjonijiet li l-istorja tagħti.

Il-minoranza

2. F’dan kollu, f’din il-klima sħiħa hemm vuċi differenti u li tmexxi ’l quddiem. Hemm dik Nisranija. Dik li tul is-sekli kkumbattiet sabiex tagħti melħ san lil ħajjitna. Dik li fil-verità kienet dejjem kontra l-kurrent f’dinja materjalista, fil-minoranza, anki jekk impinġija bħala forza dominanti li mhijiex. Fil-ktieb tiegħu The Movement of World Revolution (1959), l-istoriku Ingliż Christopher Dawson (1889-1970) jikteb ċar dwar dan. Huwa jgħid hekk: “At the same time we must not forget that the Catholic revival of the 19th century was rendered possible by the survival of the living Christian tradition among the masses, whereas today secularism has penetrated deeply into popular consciousness. Our position is more like that of the Christians under the Roman Empire, when the Church had on the one hand to convert pagan masses in the great Mediterranean cities, Antioch and Ephesus and Rome, and at the same time to defend its bare right to exist against the crushing weight of an all-powerful world state which recognised no limits to its authority.

Din hija l-pożizzjoni

3. Dak li nkiteb sittin sena ilu għadu, f’ħafna, jgħodd illum ukoll. Il-vuċi Nisranija tibqa’fil-minoranza, imma dan ma jċekkinx l-awtorità morali tas-sustanza ta’ kliemha. Jgħaddi kemm jgħaddi żmien f’dawn is-snin rajna, fuq in-naħa l-oħra, il-konfort ta’ għażliet ta’ bnedmin li għarfu jmexxuha tajjeb. B’mod partikolari u oġġettiv id-diversi papiet li messew ma’ dan il-perjodu u sal-preżent kienu u għadhom dawl li jiftħu l-imħuħ tal-bnedmin ta’ rieda tajba. Huwa minnu li ma jingħatawx l-importanza li ħaqqhom mid-dinja sekularizzata u anti-Kristjana. Minn dik li tibbaża ruħha biss fuq l-użu esklussiv tar-raġuni tagħha fl-ateiżmu proklamat. Fil-bniedem li jaħseb li waħdu kapaċi jibdel u jimxi ’l quddiem billi jassigura li ma jikkonformax jew ma jsegwix il-pariri t-tajba li diversi bnedmin li okkupaw il-kariga ta’ Papa taw. Bnedmin li sejrin dejjem il-kontra tas-sens komun biex jerġgħu jgħaddu ’l-popli tagħhom minn dak li għaddew b’imrar kbir lil oħrajn.

F’dawn il-jiem

4. Tul din il-ġimgħa, b’mod partikolari għada l-Erbgħa 13 ta’ Marzu, niftakru li hija l-ġurnata li fiha, fl-2013, kien hemm l-aħbar sabiħa li ġie elett Papa Jorge Mario Bergoglio (1936). Bniedem li d-dinja ma kinitx taf wisq dwaru. Bniedem li daħal fl-esperjenza tal-Pontifikat ta’ Benedittu XVI li, għad-differenza ta’ ħatriet preċedenti, kien irriżenja u mhux imsejjaħ lura għand il-Ħallieq tagħna. Bergoglio sab ruħu jrid jimla l-post ta’ bniedem li kien għadu ħaj. Wieħed li d-dinja saret tafu iktar fid-diversi kitbiet li ħalla. Persuna li ma kellux renju twil, imma li fih iltaqa’ ma’ diversi diffikultajiet li kienu qed jistennew li joħorġu. Bniedem li ħalla issa warajh lista twila ta’ kotba li jimmeritaw dejjem li jinqraw u jinqraw mill-ġdid.

Vuċi fid-deżert

5. Fuq in-naħa l-oħra, f’dawn il-ħdax-il sena tal-Pontifikat ta’ Franġisku (Benedittu XVI għamel tmien snin) għandna esperjenza unika wkoll. Meta taqra kitbietu, li issa qegħdin isiru aktar voluminużi, tifhem. Meta tqis l-enċikliċi li ħargu, kif ukoll il-messaġġi varji tiegħu, trid taċċetta li jaf jitkellem u jmiss direttament il-qalb tal-bniedem. Dan għax ma joqgħodx lura milli jidħol u jaffronta l-problemi u l-isfidi veri tal-ħajja. Il-linja franka, miftuħa u diretta ġiebet ħafna iktar kunsens milli kien hemm qabel. Ġieb proċess sabiex ikun hemm eżami mill-ġdid ta’ dak kollu li l-Knisja hi u dak li tirrappreżenta. Jitkellem fuq ħafna. M’hemmx suġġett li b’xi mod ħarab minnu. Biss, fil-fatt irridu naċċettaw li diversi drabi kien u għadu jkun vuċi fid-deżert uman. Isejjaħ għas-sewwa lil dawk li ma jridux jimxu lejha. Jgħajjat bi kliem mimli sens u sustanza li jidħlu f’moħħ il-bnedmin.

Vuċi favur il-Paċi

6. F’dan, ċertament, għandu l-ammirazzjoni ta’ diversi. Jgħid dak li għandu jingħad f’dinja li tikkuntenta titfi l-kuxjenza tagħha biex tgħix tistenna l-eventi jinbidlu mingħajr ma tibdilhom hija stess. Kliemu huma meqjusa, imma wkoll jolqtu fejn hemm bżonn. F’dan ix-xenarju xejn sabiħ, li ħafna qed jilludu ruħhom li ser isolvi ruħu waħdu, imma li mhuwiex. Dħalna fit-tieni sena tal-gwerra ġewwa l-Ukrajna u qbiżna l-ħames xahar tal-attakki li għaddejjin bejn il-Ħamas u l-Istat ta’ Iżrael. Flok hemm sforzi kbar u ikbar mis-soltu sabiex il-partijiet jieqfu u jiġu madwar mejda, qed nibgħatu iktar armamenti. Qed naħsbu, żbaljatament, li hemm xi forma ta’ ġustifikazzjoni li bil-mewt innoċenti ta’ diversi ser tkun tista’ tibni xi ħaġa aħjar. Id-diżastri umani, soċjali u ekonomiċi jibqgħu dak li huma u jħallu warajhom riżentimenti u jiżirgħu aktar fil-fond il-mibgħeda.

Vuċi determinata


7. Imma Papa Franġisku jibqa’ dik il-vuċi determinata li ssejjaħ sabiex dawn il-kunflitti jieqfu. Huwa l-bniedem li għadu jiftaħ għajnejna sabiex nagħrfu li b’dan il-pass id-dinja Ewropea ser tidħol fi gwerra ikbar. Waħda li taf ikollha konsegwenzi ta’ devastazzjoni akbar. Tmiem li faċli jseħħ. Bl-armi nukleari li hawn u bil-Federazzjoni Russa f’mument daqshekk perikoluż ma hemmx wisq alternattivi. Għadu dak li jsejjaħ sabiex nifhmu li hemm bżonn proċess qawwi ta’ paċi. Mhux biss fl-Ukrajna imma wkoll f’Gaża. Sejjaħ b’saħħa u responsabbiltà lill-mexxejja rispettivi ‘irresponsabbli’. Il-qtil li hu għaddej fil-proċess sħiħ u komplessiv jimmira lejn direzzjoni ċara li jekk jitħalla għaddej mingħajr vuċijiet determinanti għall-paċi l-futur ma tantx ser ikun wisq sabiħ. Proprju għalhekk, aktar minn qabel, għandna nibqgħu nappoġġjaw u fl-istess ħin nittamaw fil-vuċi bis-sens li Papa Franġisku qiegħed jesprimi jum wara jum.

No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...