1. Il-bniedem numru ta’ drabi jagħżel fejn
ser iservi, drabi oħra jiġi lilu magħżul, biċ-ċirkostanzi, b’ħidmet bnedmin
oħra. Ħafna oħrajn isibu taħlita bejn
it-tnejn. Jixtiequ jmorru naħa u jsibu
ruħhom meħuda naħa oħra. Jixtiequ li
d-direzzjoni tkun naħa, mentri jsibu ruħhom jimxu f’toroq opposti u differenti
minn dak li riedu. Il-bniedem jaf li
jista’ jagħżel li jservi u jista’ li jisserva bl-oħrajn. Meta jaqbad il-linja li jkun għas-servizz
tal-proxxmu jsir jaf li ħajtu tinbidel, tikber, tissaħħaħ u titkattar. Però hija ħajja mikxufa għall-elementi umani
u mhix għall-irdoss wara ħajt tas-sejjieħ.
2. Tul il-ġimgħat li għaddew, il-Papa
Franġisku mar f’Bozzolo, raħal żgħir taħt Mantova fl-Italja, jonora l-memorja
ta’ saċerdot uniku li ċert li ftit jafu bih, Don Primo Mazzolari. Imwieled żewġ sekli ilu, fit-13 ta’ Jannar
1890 u ġie nieqes fit-12 ta’ April 1959.
Serva ħajtu kollha bħala kappillan ta’ dan ir-raħal ċkejkuni. Hemm kiteb diversi kotba, kien preżenti
għall-poplu, anti-faxxista, parti mill-moviment partiġġjan u, fuq kollox, vuċi
favur dawk l-iżjed l-isfel fis-soċjetà.
Mhux mifhum minn uħud, senjatament għal perjodu partikolari, anke
mill-istess Knisja. Imma maż-żmien ġie
apprezzat ferm iktar milli wieħed jista’ jaħseb. Il-Papa Pawlu VI, li jibqa’ għalija dawl
uniku, kien qal dwaru: “Camminava avanti con un passo troppo lungo e spesso noi
non gli si poteva tener dietro. E così
ha sofferto lui e abbiamo sofferto anche noi.
È il destino dei profeti”.
3. Kien, f’ħafna, profeta għal
żminijietu. Seta’ jħares il-bgħid minn
ħafna u fit-tul. Kif qal il-Papa
Franġisku, kienet profezija li seħħet fl-imħabba lejn żmienu, li jorbot ħajtu
mal-bnedmin li kien jiltaqa’ magħhom li jaqbad kull okkażjoni u opportunità
biex ixandar il-ħniena ta’ Alla.
4. Kien f’dan il-bniedem għas-servizz
tal-bniedem. Għax għaraf li jrid jimxi
barra mill-knisja fejn kien iservi. Għax
jekk il-poplu ma kienx qiegħed jidħol fl-għatba tagħha, allura kellu jieħu
ħsieb jara għala, jfittex ir-raġunijiet u l-bżonnijiet. Imur hu fejn hemm il-proxxmu biex jifhem u
jiġbdu lejh. Għax in-neċessitajiet
materjali umani huma fihom infushom huma wkoll strumenti għas-sewwa. Fejn wieħed iħares ‘il quddiem billi jagħraf
il-problemi tal-preżent. Hekk kien
hu. Bniedem miftuħ u ta’ eżempju, sija
fil-kamp strettament spiritwali, kif ukoll f’dak soċjali u politiku. Kien hu li rrifjuta jkanta t-Te Deum meta
attentat fuq ħajjet Mussolini falla.
Kien hu li proprju minħabba l-ideat demokristjani spiċċa l-bniedem li
sparaw fuqu l-faxxisti. Għax min huwa
nisrani ma jistax ikun faxxist.
5. Don Primo Mazzolari sirt naf bih meta
fl-1986, waqt li kont preżenti għall-Kungress tad-Demokrazija Kristjana Taljana
f’Ruma kont xtrajt librett fejn kien hemm miġbura numru ta’ ideat politiċi
tiegħu bl-isem “Note Politiche 1945-1948”.
Kont qrajtu u influwenzani.
Għarfien li kabbart meta, fortunatament, iltqajt mal-mibki maħbub
Kapuċċin William Axiaq. Patri William
kellu l-kollezzjoni sħiħa ta’ kitbet Mazzoolari, stivati wieħed wara l-ieħor
preċiżi fuq xkafef li kelli suspett li saru apposta għal dawn il-kotba.
6. Mingħandu ssellift u stajt naqra u nifhem
ferm iktar kif saċerdot jista’ jkun għas-servizz tal-proxxmu mingħajr ma
jispiċċa parti mill-politika partiġġjana.
Fil-ktieb “Lettere al mio parroco” jibda billi jistaqsih hekk: “Dovrò
anche occuparmi di politica? Non si
spaventi. Il mio parroco non si dovrà
occupare di politica, ma dovrà giudicare la politica quando verrà davanti alla
sua coscienza di Cristiano e di pastore.
Non giudicherà il particolare, l’accessorio, la tecnica; ma
l’ispirazione, la finalità, l’onestà del mezzo cadono sotto la coscienza
Cristiana di cui il parroco è un eco e una difesa”.
7. Meta taqra dan tifhem iktar kemm ħidmet
il-bniedem fis-saċerdozju tibqa’ waħda rilevanti u bżonnjuża fis-soċjetà
moderna tagħna. Waħda li tispirana u
tiggwidana fid-diffikultajiet u l-kumplikazzjonijiet li aħna, li qed nippruvaw
nimxu t-triq, insibu. Don Primo
Mazzolari jibqa’ uniku. Ħalla marka
warajh għal bnedmin tal-ġenerazzjoni tiegħu.
Ħasra li f’dinja dominata minn ideat anti-Kristjani, il-vuċi u l-ideat
tiegħu ma jinġabrux u jiġu apprezzati mill-ġdid.
No comments:
Post a Comment