20.3.24

ILLUM SAN ĠUŻEPP

1. Pajjiżna għandu diversi merti u vantaġġi. Il-pożizzjoni, il-bnedmin li jgħixu fih, l-ambjent sħiħ u l-kultura li rnexxilu jiġbor fis-sekli. Art mimlija bi tradizzjonijiet, ideat, għeruq storiċi li saru mhux b’kumbinazzjoni imma b’għażliet fis-snin. Ta’ qabilna kienu jafu x’qegħdin jagħmlu u ħallewlna ħafna iktar minn dak li nibża’ li m’aħniex aħna stess kapaċi ngħaddu lil ta’ warajna. Saru ħafna sforzi, sagrifiċċji, li biddlu dak li aħna lejn fid-direzzjoni lejn it-toroq tas-sewwa. Imma fl-affluwenza li wħud igawdu llum, qed flok tagħti valur għall-altruwiżmu trid minflok teħodna lejn iktar individwaliżmu u egoiżmu. Ċertament li f’dan kollu, l-għażliet ta’ missirijietna kienu mhux b’kumbinazzjoni imma intenzjonati. Preċiżi, u fl-istess ħin determinati biex issir affermazzjoni ta’ ideat u siġill ċar tal-appartenenza.

Proprju għalhekk

2. F’dan iktar nara, waqt li naqra dwarna, li xejn ma kien skont il-wiċċ jew il-ġejjen. Dawk li għexu qabilna bnew rabtiet varji ma’ San Ġużepp għax riedu verament dan. Ninnota dejjem li l-bnedmin hawn f’dawn il-gżejjer jafu jisimgħu ħafna priedki, però wara huma huma li jiddeċiedu. Jiddixxernu, u f’dan kapaċi jaffermaw dak kollu li huma jħossu li jridu jintrabtu miegħu. F’dan, propjru għalhekk li llum insibu diversi parroċċi f’pajjiżna li jiċċelebraw bil-ferħ il-jum dedikat lilu. Hawn varjetà ta’ pitturi mill-isbaħ iddedikati lil San Ġużepp. Daqshekk ieħor statwi li juru mhux biss devozzjoni imma ammirazzjoni kbira. Ħafna jmorru għall-funzjonijiet li jsiru u oħrajn jaraw li jgħaddu fil-knejjes tagħna, fil-purċissjonijiet li jsiru biex ikunu parti minn dan kollu. Hemm appartenenza u identità kulturali unika li ma ssibx f’postijiet oħra fid-dinja. Id-devozzjoni lejn dan il-qaddis kbir hija nazzjonali.

Gwida varja

3. F’dan kollu ħassejtu iktar f’dawn il-jiem. Dan għax qiegħed naqra l-ktieb ta’ Carlo Carretto (1910-1988) bit-titlu Lettere dal Deserto (1967). Ktieb mill-isbaħ u mimli b’wirt spiritwali kbir. Taqrah u ma tkunx trid tieqaf. Paġna tridek taqra ta’ warajha u fl-istess ħin iddur lura għal dak li tkun diġà qrajt. Osservazzjonijiet mill-iktar fondi, mgħoddija lil min jaqrah b’sempliċità mill-iktar diretta u ċara ħafna. Ktieb li nittama li aktar ’il quddiem nikteb artiklu dwaru. Fih huwa jgħid sew li Sidna Ġesù Kristu kien jgħix fil-faqar u li kien ħaddiem li għamel din l-għażla. Kliemu, waqt li jiċċita lil San Charles de Foucauld huma dawn: “Gesù è un povero e un operaio.” Ħadd ma jista’ jikkontradixxi dan il-fatt. Fl-għażliet li seta’ jagħmel għażel dawn fil-ġenituri li wkoll ried li jrabbuh u jieħdu kura tiegħu.

Konsagrazzjoni lil San Ġużepp

4. San Ġużepp għandu diversi kotba ddedikati għalih. Hemm ukoll biċċiet li wieħed jista’ jislet minn kotba oħra. F’dan tibqa’ skantat li ħafna jixħtu dawl varju fuq ħidmietu. Fost dawk li sa issa qrajt sibt minjiera ta’ għerf u osservazzjonijiet fil-ktieb ta’ awtur Amerikan. Donald H. Calloway (1972), saċerdot Kattoliku u parti mill-Congregation of Marian Fathers of the Immaculate Conception of the Most Blessed Virgin Mary, fl-2020 ippubblika l-ktieb Consecration to St Joseph. The Wonders of Our Spiritual Father. Ktieb mill-isbaħ għal min irid isir jaf ferm iktar dwar il-qaddis. Wieħed li jrid ħafna attenzjoni u li tajjeb li ma jinqarax f’daqqa, imma biċċa biċċa. Kif kelli x-xorti li nagħmel fil-ħin li kelli tul il-pandemija li għaddejna minna. Tgħallimt ħafna, u fhimt iktar dak li kont ilni niltaqa’ miegħu mingħajr ma kelli spjegazzjoni sħiħa għalih.

Proċess

5. Xtaqt nagħmel dan il-punt illum sabiex inħajjar li wieħed jimxi fil-proċess ħalli jifhem iktar għala huwa importanti li niċċelebraw lil dan il-qaddis. Fil-fatt dan il-ktieb, li ma nieqafx nirrakkomanda, jibda bil-kliem tal-Franċiż San Pietru Julian Eymard (1811-1868). Hemm ħafna estratti ta’ kotba varji li huma mill-isbaħ, imma hu jibda b’din: “Devotion to St Joseph is one of the choicest graces that God can give to a soul, for it is tantamount to revealing the entire treasury of our Lord’s graces. When God wishes to raise a soul to greater heights, he unites it to St Joseph by giving it a strong love for the good saint.” (Id-devozzjoni lejn San Ġużepp hija waħda mill-aqwa grazzji li l-Ħallieq tagħna jagħżel li jagħti lil ruħ, għax dan ifisser li qed jingħaddulha t-teżori sħaħ tal-grazzji tiegħU. Meta l-Ħallieq jagħżel li jgħolli ruħ ’il fuq, jgħaqqadha ma’ San Ġużepp billi jagħtiha imħabba b’saħħitha għal dan il-qaddis twajjeb.) Id-devozzjoni hija tajba, imma tikber u titjieb meta wieħed jimxi iktar ’il quddiem f’din it-triq, f’dan il-proċess twil imma sabiħ.

Intom tafu

6. F’dan, ftit iktar waqt li tkun qiegħed taqrah, tinduna wkoll kemm bnedmin li aħna nagħrfu li għexu ħajja ta’ qdusija kitbu verament kliem mill-isbaħ dwar San Ġużepp. Ċertament kienu ispirati, imma ngħid ukoll li ħafna oħrajn kitbu wara li ġarrbu. Setgħu iktar għax għaddew minn ħafna u talbuh. Waħda minnhom, li kellha fiduċja totali u li qabel oħrajn iddedikat kunventi għalih kienet Santa Tereża ta’ Avila (1515-1582). Fost il-varjetà ta’ kitbiet uniċi tagħha, hija tgħid hekk: “The Lord wants us to understand that just as he was subject to St Joseph on earth – for since bearing the title of father being the Lord’s tutor, Joseph could give the child commands – so in heaven God does whatever he commands.” (Sidna Ġesù Kristu jridna nifhmu li bħalma kien suġġett taħt San Ġużepp fid-dinja – u dan billi kellu t-titlu ta’ missier u tutur tiegħu, Ġużeppi seta’ jagħti kmand lilu – għalhekk fil-ġenna l-Ħallieq tagħna jwettaq dak li huwa jikkmanda.)

Niċċelebraw

7. Għalhekk illum niċċelebraw din il-festa qaddisa u sabiħa. Nagħmlu dan fil-ferħ li ġġib magħha u fl-għarfien li hija mimlija b’sens u sustanza. Festa li tfakkarna fit-tradizzjonijiet reliġjużi u kulturali li nħaddnu. Waħda li tibgħatilna l-messaġġ li rridu nkunu protetturi tagħha. Inkunu dawk li nassiguraw li, bħal ta’ qabilna, ngħadduha lil ta’ warajna. Illum San Ġużepp – ġurnata speċjali għalina wkoll. Nosservawha fl-ġieħ li tagħtina u li titlob minna.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...