12.9.17

L-Użu Tajjeb Tal-Ittri


 
1.      Hemm linji varji li wieħed jista’ jieħu meta l-bnedmin jiktbu lil xulxin.  Jew aħjar, li kienu jiktbu iktar fiż-żmien meta l-mobile u l-mezzi elettroniċi ma kienux jeżistu.  Hemm f’dawk passati linja personali li diffiċli li wieħed ikun jista’ jibniha f’mezzi oħra.  Fid-diversi emails li wieħed jirċievi ftit huma dawk li jirnexxilhom ikunu mill-qalb u li fihom wieħed jikxef lilu nnifsu.

2.      Illum huwa magħruf li l-internet huwa aċċessibbli u ma hemmx ħafna ostakli biex wieħed isib dak li kiteb jew inkitiblu f’idejn terzi.  Hemm fl-ittri, però, messaġġi varji li jitilqu minn dawk personali, kif qed ngħidu, għal dawk iktar uffiċjali.  Il-Biblioteka Nazzjonali tagħna fiha ġabra ta’ korrispondenza bejn il-Gran Mastru u –renjanti Ewropej.  Huma mimlija b’informazzjoni u fl-istess ħin indikattivi tal-perjodi partikolari li fihom inkitbu.

3.      Fl-ittri passati, dawk li jistqarru jew isostnu jew ifittxu l-imħabba ġibdu ħafna attenzjoni tal-letteratura u tar-retroxeni tal-eventi.  Għandhom niċċa għalihom li jitolbu attenzjoni partikolari.  Hemm ukoll dawk li nbnew fis-sekli fi ħdan il-Knisja Kattolika.  Ibda minn San Pawl, San Pietru, San Ġakbu u San Ġwann, li l-ittri tagħhom insibuhom fit-Testment il-Ġdid.  Ittri mimlija huma wkoll b’messaġġi ta’ imħabba fejn il-ġeneralità tal-udjenza titħallat mal-partikolarità.  Fejn l-ittra tiġi prinċipalment indirizzata lil xi ħadd direttament u personalment, li għandha l-effett fuq il-komunità kollha.

4.      L-ittri ta’ dawn l-appostli ħallew warajhom tradizzjoni li diversi qaddisin oħra mxew fuqhom.  Bħal San Franġisk de Sales, jew San Anselmo, jew San Ġwann tas-Salib li f’ittri separati lil min kienu qed jgħaddu u jagħtu gwida spiritwali kitbu l-pariri tagħhom bil-miktub.  Hemm fihom għalhekk taħlita minn naħa l-waħda dak personali bejn bnedmin li għexu fl-istess żmien, u fuq l-oħra dak inqas, però mhux impersonali fejn dawk li jaqrawhom iktar tard fis-snin isibu ruħhom imqanqla u involuti.

5.      Ftit ilu missejt ma’ dan fi ktejjeb ta’ Henri J.M. Nouwen bit-titlu Letters to Marc About Jesus.  Nouwen, li ċertament huwa magħruf fost il-qarrejja ta’ din il-gazzetta, kien saċerdot kattoliku Olandiż, professur, kittieb u teologu, illum imsejjaħ għal għand il-Ħallieq (21.09.1996).  Kien abbanduna kollox biex jgħix u jieħu ħsieb persuni b’diżabilità severa/  Kittieb prolifiku li kull biċċa li taqra bilfors tieqaf taħseb u tirrifletti fuq dak li huwa teoloġiku, imma iktar personali.

6.      L-ittri lil Marku huma indirizzati lin-neputi tiegħu, Marc van Campen, li dak iż-żmien kellu 19-il sena.  F’seba’ ittri miktuba bejn il-11 ta’ Frar 1986 sat-18 ta’ Settembru hemm messaġġi mill-isbaħ.  Diretti biex jagħtu l-essenzjal min-naħa, u fl-istess ħin biex jagħtu għodda sempliċi u faċli biex persuna taqbad it-triq.  Hemm fihom l-aspett personali.  Nouwen jispjega fejn huwa, x’inhuwa jagħmel, ma’ min qiegħed u fl-istess ħin insibu partijiet li jmissu lil dan il-ġuvnott f’dak li kien għaddej.

7.      Biss l-awtur, għalkemm qiegħed, biex ngħidu hekk, jisserva b’dan il-ġuvnott, qiegħed fil-fatt ukoll fl-istess ħin jikteb b’mod li min isib dan il-ktejjeb f’idu jaf jagħraf li huwa wkoll indirizzat lilu.  Mhux biss personali jew ġenerali, imma trasferiment tal-persuna li għalhekk jippermettu ferm iktar għarfien milli wieħed jaħseb.  Proprju għalhekk li għalkemm huwa faċli biex jinqara’, però daqshekk ieħor huwa mimli b’sens, sustanza u direzzjoni.

8.      Hemm spjegazzjonijiet varji u mill-isbaħ.  It-titoli tal-ittri jitkellmu waħedhom: Jesus. The Heart of our Existence, Jesus God who set us Free, Jesus: the Descending God jew The Loving God.  Li lkoll jeħduk mill-eventi tad-dinja tallum għall-preżent li ngħixu.  Mhux ser nirrepeti estratti twal dwar dak li hemm miktub fihom.  Inħajjarkom biss li taqrawh.

9.      Ser però nillimita ruħi għall-aħħar ittra tiegħu Listening to Jesus, fejn lin-neputi maħbub tiegħu jgħidlu: “You and I both are called to be disciples of Jesus.  The difference between us in age, circumstances, upbringing, and experience are small matters compared with the calling we have in common.  What counts is being attentive at all times to the voice of God’s love”.  U jistaqsi: “How can we keep listening to his voice in a world which does its best to distract us and get own attention for seemingly more urgent matters?”.  U hawn jagħti tlett pariri siewja li ser inħallikom bihom: l-ewwel: Listen to the Church; it-tieni: Listen to the Book; u t-tielet: Listen to your Heart.

10.    Għal min irid jieqaf jaqra malajr ktejejb (paġni 83) mimli ħsieb u li jmexxik biex tirrifletti, dan huwa hu.  Nirrakkomandah.



     

11.9.17

Nikkumbattu għad-Demokrazija.



Il-Partit Nazzjonalista jingħaqad ma’ diversi pajjiżi oħra sabiex ifakkar l-vittmi innoċenti li 16-il-sena, proprju fil-11 ta’ Settembru 2001 fl-Istati Uniti tal-Amerika tilfu ħajjithom. F’dak il-jum, id-dinja waqfet tħares, waqt li erba’ ajruplani ntużaw bħala armi mill-grupp terroristiku tal-Al Qaeda sabiex jolqtu fil-qalb mhux biss dak il-poplu, imma s-sistema demokratika tagħna kollha.


Kien il-mument meta rajna lilna nfusna iktar vulnerabbli milli konna naħsbu, f’dinja moderna li fiha konna naħsbu li hemm is-sigurtà. Kien il-jum li se jibqa’ jimmarka ġenerazzjonijiet sħaħ fil-banalità ta’ atti li wlied il-ħażen għandhom. Għax il-ħażen huwa kontra l-ordni naturali, jwassal għall-instabbiltà u telf tal-paċi pubblika u ma jġib ebda forma ta’ ġid.


Għall-Partit Nazzjonalista, din hija ferita ħajja għall-umanità, għall-popli ċivilizzati u li jħaddnu l-libertà u l-ġustizzja. Għalhekk il-mewt ta’ 3,000 persuna m’għandux u ma jistax jintnesa. Għalhekk aħna ningħaqdu  b’solidarjetà ma’ dak il-poplu kbir li għadda d-demokrazija lill-oħrajn. Għax it-triq tagħna hija proprju dik fil-ġlieda għas-sewwa.


Carmelo Mifsud Bonnici

Kelliem għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ


David Stellini

Kelliem għall-Affarijiet Ewropej


11.09.17

5.9.17

Iċ-ċittadinanza doppja.


 
1.      Bħal diversi pajjiżi fid-dinja, tagħna ħa ħsieb li jiftaħ il-bieb sabiex ċittadini ta’ dawn il-gżejjer li fil-passat tagħhom, għar-raġunijiet tagħhom, emigraw ikunu jistgħu japplikaw u jingħataw iċ-ċittadinanza.  Kien proċess ċar u determinanti li nbeda biċċa biċċa taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti.  Dak iż-żmien, il-Ministru Tonio Borg kien fetaħ il-bieb sabiex Maltin u Għawdxin tat-tieni u tat-tielet ġenerazzjoni setgħu japplikaw u jieħdu bi dritt lura dak li għandhom.  Il-liġijiet tagħna jimxu fuq il-prinċipju tal-jus sanguinis, fejn iċ-ċittadinanza tingħata skont id-demm u mhux fl-art fejn wieħed twieled.

Protezzjoni tal-kultura

2.         Niftakar fl-ewwel ħatra tiegħi bħala Membru Parlamentari, u wara bħala Segretarju Parlamentari, fl-2007 insegwi l-emendi li kienu saru proprju sabiex dan ikompli jsir u jinfirex.  Il-Maltin ta’ barra ngħataw drittijiet li ma kellhomx u ċ-ċittadinanza doppja saret bi dritt, u mhux b’eċċezzjoni.  Kif ilkoll nafu, dik kienet deċiżjoni li kienet ġiet apprezzata ħafna mill-ewwel, għax kull persuna ngħatat il-libertà li qabel ma kellhiex.  Iktar u iktar meta biċ-ċittadinanza Maltija, wieħed isir ukoll ċittadin tal-Unjoni Ewropea.  Proprju b’dak il-pass politiku, li kien fortunatament ittieħed, li l-pajjiż beda jħares iktar b’saħħa lejn il-protezzjoni tal-kultura u l-lingwa tagħna fil-pajjiżi fejn diversi emigraw, bħal pereżempju l-Awstralja, il-Kanada u l-Istati Uniti tal-Amerika.

Pajjiż eċċellenti

3.         Dan kien ġie apprezzat sew, kif qal sewwa r-rappreżentant tal-Kummissjoni Għolja Awstraljana tul Konvenzjoni li kienet saret fl-1 ta’ Frar 2000: “The new citizenship law is an excellent step in the right direction, especially in so far as it makes it easier for the children of migrants born abroad, to retain dual citizenship”.  Fil-fatt dan sar proprju għax kienet saret emenda fil-liġi Maltija li fiha ngħad li ċittadin Malti ma jitlifx tali ċittadinanza meta jkun akkwista dik ta’ pajjiż ieħor.  Dan fisser li dik ir-rabta li kien hemm qabel ġiet użata fil-liġi u dan wassal, iktar ‘il quddiem, għat-twaqqif tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu barra minn Malta, permezz tal-Kapitolu 515 tal-liġijiet tagħna.

Artikolu interessanti

4.         Dan sallul kien u jibqa’ pożittiv, però hemm numru ta’ eventi li ġraw fl-Awstralja li jimmeritaw l-attenzjoni serja tagħna.  Diġà deher artikolu interessanti ta’ Lawrence Dimech, pijunier f’dan is-suġġett, fil-ġurnal l-Orizzont.  Taħt it-titolu “Kif fiċ-Ċittadinanza Doppja Tista’ Tħawwadna” tqajmu numru ta’ punti marbuta ma’ dak li qiegħed jiġri f’dak il-pajjiż, fejn numru ta’ deputati kellhom iċedu s-siġġu minħabba ċittadinanza doppja.  Kif spjega tajjeb: “L-Awstralja titlob li biex tkun membru tal-Parlament Federali, l-alleanza tiegħek trid tkun biss lejn l-Awstralja, jiġifieri ma jistax ikollok ċittadinanza doppja”.




Artikolu 44

5.         B’dan, il-pożizzjoni aggravat tul dan ix-xahar, meta d-Deputat Prim Ministru Awstraljan, Barnaby Joyce, ingħad li huwa ineliġibbli li jibqa’ fil-Parlament għax jista’ jkun li huwa ċittadin ta’ New Zealand, fejn twieled.  Skont l-artikolu 44 tal-Kostituzzjoni Awstraljana dan m’huwiex permess.  Dan il-membru stqarr hekk: “I was born in Australia in 1967 to an Australian mother and I think I’m fifth generation.  My father was born in New Zealand, came to Australia in 1947 as a British subject.  In fact, we were all British subjects at that time”.  Pożizzjoni li taf tapplika għad-diversi Maltin li hemm f’dak il-pajjiż.

Double happiness

6.         Din il-kwistjoni legali qajmet ukoll l-interess tal-medja barranija.  The Economist, fil-ħarġa tiegħu tad-19 ta’ Awissu, ddedika parti mill-editorjal tiegħu bit-titolu “Double Happiness”.  Hemm ingħad tajjeb ħafna li: “Trying to make sure that lawmakers do not owe allegiance to a foreign power is fair enough.  But the accident of birth and possession of particular citizenship papers are poor measures of loyalty, all the more so in a tie of global travel, migration and mixed marriages.  People of more than one nationality should not be treated with suspicion”.  Verament m’għandux ikun, l-ewwel li wieħed iħares b’suspett jew jaħseb ħażin, jew jakkużahom bi tradiment lil dawn li għandhom, jew huma intitolati għaċ-ċittadinanza doppja.  It-tieni, għax il-poplu għandu jkollu d-dritt li jivvota għal min jagħżel, għax il-kwalitajiet, il-karattru u l-imġieba ta’ kull kandidat huma differenti.

Livell diplomatiku

7.         Dan is-suġġett ma tantx ingħata attenzjoni f’pajjiżna; u nifhem, għax fih diffikultajiet u kumplikazzjonijiet.  Dawk ta’ natura legali u relazzjonijiet bejn l-istati.  Dimech jgħid: “Huwa ta’ importanza li jkun hemm spjegazzjonijiet ċari biex ħadd ma jiġi mqarraq”.  Biss, hemm iktar minn tagħrif.  Dan huwa punt legali u kostituzzjonali li qiegħed jaffettwa ħażin.  Għalhekk, wieħed m’għandux jaħrab mill-bżonn li l-kwistjoni tiġi konfrontata fuq livelli diplomatiċi għolja.  Hemm dawk marbuta mal-pożizzjoni nazzjonali.  Ir-rabta speċjali tagħna mal-Awstralja, b’tant eluf ta’ Maltin hemm, titlob linaraw kif dak li sar bi qbil maż-żewġ naħat ma jeffettwax negattivament deputati b’demm Malti.  It-tieni, hemm ukoll lok għall-Unjoni Ewropea li tinterjeni hija.  Għax b’dan l-artikolu kostituzzjonali jistgħu jiġi effettwati diversi ċittadini Ewropej oħra.

Konfront intelliġenti

8.         Wieħed għandu jikkonfronta din il-pożizzjoni b’intelliġenza u b’rispett lejn id-diversi persuni li huma intitolati għaċ-ċittadinanza Maltija.  L-ewwel, b’diskussjoni miftuħa bejn l-istati u l-Unjoni Ewropea.  It-tieni, dejjem jekk il-Qorti Kostituzzjonali Awstraljana ma tiddeċidix mod ieħor, li wieħed jistenna li jsiru emendi legali sija fil-Kostituzzjoni Awstraljana kif ukoll, dejjem jekk ikun hemm lok, f’dik ta’ pajjiżna.  M’hemmx dubju li dan huwa suġġett li jimmerita attenzjoni.  Wieħed li hemm bżonn li jiġi diskuss sabiex iċ-ċittadinanza doppja ma teffettwax ħażin.


Don Primo Mazzolari


 
1.      Il-bniedem numru ta’ drabi jagħżel fejn ser iservi, drabi oħra jiġi lilu magħżul, biċ-ċirkostanzi, b’ħidmet bnedmin oħra.  Ħafna oħrajn isibu taħlita bejn it-tnejn.  Jixtiequ jmorru naħa u jsibu ruħhom meħuda naħa oħra.  Jixtiequ li d-direzzjoni tkun naħa, mentri jsibu ruħhom jimxu f’toroq opposti u differenti minn dak li riedu.  Il-bniedem jaf li jista’ jagħżel li jservi u jista’ li jisserva bl-oħrajn.  Meta jaqbad il-linja li jkun għas-servizz tal-proxxmu jsir jaf li ħajtu tinbidel, tikber, tissaħħaħ u titkattar.  Però hija ħajja mikxufa għall-elementi umani u mhix għall-irdoss wara ħajt tas-sejjieħ.

2.      Tul il-ġimgħat li għaddew, il-Papa Franġisku mar f’Bozzolo, raħal żgħir taħt Mantova fl-Italja, jonora l-memorja ta’ saċerdot uniku li ċert li ftit jafu bih, Don Primo Mazzolari.  Imwieled żewġ sekli ilu, fit-13 ta’ Jannar 1890 u ġie nieqes fit-12 ta’ April 1959.  Serva ħajtu kollha bħala kappillan ta’ dan ir-raħal ċkejkuni.  Hemm kiteb diversi kotba, kien preżenti għall-poplu, anti-faxxista, parti mill-moviment partiġġjan u, fuq kollox, vuċi favur dawk l-iżjed l-isfel fis-soċjetà.  Mhux mifhum minn uħud, senjatament għal perjodu partikolari, anke mill-istess Knisja.  Imma maż-żmien ġie apprezzat ferm iktar milli wieħed jista’ jaħseb.  Il-Papa Pawlu VI, li jibqa’ għalija dawl uniku, kien qal dwaru: “Camminava avanti con un passo troppo lungo e spesso noi non gli si poteva tener dietro.  E così ha sofferto lui e abbiamo sofferto anche noi.  È il destino dei profeti”.

3.      Kien, f’ħafna, profeta għal żminijietu.  Seta’ jħares il-bgħid minn ħafna u fit-tul.  Kif qal il-Papa Franġisku, kienet profezija li seħħet fl-imħabba lejn żmienu, li jorbot ħajtu mal-bnedmin li kien jiltaqa’ magħhom li jaqbad kull okkażjoni u opportunità biex ixandar il-ħniena ta’ Alla.

4.      Kien f’dan il-bniedem għas-servizz tal-bniedem.  Għax għaraf li jrid jimxi barra mill-knisja fejn kien iservi.  Għax jekk il-poplu ma kienx qiegħed jidħol fl-għatba tagħha, allura kellu jieħu ħsieb jara għala, jfittex ir-raġunijiet u l-bżonnijiet.  Imur hu fejn hemm il-proxxmu biex jifhem u jiġbdu lejh.  Għax in-neċessitajiet materjali umani huma fihom infushom huma wkoll strumenti għas-sewwa.  Fejn wieħed iħares ‘il quddiem billi jagħraf il-problemi tal-preżent.  Hekk kien hu.  Bniedem miftuħ u ta’ eżempju, sija fil-kamp strettament spiritwali, kif ukoll f’dak soċjali u politiku.  Kien hu li rrifjuta jkanta t-Te Deum meta attentat fuq ħajjet Mussolini falla.  Kien hu li proprju minħabba l-ideat demokristjani spiċċa l-bniedem li sparaw fuqu l-faxxisti.  Għax min huwa nisrani ma jistax ikun faxxist.

5.      Don Primo Mazzolari sirt naf bih meta fl-1986, waqt li kont preżenti għall-Kungress tad-Demokrazija Kristjana Taljana f’Ruma kont xtrajt librett fejn kien hemm miġbura numru ta’ ideat politiċi tiegħu bl-isem “Note Politiche 1945-1948”.  Kont qrajtu u influwenzani.  Għarfien li kabbart meta, fortunatament, iltqajt mal-mibki maħbub Kapuċċin William Axiaq.  Patri William kellu l-kollezzjoni sħiħa ta’ kitbet Mazzoolari, stivati wieħed wara l-ieħor preċiżi fuq xkafef li kelli suspett li saru apposta għal dawn il-kotba.

6.      Mingħandu ssellift u stajt naqra u nifhem ferm iktar kif saċerdot jista’ jkun għas-servizz tal-proxxmu mingħajr ma jispiċċa parti mill-politika partiġġjana.  Fil-ktieb “Lettere al mio parroco” jibda billi jistaqsih hekk: “Dovrò anche occuparmi di politica?  Non si spaventi.  Il mio parroco non si dovrà occupare di politica, ma dovrà giudicare la politica quando verrà davanti alla sua coscienza di Cristiano e di pastore.  Non giudicherà il particolare, l’accessorio, la tecnica; ma l’ispirazione, la finalità, l’onestà del mezzo cadono sotto la coscienza Cristiana di cui il parroco è un eco e una difesa”.

7.      Meta taqra dan tifhem iktar kemm ħidmet il-bniedem fis-saċerdozju tibqa’ waħda rilevanti u bżonnjuża fis-soċjetà moderna tagħna.  Waħda li tispirana u tiggwidana fid-diffikultajiet u l-kumplikazzjonijiet li aħna, li qed nippruvaw nimxu t-triq, insibu.  Don Primo Mazzolari jibqa’ uniku.  Ħalla marka warajh għal bnedmin tal-ġenerazzjoni tiegħu.  Ħasra li f’dinja dominata minn ideat anti-Kristjani, il-vuċi u l-ideat tiegħu ma jinġabrux u jiġu apprezzati mill-ġdid.


Helmut Kohl.

 
1.            Hemm mexxejja Ewropej li jgħaddu, jissemmew temporanjament u oħrajn li jħallu l-marka tagħhom.  Diversi huma dawk li jsibu ruħhom fl-opportunità li jinfluwenzaw l-eventi tal-bniedem.  Il-maġġoranza tagħhom, kif nafu, jservu għal ftit żmien u jintesew.  Il-ftit, però, jkunu hemm fit-tul u jħallu l-marka tagħhom hemm.  Il-karattru, il-prinċipji li wieħed iħaddan, il-viżjoni politika tagħhom, kif ukoll iċ-ċirkostanzi partikolari tal-ħajja huma l-elementi determinanti.  Huma dawn il-fatturi li jagħżlu mexxejja minn oħrajn.

2.         L-Ewropa ilha s-sekli ċentru ta’ attività politika li minnha popli u pajjiżi oħra, b’xi mod, iddipendew.  Il-paċi jew il-gwerra f’dan il-kontinent ġibed miegħu oħrajn.  F’din l-art il-bilanċi interni, l-ordni ta’ stabilità bejn dawk li kienu l-potenzi ta’ kull żmien, kienu l-fatturi prinċipali.  Jekk dan kienx frott ftehim jew trattati bħal dawk tal-paċi ta’ Westphalia, jew tal-Kungress ta’ Vienna, inkella ta’ mexxejja politiċi bħall-Awstrijak Klemens von Metternich jew tal-Prussjan Otto von Bismarck, ilkoll servew biex irrendew lura stabilità jew instabilità.  L-effetti ta’ ħidmiethom għadhom, fil-verità, magħna sallum.  Min irid jifhem l-istorja, min irid jagħraf li għandna passat u mhux preżent biss irid imur lura lejn dawk iż-żminijiet.

3.         Nhar is-16 ta’ Ġunju ġie nieqes persuna li kiteb ismu fost dawn il-bnedmin li servew fit-tul u sewwa lill-poplu tagħhom u dak Ewropew.  Helmut Kohl ġiet nieqes fl-età ta’ sebgħa u tmenin sena, wara ħajja li ratu protagonist ewlieni fl-Ewropa.  Kien il-Kanċillier tal-Ġermanja mifruda u magħquda għal sittax-il sena.  Kien il-bniedem li serva sabiex iġib lura l-għaqda fi ħdan il-pajjiż li mit-Tieni Gwerra Mondjali kien maqsum.  Il-waqa’ tal-Ħajt ta’ Berlin fl-1989 ġie f’mument partikolari li ftit kienu qegħdin jipprevedu.

4.         Mument li però ried risposti malajr, anke jekk ma kienx hemm preparazzjoni għal dak li ftit kienu jipprevedu.  Mhux biss, iżda kien wieħed li ġieb lura fuq dan il-poplu l-biżgħat passati li twieldu minn Ġermanja kbira u b’saħħitha.  Kohl, dan kollu, b’diffikultajiet kbar kien irnexxielu jirbħu.  Il-kuraġġ, id-determinazzjoni u l-perseveranza tiegħu servewh sabiex il-pajjiż ingħaqad mill-ġdid, bid-diffikultajiet soċjali u ekonomiċi li dan ġieb miegħu.  Deċiżjonijiet xejn faċli li llum ilkoll nirrikonoxxu li kien sew li ġew meħuda.  Ittieħdu għal dak il-poplu, imma miegħu sar gwadan ta’ oħrajn ukoll.

5.         Helmut Kohl kien ġej minn familja politika demokratika Kristjana.  Linja ideoloġika li servietu sabiex jifhem dak li għandu jwettaq f’ħidmietu.  Linja li minnha twieldet il-konvinzjoni tal-bżonn ta’ Ewropa magħquda u waħda li hija iktar viċin iċ-ċittadin.  Fl-intern ta’ dak li llum hija l-Unjoni Ewropea, kien għalhekk forza li żammet it-truf tal-membri f’posthom, mexjin ‘il quddiem.  Kien hu wkoll li għaraf li pajjiżna jagħmel sens li jkun parti mill-Unjoni u assigura l-appoġġ tiegħu.

6.         Kien bniedem li assigura wkoll riformi fi ħdan pajjiżu biex żied, b’intelliġenza, ir-riformi soċjali.  Kien huwa li introduċa diversi miżuri favur il-familja u dawk li sforz l-età kienu qed isibu diffikultajiet biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol.  Fost dawn intervjena f’ħafna favur il-ħajja u kontra l-kultura tal-mewt.

7.         Ma hemmx dubju li l-Ewropa tilfet mexxej kbir.  Wieħed li serviha u li mexxiha ‘l quddiem għal fejn waslet illum għax kellu viżjoni ċara.  Kif jixhdu tajjeb kliemu: “The future will belong to the Germans when we build the House of Europe.  In the next years we will make the process of European integration irreversible.  Tis is a really big battle but it is worth the fight”.  Il-kommemorazzjonijiet li sarulu minn mexxejja varji mid-dinja kollha daru ma’ dawn il-prinċipji b’rikonoxximent ugwali.  Wieħed li għalih aħna wkoll ningħaqdu magħhom.



KWISTJONI TA' DINJITA

1. Bħalissa l-aġenda tad-dinja hija mimlija b’tip, metodu ta’ politika barranija li m’aħniex imdorrijin biha. Konfrontattiva flok ibba...